Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1529

    Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)

    PE/67/2021/INIT

    ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1529/oj

    20.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 330/1


    REGOLAMENT (UE) 2021/1529 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Settembru 2021

    li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 212(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) skada fil-31 ta’ Diċembru 2020. Sabiex tinżamm l-effettività tal-Unjoni fl-azzjoni esterna, jenħtieġ li jinżamm għall-perijodu bejn l-2021 u l-2027 qafas għall-ippjanar u għall-għoti ta’ assistenza esterna.

    (2)

    L-objettiv ta’ strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni huwa li jipprepara lill-benefiċjarji għal sħubija futura fl-Unjoni u li jappoġġa l-proċess ta’ adeżjoni tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm strument dedikat għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għall-perijodu 2021-2027 (IPA III) b’appoġġ għat-tkabbir, filwaqt li jiġi żgurat li l-objettivi u l-funzjonament tiegħu jkunu konsistenti mal-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jkunu komplementari għalihom, inkluż ir-rispett għad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali kif ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Dan l-istrument jenħtieġ li jkun ukoll komplementari mal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI) stabbilit taħt ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (3)

    L-Artikolu 49 TUE jipprevedi li kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, u li hu impenjat li jippromwovi dawk il-valuri jista’ japplika biex isir membru tal-Unjoni. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà li fiha jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

    (4)

    Stat Ewropew li jkun applika biex jissieħeb fl-Unjoni jista’ jsir membru tal-Unjoni biss meta jiġi kkonfermat li jissodisfa kompletament il-kriterji ta’ adeżjoni stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen f’Ġunju 1993 (il-“kriterji ta’ Copenhagen”) u dment li l-Unjoni jkollha l-kapaċità li tintegra lill-membru l-ġdid. Il-kriterji ta’ Copenhagen huma relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona kif ukoll il-kapaċità li jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, u l-abbiltà li jassumi mhux biss id-drittijiet iżda wkoll l-obbligi stabbiliti fit-Trattati, inkluż l-ilħuq tal-għanijiet ta’ unjoni politika, ekonomika u monetarja.

    (5)

    Il-politika ta’ tkabbir tal-Unjoni huwa investiment strateġiku fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità fl-Ewropa u jippermetti lill-Unjoni tkun pożizzjonata aħjar biex tindirizza sfidi dinjija. Dan jipprovdi wkoll aktar opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali għall-benefiċċju reċiproku tal-Unjoni u tal-Istati Membri aspiranti, filwaqt li jiżgura trasformazzjoni gradwali tal-benefiċjarji. Il-prospett ta’ sħubija fl-Unjoni għandu effett trasformattiv qawwi, li jintroduċi bidla pożittiva demokratika, politika, ekonomika u soċjali.

    (6)

    Il-proċess tat-tkabbir huwa mibni fuq kriterji stabbiliti u kondizzjonalità ġusta u rigoruża. Kull benefiċjarju jiġi vvalutat fuq il-merti proprji tiegħu. Il-valutazzjoni tal-progress miksub u l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet għandhom l-għan li jipprovdu inċentivi u gwida lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex jaħdmu fuq ir-riformi estensivi neċessarji. Sabiex il-prospett ta’ tkabbir isir realtà, għadu essenzjali li jkun hemm impenn sod għall-“prijorità tal-kwistjonijiet fundamentali”. L-approċċ tal-“prijorità tal-kwistjonijiet fundamentali” jorbot l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali maż-żewġ oqsma kruċjali l-oħra tal-proċess ta’ adeżjoni: il-governanza ekonomika – enfasi msaħħa fuq l-iżvilupp ekonomiku u kompetittività mtejba – u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Kull waħda minn dawn it-tliet kwistjonijiet fundamentali hija ta’ importanza kruċjali għall-proċessi ta’ riforma fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u tindirizza punti ta’ tħassib ewlenin tan-nies. Il-progress lejn l-adeżjoni jiddependi mir-rispett ta’ kull applikant għall-valuri tal-Unjoni u l-kapaċità tiegħu li jwettaq u jimplimenta r-riformi neċessarji sabiex jallinja s-sistemi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi u ekonomiċi mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni.

    (7)

    Ir-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi essenzjali tal-proċess ta’ tkabbir u huma kruċjali għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Unjoni kollha kemm hi. Is-soluzzjoni definittiva, inklużiva u vinkolanti tat-tilwim bilaterali hija importanti wkoll.

    (8)

    It-tħaddin ta’ valuri fundamentali Ewropej u l-impenn lejhom huma għażla, u huma essenzjali għas-sħab kollha li jaspiraw għal sħubija fl-Unjoni. F’konformità ma’ dan, jenħtieġ li s-sħab jagħmlu tagħhom il-valuri Ewropej u jimpenjaw ruħhom lejhom kif ukoll jirrispettaw ordni globali bbażat fuq ir-regoli u l-valuri u jindirizzaw vigorożament ir-riformi neċessarji fl-interess tal-popli tagħhom. Dan jinkludi l-allinjament progressiv mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet fejn hemm involuti interessi komuni ewlenin, bħal miżuri restrittivi u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u theddid ibridu ieħor.

    (9)

    Il-Kummissjoni enfasizzat il-prospett sod u bbażat fuq il-mertu ta’ sħubija fl-Unjoni għall-Balkani tal-Punent fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Frar 2018 intitolata “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”. Fil-5 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni ppreżentat metodoloġija riveduta għall-proċess ta’ adeżjoni fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent”, li ġiet approvata mill-Kunsill. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll pjan ekonomiku u ta’ investiment għall-Balkani tal-Punent għall-irkupru tagħhom fit-tul wara l-kriżi tal-COVID-19.

    (10)

    L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fid-Dikjarazzjoni ta’ Sofija tas-17 ta’ Mejju 2018 u fid-Dikjarazzjoni ta’ Zagreb tas-6 ta’ Mejju 2020, irriaffermaw l-appoġġ inekwivoku tagħhom għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent kif ukoll l-impenn tagħhom fil-livelli kollha biex jappoġġaw it-trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali tar-reġjun. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Zagreb, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew is-solidarjetà qawwija tagħhom mas-sħab tal-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19.

    (11)

    Il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta’ pajjiż kandidat lir-Repubblika tal-Albanija, l-Iżlanda, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tat-Turkija. Huwa kkonferma l-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent, abbażi tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni li jibqa’ l-qafas komuni għar-relazzjonijiet mal-Balkani tal-Punent. Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus jew għal kwalunkwe deċiżjoni futura li tittieħed mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill, dawk li jibbenefikaw minn perspettiva Ewropea bħal din li ma ngħatawx status ta’ pajjiż kandidat jistgħu jitqiesu bħala kandidati potenzjali unikament għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. F’Marzu 2015, il-Gvern tal-Iżlanda talab lill-Unjoni biex ma tibqax tikkunsidra lill-Islanda bħala pajjiż kandidat, mingħajr, madankollu, ma rtira uffiċjalment l-applikazzjoni għas-sħubja tal-Iżlanda.

    (12)

    Jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll assistenza f’konformità mal-ftehimiet konklużi mill-Unjoni mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I. Jenħtieġ li l-assistenza taħt dan ir-Regolament tkun tiffoka l-aktar fuq l-għajnuna lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, biex jirriformaw l-amministrazzjoni ġudizzjarja u pubblika, biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż dawk ta’ persuni li jappartjenu għal minoranza, u biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tolleranza, l-inklużjoni soċjali u n-nondiskriminazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, tfal jew persuni b’diżabilità. Jenħtieġ ukoll li tappoġġa l-iżvilupp ta’ ekonomija soċjali tas-suq f’konformità mal-prinċipji u d-drittijiet ewlenin stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat solennement u ffirmat fis-17 ta’ Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (6). Jenħtieġ li l-assistenza ma tappoġġax azzjonijiet li jikkontribwixxu għal xi forma ta’ segregazzjoni jew esklużjoni soċjali.

    (13)

    Peress li r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi essenzjali tal-proċess tat-tkabbir, jenħtieġ li l-assistenza tkompli tappoġġa wkoll l-isforzi tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni reġjonali, makroreġjonali u transfruntiera u l-iżvilupp territorjali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawk il-programmi jikkontribwixxu aktar għall-viżibbiltà għolja tal-asssistenza fl-Unjoni u fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I. Jenħtieġ li l-assistenza taħt dan ir-Regolament issaħħaħ wkoll l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u l-governanza ekonomika tal-benefiċjarji, trawwem l-integrazzjoni ekonomika mas-suq uniku tal-Unjoni, inkluż il-kooperazzjoni doganali, tippromwovi kummerċ miftuħ u ġust li jirfed aġenda tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ żvilupp u koeżjoni reġjonali, politiki agrikoli u ta’ żvilupp rurali, politiki soċjali u tal-impjiegi, inkluż il-mobilità tal-forza tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ekonomija u s-soċjetà diġitali, u jagħti spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, anke fil-kuntest tal-inizjattiva ewlenija tal-2018 l-Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent.

    (14)

    L-azzjonijiet taħt l-IPA III jenħtieġ li jappoġġaw ir-rikonċiljazzjoni, il-bini tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti permezz ta’ sforzi ta’ medjazzjoni, miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u proċessi li jippromwovu l-ġustizzja, it-tiftix tal-verità, ir-reparazzjonijiet u l-garanziji ta’ nonrikorrenza.

    (15)

    L-assistenza taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li tintuża biex jissaħħu s-sigurtà tas-saħħa u t-tħejjija għal emerġenzi tas-saħħa pubblika kif ukoll biex jiġi indirizzat, b’komplementarjetà ma’ strumenti oħra tal-Unjoni, ix-xokk ekonomiku kbir iġġenerat mit-tifqigħa tal-COVID-19 u biex jittaffew l-impatt soċjoekonomiku serju tagħha, billi jiġu mobilizzati r-riżorsi biex jitħaffef l-irkupru ekonomiku tar-reġjun.

