EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1527

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1527 tal-31 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar ir-rikonoxximent kuntrattwali ta’ setgħat ta’ tnaqqis fil-valur u ta’ konverżjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/3697

ĠU L 329, 17.9.2021, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1527/oj

17.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1527

tal-31 ta’ Mejju 2021

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar ir-rikonoxximent kuntrattwali ta’ setgħat ta’ tnaqqis fil-valur u ta’ konverżjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(6) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 55(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li meta istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d) ta’ dik id-Direttiva tilħaq id-determinazzjoni li huwa legalment jew b’xi mod ieħor imprattikabbli li jiġi inkluż, fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti, it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE (“it-terminu kuntrattwali”), jenħtieġ li dik l-istituzzjoni jew l-entità tinnotifika d-determinazzjoni tagħha lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

(2)

Il-kundizzjonijiet li taħthom ikun legalment jew b’xi mod ieħor imprattikabbli għal istituzzjoni jew entità li tinkludi t-terminu kuntrattwali f’ċerti kategoriji ta’