    (16)

    Jenħtieġ li tingħata enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, inkluż għall-professjonisti żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li tali opportunitajiet jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I. L-assistenza taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li timmira wkoll li tindirizza l-eżodu ta’ mħuħ.

    (17)

    L-isforzi tal-Unjoni biex tappoġġa l-progress fir-riformi fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I permezz tal-finanzjament taħt l-IPA III jenħtieġ li jiġu kkomunikati sew minn dawk il-benefiċjarji kif ukoll mill-Unjoni. F’dak ir-rigward, l-Unjoni jenħtieġ li ssaħħaħ l-isforzi ta’ komunikazzjoni u kampanji sabiex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament taħt l-IPA III.

    (18)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tagħti appoġġ għat-tranżizzjoni lejn l-adeżjoni għall-benefiċċju tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, abbażi tal-esperjenza tal-Istati Membri. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li tiffoka b’mod partikolari fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza li nkisbet mill-Istati Membri waqt il-proċessi tar-riforma tagħhom stess.

    (19)

    It-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata, kif ukoll it-trasparenza, il-governanza tajba fil-livelli kollha, u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, jibqgħu sfidi ewlenin u huma essenzjali biex il-benefiċjarji joqorbu aktar lejn l-Unjoni u biex jitħejjew biex jassumu kompletament l-obbligi ta’ sħubija tal-Unjoni. Minħabba li r-riformi mixtieqa f’dawk l-oqsma huma fit-tul u minħabba l-ħtieġa li jinbnew rekords ta’ prestazzjoni, l-assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li tindirizza dawk il-kwistjonijiet mill-aktar fis possibbli.

    (20)

    F’konformità mal-prinċipju ta’ demokrazija parteċipattiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ it-tisħiħ tal-kapaċitajiet parlamentari, is-sorveljanza parlamentari, proċeduri demokratiċi u rappreżentanza ġusta f’kull wieħed mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

    (21)

    Il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali msaħħa bejn l-Unjoni u l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I dwar is-sigurtà hija kruċjali biex jiġu indirizzati b’mod effettiv u effiċjenti t-theddid għas-sigurtà, u dak li ġej mill-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

    (22)

    Il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni fil-livell internazzjonali u reġjonali, inkluż il-konsolidazzjoni ulterjuri tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, l-iżgurar tal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti, it-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri u l-isforzi biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari, l-indirizzar tal-ispostament furzat u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni, hija aspett importanti tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

    (23)

    Il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I jenħtieġ li jittejbu sabiex ikun żgurat l-appoġġ pubbliku għall-valuri tal-Unjoni u l-fehim tagħhom u l-benefiċċji u l-obbligi ta’ sħubija potenzjali mal-Unjoni, filwaqt li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni.

    (24)

    Huwa neċessarju li l-Unjoni tmexxi t-tranżizzjoni lejn pjaneta sana u dinja aktar konnessa. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 jipprovdi impenn imġedded u qafas strateġiku ġdid biex jinkiseb dak l-objettiv globali. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża l-influwenza, l-għarfien espert u l-assistenza finanzjarja tagħha biex timmobilizza l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex jingħaqdu magħha f’perkors sostenibbli. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippromwovi l-aġenda ekoloġika billi jsaħħaħ il-protezzjoni ambjentali, jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jżid ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, u jaċċellera l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

    (25)

    Il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I hemm bżonn li jkunu ppreparati aħjar biex jindirizzaw l-isfidi dinjija, bħall-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima, u biex jallinjaw ruħhom mal-isforzi tal-Unjoni biex tindirizza dawk il-kwistjonijiet. Filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (7) u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, jenħtieġ li l-IPA III jikkontribwixxi biex jintegra l-azzjoni klimatika fil-politiki tal-Unjoni u biex tinkiseb mira globali ta’ 30 % tan-nefqa baġitarja tal-Unjoni li tappoġġa l-objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni ta’ 7,5 % tal-baġit li jirrifletti l-infiq relatat mal-bijodiversità fl-2024 u 10 % fl-2026 u l-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrappożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet fil-qasam tal-klima u dak tal-bijodiversità. L-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-IPA III huma mistennija li jikkontribwixxu 18 % tal-pakkett finanzjarju kumplessiv tal-IPA III favur objettivi klimatiċi, bl-objettiv li dan il-perċentwal jiżdied għal 20 % sal-2027. L-azzjonijiet rilevanti jridu jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-IPA III, u l-kontribuzzjoni globali mill-IPA III jenħtieġ li tkun ikkunsidrata fl-evalwazzjonijiet u mill-proċessi ta’ rieżami rilevanti.

    (26)

    Jenħtieġ li l-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-IPA III jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti adottat f’Settembru 2015,bħala aġenda universali, li għaliha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma kompletament impenjati u li l-benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I approvaw. Sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, minbarra l-azzjonijiet li fihom il-klima hija waħda mill-objettivi ewlenin, jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt dan l-IPA III, kull meta jkun possibbli, jintegraw l-objettivi tas-sostenibbiltà ambjentali u tat-tibdil fil-klima fis-setturi kollha, b’attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ambjentali u l-indirizzar tat-tniġġis transfruntier, u jenħtieġ li jimmiraw għal tkabbir ekoloġiku fl-istrateġiji nazzjonali u lokali, inkluż l-appoġġ għall-kriterji ta’ sostenibbiltà fl-akkwist pubbliku. Jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt l-IPA III ikunu konsistenti mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara” u jenħtieġ li jkunu konformi mat-tassonomija tal-Unjoni sa fejn possibbli, b’mod partikolari biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija.

    (27)

    L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, u jenħtieġ li tfittex li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tan-nisa u l-bniet f’konformità mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, inkluż il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà tal-10 ta’ Diċembru 2018. It-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fl-azzjoni esterna tal-Unjoni u ż-żieda fl-isforzi biex jintlaħqu l-istandards minimi ta’ prestazzjoni indikati mill-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneri jenħtieġ li jwasslu għal approċċ trasformattiv u li jqis kwistjonijiet ta’ ġeneru fil-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri jenħtieġ li tiġi riflessa u integrata matul l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (28)

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durata kollha tal-IPA III, li jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (8), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

    (29)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw il-konformità, il-koerenza, il-konsistenza u l-komplementarjetà tal-assistenza tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta’ informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-assistenza, inkluż f’livell lokali. Jenħtieġ li jittieħdu wkoll il-passi meħtieġa sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar ma’ donaturi oħra, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif adatt, jiġu kkonsultati kif dovut u jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti li tippermettilhom ikollhom rwol sinifikanti matul it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi u l-proċessi relatati ta’ monitoraġġ. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jiġi msaħħaħ fil-programmi implimentati permezz ta’ korpi ta’ governanza u bħala benefiċjarju dirett tal-assistenza tal-Unjoni. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-assistenza tal-Unjoni tappoġġa wkoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.

    (30)

    Il-prijoritajiet tal-azzjonijiet immirati lejn il-ksib tal-objettivi fl-oqsma ta’ politika rilevanti appoġġati taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’qafas ta’ programmazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni għad-durata tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-perijodu mill-2021 sal-2027 (“qafas ta’ programmazzjoni IPA”). Il-qafas ta’ programmazzjoni IPA jenħtieġ li jiġi stabbilit fi sħubija mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, f’konformità mal-qafas ta’ politika u l-prinċipji ġenerali, kif ukoll mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament, u jenħtieġ li jqis debitament l-istrateġiji nazzjonali rilevanti. Jenħtieġ li l-qafas ta’ programmazzjoni IPA jidentifika l-oqsma li jridu jiġu appoġġati permezz tal-assistenza b’allokazzjoni indikattiva għal kull qasam ta’ appoġġ, inkluż stima tan-nefqa relatata mal-klima.

    (31)

    Huwa fl-interess komuni tal-Unjoni u tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I li javvanzaw l-isforzi ta’ dawk il-benefiċjarji għar-riforma tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi tagħhom bil-ħsieb ta’ sħubija fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-assistenza tkun ibbażata kemm fuq approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ sehem ġust, filwaqt li jiġi żgurat progress fil-benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I. L-assistenza jenħtieġ li tkun immirata u aġġustata għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, b’kont meħud ta’ kwalunkwe sforz ulterjuri neċssarju biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I jenħtieġ li jitqiesu f’konformità mal-prinċipju ta’ sehem ġust sabiex jiġi evitat livell sproporzjonatament baxx ta’ assistenza meta mqabbel ma’ benefiċjarji oħra. Jenħtieġ li l-assistenza taħt dan ir-Regolament tkun differenzjata fl-ambitu u l-intensità skont il-prestazzjoni tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, b’mod partikolari l-impenn tagħhom lejn l-implimentazzjoni tar-riformi u l-progress fiha, b’mod partikolari fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, l-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività.

    (32)

    Meta l-indikaturi rilevanti juru rigressjoni sinifikattiva jew nuqqas ta’ progress persistenti minn benefiċjarju elenkat fl-Anness I fl-oqsma koperti mill-approċċ tal-‘prijorità tal-kwistjonijiet fundamentali’, jenħtieġ li l-ambitu u l-intensità tal-assistenza jkunu modulati skont il-każ, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi wara deċiżjoni dwar l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar f’konformità mal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa (TFUE) u mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li tissospendi l-pagamenti jew l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ finanzjament f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (ir-“Regolament Finanzjarju”). Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lir-rispett mill-benefiċjarji tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

    (33)

    Jenħtieġ l-Kummissjoni tevalwa kull sena l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA, filwaqt li tiddeskrivi kif ġew implimentati l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u l-prinċipju ta’ sehem ġust. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tinkludi wkoll is-sitwazzjoni attwali tal-livell ta’ finanzjament għal kull objettiv, kif ukoll għal kull benefiċjarju elenkat fl-Anness I. Jenħtieġ li tippermetti wkoll lill-kumitat stabbilit b’dan ir-Regolament ikollu l-informazzjoni adegwata biex jassisti lill-Kummissjoni.

    (34)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ċari ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni biex jiġu pprovduti responsabbiltà u trasparenza effettivi fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u biex tkun żgurata valutazzjoni effettiva tal-progress lejn it-twettiq tal-objettivi tar-Regolament. Kull meta jkun possibbli u xieraq, jenħtieġ li r-riżultati tal-azzjoni tal-Unjoni jiġu mmonitorjati u evalwati abbażi ta’ indikaturi predefiniti, trasparenti, speċifiċi għall-pajjiżi u miżurabbli, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-objettivi tal-IPA III.

    (35)

    It-tranżizzjoni mill-ġestjoni diretta mill-Kummissjoni tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni għal ġestjoni indiretta mill-benefiċjarji jenħtieġ li tkun progressiva u skont il-kapaċitajiet rispettivi ta’ dawk il-benefiċjarji, b’konsiderazzjoni għall-prinċipji ta’ governanza tajba. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu miżuri superviżorji xierqa li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u tkun tista’, fejn neċessarju, treġġa’ lura dik it-tranżizzjoni. Jenħtieġ li l-assistenza tkompli tagħmel użu mill-istrutturi u mill-istrumenti li wrew kemm huma ta’ valur fil-proċess ta’ qabel l-adeżjoni.

    (36)

    L-Unjoni jenħtieġ li tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dan jenħtieġ li jinkiseb permezz tal-koerenza, il-konsistenza u l-komplementarjetà mal-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-Unjoni, kif ukoll permezz ta’ sinerġiji ma’ politiki u programmi tal-Unjoni oħra, bħal Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), Erasmus + stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-Programm Ewropa Kreattiva stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), li jinkludi, fejn huwa rilevanti, il-koerenza u l-komplementarjetà mal-assistenza makrofinanzjarja.

    (37)

    Sabiex jimmassimizza l-impatt ta’ interventi kkombinati biex jinkiseb objettiv komuni, l-IPA III jenħtieġ li jkun jista’ jikkontribwixxi għal azzjonijiet taħt programmi oħra, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ikopru l-istess kostijiet.

    (38)

    Il-finanzjament tal-Unjoni taħt l-IPA III jenħtieġ li jintuża biex jiffinanzja azzjonijiet taħt id-dimensjoni internazzjonali ta’ Erasmus+, li l-implimentazzjoni tagħhom jenħtieġ li titwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/817.

    (39)

    Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, premjijiet, akkwist u ġestjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

    (40)

    Peress li r-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma essenzjali għal ġestjoni finanzjarja tajba u finanzjament effettiv tal-Unjoni kif imsemmi fir-Regolament Finanzjarju, l-assistenza tista’ tiġi sospiża fil-każ tad-degradazzjoni fid-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt minn benefiċjarju elenkat fl-Anness I.

    (41)

    It-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jingħażlu fuq il-bażi tal-abbiltà tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jiksbu riżultati, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, piżijiet amministrattivi, u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi l-użu ta’ somom f’daqqa, prezzijiet fissi u kostijiet tal-unità, kif ukoll ta’ finanzjament li ma jkunx marbut mal-kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

    (42)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tapplika regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-azzjoni esterna tagħha. Ir-regoli u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/947. Jenħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet dettaljati addizzjonali biex jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għall-oqsma ta’ politika tal-kooperazzjoni transfruntiera, tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali.

    (43)

    L-azzjonijiet esterni spiss jiġu implimentati f’ambjent volatili ħafna li jeħtieġ adattament kontinwu u rapidu għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-sħab tal-Unjoni u għal sfidi dinjija bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba, is-sigurtà u l-istabbiltà, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, il-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat u l-għeruq tagħhom. Li l-prinċipju tal-prevedibbiltà jiġi rikonċiljat mal-ħtieġa ta’ reazzjoni rapida għal ħtiġijiet ġodda, għaldaqstant, ifisser li l-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi tiġi adattata. Biex tiżdied il-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi għal ħtiġijiet imprevisti, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju li l-baġit tal-Unjoni jiġi stabbilit annwalment, dan ir-Regolament jenħtieġ li jippreserva l-flessibbiltà permessa taħt ir-Regolament Finanzjarju għal politiki oħra, jiġifieri trasferimenti u impenji mill-ġdid ta’ fondi impenjati filwaqt li jiġu rrispettati l-għanijiet u l-objettivi stipulati f’dan ir-Regolament. Dan ser jiżgura l-użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni, kemm għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, biex b’hekk jiġu massimizzati l-fondi tal-Unjoni disponibbli għall-interventi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

    (44)

    Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) il-ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947, li jibni fuq il-predeċessur tiegħu, jenħtieġ li jikkostitwixxi pakkett finanzjarju integrat li jagħti l-kapaċità ta’ finanzjament fl-għamla ta’ għotjiet, garanziji baġitarji u strumenti finanzjarji oħra madwar id-dinja, inkluż lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I. Il-governanza tal-operazzjonijiet tal-EFSD+ li jkopru l-Balkani tal-Punent li jitwettqu skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu żgurati mill-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF). Il-kumitat ta’ tmexxija tad-WBIF jinkludi l-benefiċjarji mill-Balkani tal-Punent elenkati fl-Anness I, il-kontributuri għall-Fond Konġunt Ewropew għall-Balkani tal-Punent, l-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti u l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, kif xieraq. Il-bord strateġiku speċifiku għall-operazzjonijiet tal-EFSD+ li jkopru l-Balkani tal-Punent jenħtieġ li jkompli jkun inklużiv.

    (45)

    Il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/947, tappoġġa l-operazzjonijiet tal-EFSD+, u l-IPA III jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-ħtiġijiet ta’ proviżjonament fir-rigward tal-operazzjonijiet għall-benefiċċju tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, inkluż il-proviżjonament u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn self ta’ assistenza makrofinanzjarja.

    (46)

    Huwa importanti li jiġi żgurat li l-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntieri jiġu implimentati b’mod konsistenti mal-qafas stabbilit fil-programmi ta’ azzjoni esterna u r-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). F’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ta’ kofinanzjament speċifiċi.

    (47)

    Pjanijiet ta’ azzjoni u miżuri annwali jew pluriennali msemmija f’dan ir-Regolament jikkostitwixxu programmi ta’ ħidma taħt ir-Regolament Finanzjarju. Pjanijiet ta’ azzjoni annwali jew pluriennali jikkonsistu minn sett ta’ miżuri raggruppati f’dokument wieħed.

    (48)

    F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (17), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18) u (UE) 2017/1939 (19), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. Il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I jenħtieġ ukoll li jirrappurtaw l-irregolaritajiet, inkluż il-frodi, li kienu s-suġġett ta’ riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u jżommu lil din tal-aħħar infurmata dwar il-progress tal-proċediment amministrattiv u legali. Bl-għan ta’ allinjament ma’ prattiki tajbin fl-Istati Membri, dan ir-rapportar jenħtieġ li jsir permezz ta’ mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, stabbiliti mill-Kummissjoni.

    (49)

    Jenħtieġ li l-assistenza taħt dan ir-Regolament tiġi implimentata b’mod trasparenti, responsabbli u depolitiċizzat. Il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja dan mill-qrib, inkluż fil-livell lokali.

    (50)

    Il-komunikazzjoni trawwem dibattitu demokratiku, issaħħaħ il-kontroll u l-iskrutinju istituzzjonali fuq il-finanzjament tal-Unjoni, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kredibilità tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Unjoni jtejbu l-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-Unjoni, u jenħtieġ li jikkomunikaw b’mod adegwat il-valur miżjud tal-appoġġ tal-Unjoni. F’dak ir-rigward, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li l-ftehimiet konklużi mar-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni jkun fihom obbligi li jiżguraw viżibbiltà xierqa, u jenħtieġ li l-Kummissjoni taġixxi b’mod xieraq u f’waqtu meta ma jitwettqux dawk l-obbligi.

    (51)

    Sabiex titqies kwalunkwe bidla fil-qafas tal-politika tat-tkabbir jew żvilupp sinifikant fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tadatta u taġġorna l-prijoritajiet tematiċi għall-assistenza elenkati fl-Annessi II u III kif ukoll li jiġi adottat att delegat li jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi ċerti objettivi speċifiċi u prijoritajiet tematiċi għall-assistenza. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li tali konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (21). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (52)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet u strutturi speċifiċi għall-ġestjoni indiretta mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-assistenza għall-iżvilupp rurali, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Meta jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, it-tagħlimiet mitgħallma mill-ġestjoni u mill-implimentazzjoni tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni passata jenħtieġ li jiġu kkunsidrati. Dawk il-kundizzjonijiet uniformi jenħtieġ li jiġu emendati jekk l-iżviluppi jkunu jirrikjedu dan.

    (53)

    Il-kumitat stabbilit skont dan ir-Regolament jenħtieġ ikun kompetenti anki fir-rigward ta’ atti legali u impenji taħt ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (23) u r-Regolament (UE) Nru 231/2014, kif ukoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 (24).

    (54)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (55)

    Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (“IPA III”) għall-perijodu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (“QFP 2021-2027”)

    Jistabbilixxi l-objettivi proprji tal-IPA III, il-baġit għall-perijodu 2021-2027, il-forom ta’ assistenza mill-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ tali assistenza.

    Artikolu 2

    Definizzjoni

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “kooperazzjoni transfruntiera” tfisser kooperazzjoni bejn:

    (a)

    l-Istati Membri u l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/1059;

    (b)

    żewġ benefiċjarji jew aktar elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament; jew

    (c)

    benefiċjarji elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament u l-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/947.

    Artikolu 3

    Objettivi tal-IPA III

    1.   L-objettiv ġenerali tal-IPA III huwa li jappoġġa l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tar-riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi meħtieġa minn dawk il-benefiċjarji biex jikkonformaw mal-valuri tal-Unjoni u biex progressivament jallinjaw ruħhom mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki (“acquis”) tal-Unjoni bil-ħsieb tas-sħubija futura mal-Unjoni, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi u l-prosperità reċiproka.

    2.   L-IPA III għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    li jsaħħaħ l-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ ġudikatura indipendenti, sigurtà msaħħa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-konformità mad-dritt internazzjonali, il-libertà tal-media u l-libertà akkademika u ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili, li jippromwovi n-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza, li jiżgura r-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jtejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri u l-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, kif ukoll l-indirizzar tal-ispostament furzat;

    (b)

    li jsaħħaħ l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika u li jappoġġa t-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż fl-oqsma tal-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat;

    (c)

    li jsawwar ir-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I f’allinjament ma’ dawk tal-Unjoni u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, ir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, kif ukoll il-kuntatti bejn il-persuni u l-komunikazzjoni strateġika;

    (d)

    li jsaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-koeżjoni b’attenzjoni partikolari għaż-żgħażagħ, inkluż permezz ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u politiki dwar l-impjiegi, permezz ta’ appoġġ għall-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat, b’enfasi fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kif ukoll fuq l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

    (e)

    li jsaħħaħ il-protezzjoni ambjentali, li jżid ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, li jaċċellera l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, li jiżviluppa l-ekonomija u s-soċjetà diġitali u li jsaħħaħ il-konnettività sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

    (f)

    li jappoġġa l-koeżjoni territorjali u l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-fruntieri tal-art u dawk marittimi, inkluż il-kooperazzjoni tranżnazzjonali u interreġjonali.

    3.   F’konformità mal-objettivi speċifiċi, l-assistenza tista’, kif xieraq, tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin:

    (a)

    l-istabbiliment u l-promozzjoni sa minn stadju bikri tal-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat l-istat tad-dritt u l-konsolidazzjoni ulterjuri tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

    (b)

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-migrazzjoni fil-livell reġjonali u internazzjonali;

    (c)

    it-titjib tal-kapaċitajiet għal komunikazzjoni strateġika, inkluż il-komunikazzjoni mal-pubbliku dwar ir-riformi neċessarji biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ sħubija mal-Unjoni;

    (d)

    it-tisħiħ tal-governanza tajba u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika f’konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni pubblika;

    (e)

    it-tisħiħ tal-governanza fiskali u ekonomika;

    (f)

    it-tisħiħ tal-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, l-istabbiltà reġjonali u l-kooperazzjoni reċiproka;

    (g)

    it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni u tas-sħab tagħha biex jipprevjenu l-kunflitti, jibnu l-paċi u jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ qabel u ta’ wara kriżi;

    (h)

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-indipendenza u l-pluralità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    (i)

    il-promozzjoni tal-allinjament tar-regoli, tal-istandards, tal-politiki u tal-prattiki tal-benefiċjarji ma’ dawk tal-Unjoni;

    (j)

    il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet;

    (k)

    it-tisħiħ tal-aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja u tal-kwalità tagħhom f’kull livell, u l-offerta ta’ appoġġ lis-setturi kulturali u kreattivi u l-isport;

    (l)

    it-trawwim ta’ impjiegi ta’ kwalità u l-aċċess għas-suq tax-xogħol;

    (m)

    il-promozzjoni tal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;

    (n)

    il-promozzjoni ta’ trasport intelliġenti, sostenibbli, inklużiv u sikur, it-tneħħija ta’ punti ta’ konġestjoni fl-infrastrutturi tan-network prinċipali, u t-tisħiħ tas-sigurtà u tad-diversifikazzjoni tal-enerġija;

    (o)

    it-titjib tal-ambjent tas-settur privat u l-kompetittività tal-intrapriżi, b’mod partikolari tal-SMEs;

    (p)

    it-titjib tal-aċċess għat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali u t-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni;

    (q)

    il-kontribut għas-sigurtà u s-sikurezza tal-provvista tal-ikel u tal-ilma;

    (r)

    il-protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

    (s)

    il-kooperazzjoni mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I fl-użu paċifiku tal-enerġija nukleari fl-oqsma tas-saħħa, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel;

    (t)

    iż-żieda fil-kapaċità tas-setturi agroalimentari u tas-sajd biex ilaħħqu mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq.

    4.   Bil-ħsieb li jkunu promossi relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, titrawwem l-integrazzjoni tal-Unjoni u jiġi promoss l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-assistenza għal kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I tista’, skont il-każ, tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin:

    (a)

    il-promozzjoni tal-impjiegi, il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali u kulturali transfruntiera;

    (b)

    il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji;

    (c)

    il-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli u t-titjib tal-infrastrutturi pubbliċi;

    (d)

    il-promozzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà diġitali;

    (e)

    l-inkoraġġiment tat-turiżmu u l-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali u naturali;

    (f)

    l-investiment fiż-żgħażagħ, l-isport, l-edukazzjoni u l-ħiliet;

    (g)

    il-promozzjoni tal-governanza lokali u reġjonali;

    (h)

    il-promozzjoni ta’ inizjattivi transfruntiera biex jitrawmu r-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja tranżizzjonali;

    (i)

    it-tisħiħ tal-kompetittività, l-ambjent tan-negozju u l-iżvilupp ta’ SMEs, il-kummerċ u l-investiment;

    (j)

    it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali.

    5.   Il-prijoritajiet tematiċi għall-għoti tal-assistenza skont il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I huma stabbiliti aktar fid-dettall fl-Anness II. Il-prijoritajiet tematiċi għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I huma stabbiliti aktar fid-dettall fl-Anness III. Kull waħda minn dawn il-prijoritajiet tematiċi tista’ tikkontribwixxi għall-kisba ta’ iktar minn objettiv speċifiku wieħed.

    6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, qabel l-adozzjoni tal-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA, att delegat f’konformità mal-Artikoli 14 u 15 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi ċerti objettivi speċifiċi u prijoritajiet tematiċi għall-assistenza b’rabta mal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) sa (m) u l-punt (r), u fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (j), ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 4

    Baġit

    1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-IPA III għall-perijodu 2021-2027 għandu jkun ta’ EUR 14 162 000 000 fi prezzijiet kurrenti.

    2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-IPA III, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni, inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/947.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet bejn il-programmi

    1.   Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun żgurat li jkun hemm konsistenza, sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u ma’ politiki u programmi rilevanti oħra tal-Unjoni, kif ukoll il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp.

    2.   Ir-Regolament (UE) 2021/947 għandu japplika għal-attivitajiet implimentati taħt dan ir-Regolament fejn imsemmi f’dan ir-Regolament.

    3.   L-IPA III għandu jikkontribwixxi l-fondi għall-azzjonijiet implimentati u ġestiti f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/817. Ir-Regolament (UE) 2021/817 japplika għall-użu ta’ dawk il-fondi. Għal dan il-għan, il-kontribuzzjoni tal-IPA III għandha tiġi inkluża fid-dokument ta’ programmazzjoni uniku msemmi fl-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) 2021/947 u adottat f’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’dak ir-Regolament. Dak id-dokument ta’ programmazzjoni għandu jkun fih ammont minimu indikattiv li jiġi allokat għal azzjonijiet stabbiliti taħt ir-Regolament (UE) 2021/817.

    4.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament tista’ tingħata lit-tip ta’ azzjonijiet previsti fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u fil-Fond ta’ Koeżjoni li l-objettivi speċifiċi u l-ambitu tal-appoġġ tagħhom huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), fil-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) u fil-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li ser jiġi stabbilit permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    5.   Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri stabbiliti għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u Stat Membru wieħed jew aktar. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk il-programmi u l-miżuri f’konformità mal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-Regolament. L-ammont tal-kontribuzzjoni mill-fondi tal-IPA allokati għall-kooperazjoni transfruntiera (‘IPA III-CBC’), kif imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2021/1059, għandu jiġi ddeterminat f’konformità ma’ dak l-Artikolu. Il-Programmi IPA III CBC għandhom jiġu ġestiti f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1059.

    6.   L-IPA III jista’ jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali u interreġjonali li jkunu stabbiliti u implimentati taħt ir-Regolament (UE) 2021/1059, b’kont meħud tal-istrateġiji makroreġjonali jew l-istrateġiji tal-baċini tal-baħar, fejn applikabbli, u li fih jipparteċipaw il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Fejn programm jew miżura ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali u interreġjonali jkunu appoġġati wkoll mill-NDICI, għandu jitħallas prefinanzjament f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/947.

    7.   Fejn xieraq, programmi oħra tal-Unjoni jistgħu jikkontribwixxu għal azzjonijiet stabbiliti taħt dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 9, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Dan ir-Regolament jista’ wkoll jikkontribwixxi għal miżuri stabbiliti taħt programmi oħra tal-Unjoni, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. F’tali każijiet, il-programm ta’ ħidma li jkopri dawn l-azzjonijiet għandu jistabbilixxi liema sett ta’ regoli għandu japplika.

    8.   Sabiex tiżgura l-koerenza u l-effettività tal-finanzjament tal-Unjoni jew biex trawwem il-kooperazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni tista’, fejn ikun debitament ġustifikat, tiddeċiedi li testendi l-eliġibbiltà tal-pjanijiet u l-miżuri ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1) għal pajjiżi, territorji jew reġjuni li kieku ma jkunux eliġibbli għal finanzjament skont l-Artikolu 3(1), dment li l-pjan jew il-miżura li għandha tiġi implimentata tkun ta’ natura globali, reġjonali jew transfruntiera.

    KAPITOLU II

    Ippjanar strateġiku

    Artikolu 6

    Qafas ta’ politika u prinċipji ġenerali

    1.   Il-qafas ta’ politika tat-tkabbir iddefinit mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, il-ftehimiet li jistabbilixxu relazzjoni legalment vinkolanti mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandhom jikkostitwixxu l-qafas ta’ politika kumplessiv għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiżgura koerenza bejn l-assistenza taħt dan ir-Regolament u l-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

    2.   Il-programmi u l-azzjonijiet taħt l-IPA III li jimmiraw lejn l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jintegraw il-prijoritajiet orizzontali tat-tibdil fil-klima, tal-protezzjoni ambjentali, ta-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sabiex jippromwovu azzjonijiet integrati li joħolqu kobenefiċċji u jilħqu objettivi multipli b’mod koerenti. Fejn applikabbli, il-programmi u l-azzjonijiet għandhom jindirizzaw l-interkonnessjonijiet bejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, inkluż l-għanijiet ta’ promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, kif ukoll ta’ tnaqqis tal-faqar.

    3.   Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni għal trasparenza u sens ta’ responsabbiltà akbar fl-għoti ta’ assistenza, inkluż billi tagħmel informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-assistenza disponibbli permezz ta’ bażijiet ta’ data bbażati fuq il-web, u għandha tiżgura li d-data tkun komparabbli u tkun tista’ tiġi faċilment kondiviża u ppubblikata u li jkun hemm aċċess faċli għaliha.

    4.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-koerenza u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni bejn l-assistenza taħt dan ir-Regolament u assistenza oħra mogħtija mill-Unjoni, mill-Istati Membri u mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Membri fil-livell lokali u permezz tal-armonizzazzjoni tal-politiki u l-proċeduri, b’mod partikolari l-prinċipji internazzjonali dwar l-effettività tal-iżvilupp. Tali koordinazzjoni għandha tinvolvi konsultazzjonijiet regolari u f’waqthom, skambji frekwenti ta’ informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta’ assistenza, għandha tinvolvi laqgħat inklużivi mmirati lejn il-koordinazzjoni tal-assistenza, inkluż f’livell lokali, u għandha tikkostitwixxi pass ewlieni fil-proċessi ta’ programmazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

    5.   F’konformità mal-prinċipju ta’ sħubija inklużiva, fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif adatt, jiġu kkonsultati kif dovut u jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti biex tippermettilhom ikollhom rwol sinifikanti matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi u l-proċessi ta’ monitoraġġ relatati. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    Il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jissaħħu, inkluż il-kapaċitajiet tagħhom bħala benefiċjarji diretti tal-assistenza, fejn xieraq.

    6.   Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, għandha tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura l-koordinazzjoni u l-komplementarjetà ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħal organizzazzjonijiet internazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji, u aġenziji, u donaturi mhux tal-Unjoni.

    KAPITOLU III

    Implimentazzjoni

    Artikolu 7

    Qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA

    1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA għall-kisba tal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2) u l-prijoritajiet tematiċi msemmija fl-Artikolu 3(3) u stabbiliti ulterjorment fl-Annessi II u III. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA għad-durata tal-QFP 2021-2027.

    2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet annwali fil-limiti tal-QFP 2021-2027.

    3.   Il-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA għandu jiġi żviluppat f’konformità mal-qafas ta’ politika u l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 6 u għandu jieħu kont dovut tal-istrateġiji nazzjonali rilevanti u tal-politiki settorjali.

    4.   Il-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA għandu jinkludi allokazzjonijiet indikattivi tal-fondi tal-Unjoni għall-oqsma tematiċi f’konformità mal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2), kif applikabbli, imqassma għal kull sena, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tiġi kkombinata flimkien l-assistenza li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ objettivi speċifiċi differenti.

    5.   Il-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA għandu jinkludi indikaturi li jivvalutaw il-progress lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2). Dawk l-indikaturi għandhom ikunu koerenti mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Anness IV.

    6.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qafas ta’ politika msemmi fl-Artikolu 6 u abbażi tal-indikaturi msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi wkoll is-sitwazzjoni attwali tal-allokazzjonijiet impenjati u ppjanati għall-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u kif ġie implimentat l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u l-prinċipju ta’ sehem ġust msemmija fl-Artikolu 8. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dik il-valutazzjoni lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 17.

    7.   Abbażi tal-valutazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li tirrevdi l-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA kif xieraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami tal-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA wara l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/947 u, fejn ikun xieraq, tista’ tirrevedih. Kwalunkwe reviżjoni tal-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA għandha titwettaq f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 8.

    8.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9, il-Kummissjoni għandha tadotta l-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

    9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-qafas ta’ programmazzjoni għall-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 17(3).

    Artikolu 8

    Assistenza lill-benefiċjarji, valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-prinċipju ta’ sehem ġust

    1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata kemm fuq approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ sehem ġust, kif stabbilit fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.   L-assistenza għandu jkollha l-għan li tiżgura progress fir-rigward tal-benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I u għandha tkun immirata u aġġustata għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, b’kont meħud ta’ kwalunkwe sforz ulterjuri meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ dawk il-benefiċjarji għandhom jitqiesu f’konformità mal-prinċipju ta’ sehem ġust sabiex jiġi evitat livell sproporzjonatament baxx ta’ assistenza meta mqabbel ma’ benefiċjarji oħra.

    3.   L-assistenza għandha tkun differenzjata fl-ambitu u l-intensità skont il-prestazzjoni tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, b’mod partikolari fir-rigward tal-impenn tagħhom lejn l-implimentazzjoni tar-riformi u l-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tar-riformi, kif ukoll skont il-ħtiġijiet tagħhom.

    4.   Fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-assistenza li għandha tiġi pprovduta, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-isforzi li saru fl-oqsma tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, l-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività.

    5.   Fil-każ ta’ rigressjoni sinifikattiva jew nuqqas persistenti ta’ progress minn benefiċjarju elenkat fl-Anness I fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu kif imkejjel mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 7(5), l-ambitu u l-intensità tal-assistenza għandhom ikunu modulati skont il-każ, f’konformità mal-paragrafu 6, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-fondi b’mod proporzjonali u r-ridirezzjonar tagħhom b’modi li jevitaw li jiġi kompromess l-appoġġ għat-titjib tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluż l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u, fejn ikun il-każ, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali. Fejn ikun reġa’ beda l-progress, l-assistenza għandha wkoll tkun modulata skont il-każ f’konformità mal-paragrafu 6 biex dawk l-isforzi jiġu appoġġati ulterjorment.

    6.   L-assistenza lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għandha tiġi deċiża fil-qafas tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 9.

    Artikolu 9

    Miżuri u metodi ta’ implimentazzjoni

    1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata f’ġestjoni diretta jew f’ġestjoni indiretta skont ir-Regolament Finanzjarju permezz ta’ pjanijiet u miżuri ta’ azzjoni pluriennali kif imsemmi fil-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2021/947. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, pjanijiet ta’ azzjoni u l-miżuri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(3). Il-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2021/947 għandu japplika għal dan ir-Regolament bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 28(1) ta’ dak ir-Regolament persuni u entitajiet eliġibbli.

    2.   It-tranżizzjoni minn ġestjoni diretta mill-Kummissjoni għal ġestjoni indiretta mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għandha tkun progressiva u f’konformità mal-kapaċitajiet rispettivi ta’ dawk il-benefiċjarji kif ukoll b’konsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ governanza tajba. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri superviżorji xierqa li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif adatt. Il-Kummissjoni tista’ wkoll treġġa’ lura dik it-tranżizzjoni f’każ fejn benefiċjarju elenkat fl-Anness I jonqos milli jissodisfa l-obbligi, il-prinċipji, l-objettivi u r-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

    3.   Il-Parlament Ewropew jista’ jkollu skambji regolari ta’ fehmiet mal-Kummissjoni rigward il-programmi ta’ assistenza tiegħu stess, dwar kwistjonijiet bħat-tisħiħ tal-kapaċità, inkluż il-medjazzjoni u d-djalogu relatati, u l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet.

    4.   Il-pjanijiet ta’ azzjoni taħt dan ir-Regolament jistgħu jiġu adottati għal perijodu li jlaħħaq is-seba’ snin.

    5.   L-appoġġ baġitarju għandu jkun ibbażat fuq responsabbiltà reċiproka u impenn kondiviż lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u għandu jiġi pprovdut f’konformità mal-Artikolu 236 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/947. Azzjonijiet taħt il-IPA III għandhom jappoġġaw l-iżvilupp tal-kontroll parlamentari, kapaċitajiet ta’ awditjar u trasparenza u aċċess pubbliku għall-informazzjoni akbar.

    Artikolu 10

    Kooperazzjoni transfruntiera

    1.   Sa 3 % tal-pakkett finanzjarju għandu jiġi allokat b’mod indikattiv għall-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-Istati Membri, f’konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom.

    2.   Ir-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni fil-livell ta’ kull prijorità ma għandhiex tkun ogħla minn 85 % tan-nefqa eliġibbli ta’ programm ta’ kooperazzjoni transfruntier.

    3.   Il-livell ta’ prefinanzjament għall-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri jista’ jaqbeż il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) 2021/1059 u għandu jammonta għal 50 % tal-ewwel tliet impenji baġitarji għall-programm.

    4.   Meta programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ma jitkomplewx f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/1059, l-appoġġ taħt dan ir-Regolament għall-programm li ma jkunx tkompla li jkun għadu disponibbli jista’ jintuża biex jiffinanzja azzjonijiet oħra eliġibbli taħt dan ir-Regolament.

    KAPITOLU IV

    Eliġibbiltà

    Artikolu 11

    Eliġibbiltà għall-finanzjament taħt l-IPA III

    Il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist, ta’ għotjiet u ta’ għoti ta’ premjijiet għal azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u għall-persuni fiżiċi l-oħra kollha li huma ċittadini ta’, u għall-persuni ġuridiċi li huma effettivament stabbiliti fi:

    (a)

    l-Istati Membri, il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, il-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi koperti mill-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/947; u

    (b)

    pajjiżi li fir-rigward tagħhom l-aċċess reċiproku għall-assistenza esterna huwa stabbilit mill-Kummissjoni.

    Għall-finijiet tal-punt (b), l-aċċess reċiproku jista’ jingħata, għal perijodu limitat ta’ mill-anqas sena, meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lill-entitajiet mill-Unjoni u mill-pajjiżi eliġibbli skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku wara li tikkonsulta lill-pajjiż jew lill-pajjiżi riċeventi kkonċernati.

    KAPITOLU V

    EFSD+ u garanziji baġitarji

    Artikolu 12

    Strumenti finanzjarji u garanzija għall-azzjoni esterna

    1.   F’konformità mal-Artikolu 31(7) tar-Regolament (UE) 2021//947, il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) u l-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (EAG). L-operazzjonijiet tal-EFSD+ u tal-EAG għandhom jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament kif previst fil-Kapitolu IV tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2021/947 mutatis mutandis, soġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata pariri minn bord strateġiku speċifiku fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-EFSD+ għall-Balkani tal-Punent (‘bord strateġiku’).

    3.   Il-bord strateġiku għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-orjentazzjoni strateġika tal-investimenti għall-Balkani tal-Punent taħt l-EFSD+, u jikkontribwixxi għall-allinjament tagħhom mal-prinċipji gwida, mal-qafas ta’ politika u mal-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Il-bord strateġiku għandu jappoġġa lill-Kummissjoni fl-istabbiliment ta’ miri ġenerali tal-investiment għall-Balkani tal-Punent fir-rigward tal-użu tal-EAG biex jiġu appoġġati l-operazzjonijiet tal-EFSD+ u għandu jimmonitorja kopertura tematika xierqa u diversifikata għat-twieqi ta’ investiment.

    4.   Il-bord strateġiku għandu jinkludi rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

    Il-Parlament Ewropew għandu jkollu status ta’ osservatur. Il-parteċipazzjoni fil-bord strateġiku tista’ tkun miftuħa għal partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Il-bord strateġiku għandu jiddeċiedi dwar l-inklużjoni ta’ kwalunkwe membru jew osservatur ġdid.

    Mingħajr preġudizzju għal arranġamenti speċifiċi dwar il-kopresidenza, il-bord strateġiku għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, u għandu, sa fejn ikun possibbli, jadotta opinjonijiet b’kunsens.

    Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-bord strateġiku għandha tkun volontarja.

    5.   Qabel l-ewwel laqgħa tal-bord strateġiku, il-Kummissjoni għandha tipproponi r-regoli ta’ proċedura għall-adozzjoni mill-bord strateġiku, inkluż regoli dwar il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti fil-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, ir-rwol tal-osservaturi u dwar il-ħatra tal-kopresidenti.

    Il-minuti u l-aġendi tal-laqgħat tal-bord strateġiku għandhom isiru pubbliċi wara l-adozzjoni tagħhom.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-bord strateġiku dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet li jkopru l-Balkani tal-Punent.

    KAPITOLU VI

    Monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni

    Artikolu 13

    Monitoraġġ, awditu, evalwazzjoni u protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    1.   L-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2021/947 fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rapportar għandu japplika għal dan ir-Regolament mutatis mutandis. Ir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) 2021/947 għandu jkun fih ukoll informazzjoni dwar impenji u pagamenti għal kull strument (IPA, IPA II u IPA III).

    2.   L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-progress tal-IPA III lejn il-ksib tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 huma elenkati fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

    3.   Għall-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri, l-indikaturi għandhom ikunu dawk imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/1059.

    4.   Flimkien mal-indikaturi elenkati fl-Anness IV, ir-rapporti li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni annwali tal-Kummissjoni dwar il-politika dwar it-tkabbir tal-Unjoni u l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-programmi ta’ riforma ekonomika għandhom jitqiesu fil-qafas tar-riżultati tal-assistenza tal-IPA III.

    5.   Minbarra l-elementi msemmija fl-Artikolu 41(5) u (6) tar-Regolament (UE) 2021/947, ir-rapport annwali għandu jkun fih informazzjoni dwar l-impenji għall-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    6.   L-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/947 fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u dik finali għandu japplika mutatis mutandis.

    7.   Addizzjonalment għall-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, taħt ġestjoni indiretta, il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandhom jirrapportaw kwalunkwe irregolarità, inkluż il-frodi, li kienu s-suġġett ta’ riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata bil-progress ta’ kwalunkwe proċediment amministrattiv u legali fir-rigward ta’ tali irregolaritajiet. Tali rapportar għandu jsir permezz ta’ mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, stabbiliti mill-Kummissjoni.

    KAPITOLU VII

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 14

    Delega tas-setgħa

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15 biex temenda l-Annessi II, III u IV u att delegat biex tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tistipula ċerti objettivi speċifiċi u prijoritajiet tematiċi għall-assistenza kif imsemmi fl-Artikolu 3(6).

    Artikolu 15

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 14 tingħata lill-Kummissjoni għall-perjodu tal-validità ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 14 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 16

    Adozzjoni ta’ regoli ta’ implimentazzjoni ulterjuri

    Regoli speċifiċi li jistabbilixxu kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, partikolarment b’rabta mal-istrutturi li jitwaqqfu bi tħejjija għall-adeżjoni u għall-assistenza għall-iżvilupp rurali, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

    Artikolu 17

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (il-“kumitat tal-IPA III”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Il-kumitat tal-IPA III għandu jassisti lill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 fid-dawl tal-valutazzjoni annwali pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 7(6) u 13(5).

    3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    4.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-kumitat tal-IPA III għandhom jipprevedu limiti ta’ żmien proporzjonati li jippermettu lill-membri tal-kumitat opportunitajiet bikrija u effettivi biex jeżaminaw l-abbozz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u biex jesprimu l-fehmiet tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    5.   Fejn ikun meħtieġ li tinkiseb l-opinjoni tal-kumitat permezz ta’ proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-ħruġ tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob hekk.

    6.   Osservatur mill-BEI għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-kumitat tal-IPA III fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-BEI.

    7.   Il-kumitat tal-IPA III għandu jassisti lill-Kummissjoni u għandu jkun kompetenti wkoll għall-atti legali u l-impenji skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1085/2006 u (UE) Nru 231/2014 u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006.

    8.   Il-kumitat tal-IPA III ma għandux ikun kompetenti għall-kontribuzzjoni għal Erasmus+ kif imsemmi fl-Artikolu 5(3).

    Artikolu 18

    Informazzjoni, komunikazzjoni u viżibbiltà

    1.   Ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni taħt l-IPA III għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu u jirrapportaw dwar l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jenfasizzaw l-appoġġ li wasal mill-Unjoni u l-benefiċċji tiegħu għan-nies b’mod viżibbli f’materjal ta’ komunikazzjoni relatat mal-azzjonijiet appoġġati skont dan ir-Regolament u billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil udjenzi differenti b’mod strateġiku, inkluż lill-media u lill-pubbliku.

    Ftehimiet konklużi mar-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni taħt l-IPA III għandhom jinkludu obbligi f’dak ir-rigward.

    Ftehimiet konklużi mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għandhom jinkludu l-prinċipji li jridu jiġu segwiti fl-attivitajiet ta’ viżibbiltà u komunikazzjoni u l-objettivi ta’ dawk l-attivitajiet, u obbligu ċar li tiġi pubbliċizzata b’mod attiv l-informazzjoni dwar il-programmi u l-azzjonijiet taħt l-IPA III.

    Sabiex jitjiebu r-riżultati tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni għal programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ppjanati attivitajiet speċifiċi ta’ komunikazzjoni konġunta.

    L-azzjonijiet taħt l-IPA III għandhom jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà fl-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-Unjoni u f’linji gwida rilevanti oħra.

    2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-IPA III, u l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali, sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni. Ir-riżorsi finanzjarji allokati taħt l-IPA III għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni u għar-rapportar dwarhom, sa fejn dawk il-prijoritajiet ikunu direttament relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.

    3.   L-IPA III għandu jappoġġa l-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika, inkluż il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, bil-ħsieb li jiġu kkomunikati l-valuri tal-Unjoni kif ukoll il-valur miżjud tal-azzjonijiet tal-Unjoni u r-riżultati miksuba minnhom.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni rilevanti dwar l-azzjonijiet kollha ffinanzjati taħt dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament Finanzjarju, inkluż kif xieraq permezz ta’ sit web uniku komprensiv.

    5.   Meta kwistjonijiet ta’ sigurtà jew sensittivitajiet politiċi jistgħu jagħmlu preferibbli jew neċessarju li l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà jiġu limitati f’ċerti pajjiżi jew żoni jew matul ċerti perijodi, l-udjenza mmirata u l-għodod, il-prodotti u l-kanali ta’ viżibbiltà li jintużaw għall-promozzjoni ta’ azzjoni partikolari għandhom jiġu determinati fuq bażi ta’ każ b’każ, b’konsultazzjoni u fi qbil mal-Unjoni. Kwalunkwe eċċezzjoni bħal din għandha tkun debitament ġustifikata u l-ambitu tagħha għandu jiġi speċifikat u limitat f’kull każ. Meta jkun meħtieġ intervent rapidu b’reazzjoni għal kriżi għal għarrieda, ma għandux ikun neċessarju li jiġi prodott pjan sħiħ ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà immedjatament. F’tali każijiet, madankollu, l-appoġġ tal-Unjoni għandu xorta waħda jiġi indikat b’mod xieraq mill-bidu.

    Artikolu 19

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika ta’ azzjonijiet taħt ir-Regolamenti (KE) Nru 1085/2006 jew (UE) Nru 231/2014, li għandhom ikomplu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom. Il-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2021/947 għandu japplika għal dawk l-azzjonijiet, ħlief għall-Artikolu 28(1) u (3) tiegħu, li minfloku għandhom japplikaw l-Artikoli 8(4), 10(1) u 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

    2.   Il-pakkett finanzjarju għall-IPA III jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva neċessarji biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-miżuri adottati taħt l-IPA II u taħt l-IPA III, kif ukoll kwalunkwe attività relatata mat-tħejjija tal-programm suċċessur għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni.

    3.   Jekk neċessarju, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Settembru 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. LOGAR


    (1)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 156.

    (2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 295.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (ĠU C 108, 26.3.2021, p. 409) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-7 ta’ Settembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

    (6)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

    (7)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

    (8)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.

    (9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

    (11)  Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 sa 2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38).

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94).

    (16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

    (18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

    (19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (20)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

    (21)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (22)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82).

    (24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5).

    (25)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

    (26)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

    (27)  Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77 15.3.2014, p. 95).


    ANNESS I

     

    Ir-Repubblika tal-Albanija

     

    Il-Bożnija-Ħerzegovina

     

    L-Iżlanda

     

    Il-Kosovo (*)

     

    Il-Montenegro

     

    Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

     

    Ir-Repubblika tas-Serbja

     

    Ir-Repubblika tat-Turkija


    (*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


    ANNESS II

    PRIJORITAJIET TEMATIĊI GĦALL-ASSISTENZA

    L-assistenza tista’, skont il-każ, tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin:

    (a)

    L-istabbiliment u l-promozzjoni sa minn stadju bikri tal-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet neċessarji biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt u l-konsolidazzjoni ulterjuri tal-istituzzjonijiet demokratiċi. L-interventi f’dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jistabbilixxu sistemi ġudizzjarji indipendenti, responsabbli, imparzjali, professjonali, depolitiċizzati, u effiċjenti, inkluż permezz ta’ reklutaġġ trasparenti u bbażat fuq il-mertu, sistemi ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni u proċeduri dixxiplinari effettivi f’każijiet ta’ għemil ħażin, u jippromuovu kooperazzjoni ġudizzjarja; jiżguraw aċċess għall-ġustizzja; jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni tal-pulizija; jiżviluppaw għodod effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar ta’ bnedmin u ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, it-traffikar tad-droga, il-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu u l-korruzzjoni; jappoġġaw l-involviment mal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u jipprevjenu r-radikalizzazzjoni; u jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi inkluż minoranzi nazzjonali u r-Rom, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali, u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-media, il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni u l-protezzjoni tad-data.

    (b)

    It-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-migrazzjoni fil-livell reġjonali u internazzjonali. L-interventi f’dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jikkondividu informazzjoni rilevanti, jikkonsolidaw aktar il-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, jiżguraw l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, isaħħu l-kontroll tal-fruntieri u l-isforzi biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari u jindirizzaw l-ispostament furzat.

    (c)

    It-titjib tal-kapaċitajiet għal komunikazzjoni strateġika, inkluż il-komunikazzjoni mal-pubbliku dwar ir-riformi meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ sħubija mal-Unjoni. L-isforzi f’dan il-qasam għandhom jimmiraw li jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri ta’ media indipendenti u pluralistika u ta’ litteriżmu fil-media u għandhom iservu, fost l-oħrajn, bħala mezz għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà u għaż-żieda fir-reżiljenza tal-istat u dik tas-soċjetà għad-diżinformazzjoni u għal forom oħra ta’ theddid ibridu.

    (d)

    It-tisħiħ tal-governanza tajba u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika f’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni pubblika. L-interventi għandu jkollhom l-għan li: isaħħu l-oqfsa ta’ riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż fil-qasam tal-akkwist pubbliku, itejbu l-ippjanar strateġiku u l-iżvilupp politiku u leġiżlattiv inklużiv u bbażat fuq l-evidenza; itejbu l-professjonalizzazzjoni u depolitiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku billi jinkorporaw prinċipji meritokratiċi; jippromwovu t-trasparenza u r-responsabbiltà; itejbu l-kwalità u l-għoti ta’ servizzi, inklużi proċeduri amministrattivi xierqa u l-użu ta’ gvern elettroniku ffukat fuq iċ-ċittadini; isaħħu l-amministrazzjoni finanzjarja pubblika; u jtejbu l-produzzjoni ta’ statistiċi ta’ kwalità tajba.

    (e)

    It-tisħiħ tal-governanza fiskali u ekonomika. L-interventi għandu jkollhom l-għan li: jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riforma ekonomika u l-kooperazzjoni sistematika mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rigward il-prinċipji fundamentali tal-politika ekonomika u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ekonomiċi; itejbu l-kapaċità ta’ tisħiħ tal-istabbiltà makroekonomika u l-koeżjoni soċjali; l-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli u tal-progress lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona bil-kapaċità li tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq ġewwa l-Unjoni; u li jsir avvanz lejn is-Suq Reġjonali Komuni.

    (f)

    It-tisħiħ tal-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, l-istabbiltà reġjonali u l-kooperazzjoni reċiproka.

    (g)

    It-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni u tas-sħab tagħha biex jipprevjenu l-kunflitti, jibnu l-paċi u jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ qabel u ta’ wara kriżi, inkluż permezz ta’: twissija bikrija u analiżi tar-riskju sensittiva għall-kunflitti; il-promozzjoni ta’ kuntatti bejn il-persuni, ir-rikonċiljazzjoni, miżuri għall-bini tal-paċi u tal-fiduċja, inizjattivi li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja tranżizzjonali, it-tiftix tal-verità, il-kumpens u l-garanziji ta’ nonrikorrenza (bħar-RECOM); u l-appoġġ għal azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà u l-iżvilupp (CBSD) f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/947.

    (h)

    It-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-indipendenza u l-pluralità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali, inkluż assoċjazzjonijiet professjonali, fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-inkoraġġiment ta’ networking fil-livelli kollha fost l-organizzazzjonijiet ibbażati fl-Unjoni u dawk tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi djalogu effettiv mal-atturi pubbliċi u privati.

    (i)

    Il-promozzjoni tal-allinjament tar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-benefiċjarji ma’ dawk tal-Unjoni, inkluż l-akkwist pubbliku u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (j)

    Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet. L-interventi f’dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jistabbilixxu ambjent aktar abilitanti biex jiġu rrispettati d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u biex jinkiseb titjib reali u tanġibbli fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’oqsma ta’ politika strateġiċi bħall-ħelsien minn kull forma ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru; is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi; id-drittijiet ekonomiċi u soċjali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet; il-parteċipazzjoni u tmexxija ugwali; in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; u d-dimensjoni tal-ġeneru fit-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inkluż permezz tal-appoġġ għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru.

    (k)

    It-tisħiħ tal-aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja u tal-kwalità tagħhom f’kull livell, u l-offerta ta’ appoġġ lis-setturi kulturali u kreattivi u l-isport. L-interventi f’dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jippromwovu aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità, għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità; li jtejbu l-forniment ta’ ħiliet bażiċi; iż-żieda fil-livelli edukattivi milħuqa; l-indirizzar tal-eżodu ta’ mħuħ; it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola; it-tisħiħ tat-taħriġ tal-għalliema; it-tisħiħ tal-pożizzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ u li dawn ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; jiżviluppaw sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali u jippromwovu sistemi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol biex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà; itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja u tar-riċerka; jinkoraġġixxu attivitajiet relatati mal-alumni; u jtejbu l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u jappoġġaw l-investiment fl-edukazzjoni u f’infrastruttura tat-taħriġ aċċessibbli, b’mod partikolari bil-ħsieb li jitnaqqsu d-disparitajiet territorjali u titrawwem edukazzjoni inklużiva mingħajr segregazzjoni u inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji diġitali aċċessibbli.

    (l)

    It-trawwim ta’ impjiegi ta’ kwalità u l-aċċess għas-suq tax-xogħol. L-interventi f’dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li jindirizzaw il-livell għoli ta’ qgħad u ta’ inattività billi jappoġġaw l-integrazzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari taż-żgħażagħ (speċjalment dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ), in-nisa, il-persuni qiegħda fit-tul u l-gruppi kollha li mhumiex rappreżentati biżżejjed. Il-miżuri għandhom jistimulaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u jappoġġaw l-infurzar effettiv tar-regoli u l-istandards tax-xogħol fit-territorju kollu f’konformità mal-prinċipji u d-drittijiet ewlenin definiti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Oqsma ewlenin oħra ta’ intervent għandhom ikunu l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-impjegabbiltà u l-produttività, l-adattament tal-ħaddiema u tal-intrapriżi għall-bidla, l-istabbiliment ta’ djalogu soċjali sostenibbli u l-immodernizzar u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol bħas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u l-ispettorati tax-xogħol.

    (m)

    Il-promozzjoni tal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. L-interventi f’dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni effettiva, effiċjenti u adegwata fl-istadji kollha tal-ħajja ta’ persuna, jippromwovu t-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal waħda fil-familja u bbażata fil-komunità, irawmu l-inklużjoni soċjali, jippromwovu l-opportunitajiet indaqs u jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-faqar. L-interventi f’dan il-qasam għandhom jiffokaw ukoll fuq: l-integrazzjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom; il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; u t-titjib fl-aċċess għal servizzi affordabbli, sostenibbli u ta’ kwalità għolja, bħall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, is-settur tal-abitazzjoni, il-kura tas-saħħa, servizzi soċjali essenzjali u kura fit-tul, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

    (n)

    Il-promozzjoni ta’ trasport intelliġenti, sostenibbli, inklużiv u sikur, it-tneħħija ta’ punti ta’ konġestjoni fl-infrastrutturi tan-network prinċipali, u t-tisħiħ tas-siġurtà u d-diversifikazzjoni tal-enerġija, permezz ta’ investiment fi proġetti b’valur Ewropew miżjud għoli. Jenħtieġ li l-investimenti jingħataw prijorità skont ir-rilevanza tagħhom għall-konnessjonijiet TEN-T mal-Unjoni, konnessjonijiet transfruntiera, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kontribut għall-mobilità sostenibbli, it-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-impatt ambjentali u l-mobilità sikura, f’sinerġija mar-riformi promossi mit-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport. L-interventi fil-qasam tal-enerġija għandu jkollhom l-għan li jżidu l-effiċjenza fl-enerġija u l-produzzjoni sostenibbli kif ukoll li jiddiversifikaw il-pajjiżi u r-rotot fornituri.

    (o)

    It-titjib tal-ambjent tas-settur privat u l-kompetittività tal-intrapriżi, b’mod partikolari tal-SMEs, inkluż l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, bħala muturi ewlenin għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni. Għandha tingħata prijorità għal proġetti sostenibbli li jtejbu l-ambjent tan-negozju.

    (p)

    It-titjib fl-aċċess għal teknoloġiji u servizzi diġitali u t-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni billi jsir investiment fil-konnettività diġitali, il-fiduċja u s-sigurtà diġitali, il-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija, fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni, fil-mobbiltà, fl-infrastruttura tar-riċerka u fl-ambjent abilitanti u billi jiġu promossi n-networking u l-kollaborazzjoni.

    (q)

    Il-kontribut għas-sigurtà u s-sikurezza tal-provvista alimentari u tal-ilma u ż-żamma ta’ sistemi ta’ biedja diversifikati u vijabbli f’komunitajiet rurali vibranti u fil-kampanja.

    (r)

    Il-protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, l-indirizzar tad-degradazzjoni ambjentali u t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità, il-promozzjoni tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar u tal-art u ta’ riżorsi naturali rinnovabbli, l-investiment fil-kwalità tal-arja, il-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart u l-ġestjoni kimika sostenibbli, il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u l-appoġġ tat-tranżizzjoni għal ekonomiji ekoloġiċi u ċirkulari, il-kontribuzzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, iż-żieda fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni ta’ governanza tal-azzjoni klimatika u tal-informazzjoni dwarha u tal-effiċjenza enerġetika. L-IPA III għandu jippromwovi politiki li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu baxx ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, sikura u sostenibbli u li jsaħħu r-reżiljenza għad-diżastri kif ukoll il-prevenzjoni tad-diżastri u l-istat ta’ tħejjija u r-rispons għalihom.

    (s)

    Il-kooperazzjoni mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I fl-użu paċifiku tal-enerġija nukleari fl-oqsma tas-saħħa, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel, filwaqt li tkun żgurata l-konformità sħiħa mal-ogħla standards internazzjonali, kif ukoll l-appoġġ għal azzjonijiet li jindirizzaw il-konsegwenzi fuq il-popolazzjoni lokali esposta għal kwalunkwe inċident radjoloġiku u bil-għan li jitjiebu l-kondizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, u l-promozzjoni tal-ġestjoni tal-għarfien, it-taħriġ u l-edukazzjoni f’oqsma relatati man-nukleari. Fejn applikabbli, dawn l-attivitajiet għandhom ikunu koerenti ma’ dawk tal-Istrument Ewropew għas-Sikurezza Nukleari u f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/947.

    (t)

    Iż-żieda fl-abbiltà tas-settur agroalimentari u dak tas-sajd biex ilaħħqu mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq kif ukoll biex jallinjaw ruħhom progressivament mar-regoli u l-istandards tal-Unjoni, filwaqt li jfittxu li jiksbu l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fi żvilupp territorjali bbilanċjat taż-żoni rurali u kostali.


    ANNESS III

    PRIJORITAJIET TEMATIĊI GĦAL ASSISTENZA GĦAL KOOPERAZZJONI TRANSFRUNTIERA BEJN IL-BENEFIĊJARJI ELENKATI FL-ANNESS I

    Bil-ħsieb li jkunu promossi relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, titrawwem l-integrazzjoni tal-Unjoni u jiġi promoss l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-assistenza għal kooperazzjoni transfruntiera tista’tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin, skont il-każ:

    (a)

    il-promozzjoni tal-impjiegi, il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali u kulturali bejn pajjiż u ieħor, fost l-oħrajn permezz ta’: l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol transfruntiera, inkluż il-mobbiltà transfruntiera; inizjattivi konġunti ta’ impjieg lokali; servizzi ta’ informazzjoni u konsulenza u taħriġ konġunt; l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; l-opportunitajiet indaqs; l-integrazzjoni tal-komunitajiet tal-immigranti u tal-gruppi vulnerabbli; l-investiment fis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi; u l-appoġġ tal-investiment fis-saħħa pubblika u s-servizzi soċjali;

    (b)

    il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, fost l-oħrajn permezz ta’: azzjonijiet konġunti għal protezzjoni ambjentali; il-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali, ippjanar spazjali marittimu kkoordinat, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sikura u sostenibbli; it-titjib tal-kwalità tal-arja u tal-ilma, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-allinjament mal-istandards ambjentali Ewropej, u l-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma; il-promozzjoni tal-investiment biex jiġu indirizzati riskji speċifiċi; l-iżgurar tar-reżiljenza għad-diżastri u l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri; u l-promozzjoni u t-titjib tal-koordinazzjoni internazzjonali tax-xmajjar transkonfinali;

    (c)

    il-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli u t-titjib fl-infrastrutturi pubbliċi, fost l-oħrajn permezz tat-tnaqqis tal-iżolament permezz ta’ aċċess imtejjeb għat-trasport, in-networks u s-servizzi diġitali u l-investiment f’sistemi u faċilitajiet transfruntiera tal-ilma, l-iskart u l-enerġija;

    (d)

    il-promozzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà diġitali billi, fost l-oħrajn, jintużaw il-konnettività diġitali u l-iżvilupp ta’ servizzi tal-gvern elettroniku, ta’ fiduċja u sigurtà diġitali, kif ukoll ta’ ħiliet u intraprenditorija diġitali;

    (e)

    l-inkoraġġiment tat-turiżmu, speċjalment it-turiżmu sostenibbli, u l-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali u naturali;

    (f)

    l-investiment fiż-żgħażagħ, fl-isport, fl-edukazzjoni u fil-ħiliet, fost l-oħrajn, permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ edukazzjoni konġunta, taħriġ vokazzjonali, skemi ta’ taħriġ u infrastruttura li tappoġġa l-attivitajiet konġunti favur iż-żgħażagħ;

    (g)

    il-promozzjoni tal-governanza lokali u reġjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-ippjanar u amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    (h)

    il-promozzjoni ta’ inizjattivi transfruntiera biex jitrawmu r-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja tranżizzjonali (bħal RECOM);

    (i)

    it-tisħiħ tal-kompetittività, tal-ambjent tan-negozju u tal-iżvilupp ta’ SMEs, tal-kummerċ u l-investiment, fost l-oħrajn, permezz tal-promozzjoni u tal-appoġġ tal-intraprenditorija, b’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs, u tal-iżvilupp ta’ swieq transfruntiera lokali u l-internazzjonalizzazzjoni, kif ukoll li jsir kontribut għas-Suq Reġjonali Komuni;

    (j)

    it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali, fost l-oħrajn, permezz tal-promozzjoni tal-mobbiltà u permezz tal-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u l-faċilitajiet għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.


    ANNESS IV

    LISTA TA’ INDIKATURI EWLENIN TAL-PRESTAZZJONI

    Il-lista li ġejja ta’ indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin għandha tintuża biex tgħin fil-kejl tal-progress u, fejn xieraq, tal-prontezza mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-kontribut tal-Unjoni għall-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-IPA III:

    1.

    Indikatur kompost (1) dwar il-kriterji politiċi (sors: il-Kummissjoni Ewropea).

    2.

    Attitudni lejn l-UE: Perċentwal tal-popolazzjoni b’attitudni ġenerali pożittiva lejn l-UE (sors: il-Kummissjoni Ewropea/Delegazzjonijiet tal-UE).

    3.

    Indikatur kompost dwar l-allinjament mal-acquis tal-Unjoni (sors: il-Kummissjoni Ewropea).

    4.

    Indikatur kompost dwar il-kriterji ekonomiċi (sors: il-Kummissjoni Ewropea).

    5.

    In-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali bħala % tal-PDG (sors: Eurostat) u r-Rata tal-Impjieg ta’ persuni li għandhom bejn l-20 u l-64 sena u bidliet fil-koeffiċjent Gini ta’ benefiċjarju maż-żmien (sors: Eurostat).

    6.

    Ħiliet diġitali (sors: Eurostat).

    7.

    Kemm huwa faċli li titwettaq attività tan-negozju (sors: Il-Bank Dinji).

    8.

    Intensità enerġetika mkejla f’termini ta’ enerġija primarja u PDG (sors: Eurostat). Sehem tal-enerġija rinnovabbli f’% tal-konsum finali gross tal-enerġija (sors: Eurostat).

    9.

    Emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) evitati (tunnellati ekwivalenti ta’ CO2) bl-appoġġ tal-IPA III (sors: il-Kummissjoni Ewropea). Konċentrazzjonijiet ta’ PM 10 imqabbla mal-valur ta’ limitu ta’ kuljum tal-UE (50 μg/m3); (Sors: l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent).

    10.

    Żoni ta’ ekosistemi tal-baħar, tal-art u tal-ilma ħelu taħt a) protezzjoni, b) ġestjoni sostenibbli bl-appoġġ tal-IPA III.

    11.

    Relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, bħall-għadd ta’ sħubiji transfruntiera stabbiliti, formalizzati u implimentati, perċentwal tal-kummerċ intrareġjonali għall-PDG (Sors tad-data: Statistika nazzjonali, Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali), numru ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera/jum, u numru ta’ oġġetti li jittrasportaw vetturi li jaqsmu l-fruntiera kuljum (2) (Sors: l-Osservatorju tat-Trasport).

    L-indikaturi, fejn rilevanti u possibbli, u meta d-data tkun disponibbli, ser ikunu diżaggregati skont il-ġeneru u l-età.


    (1)  L-indikatur jinkludi 5 elementi:

    Il-funzjonament tal-ġudikatura

    Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

    Il-libertà tal-espressjoni (li hija element tad-drittijiet fundamentali)

    Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

    (2)  Id-data dwar din tal-aħħar tkun disponibbli biss mill-2023 ’il quddiem.


    Top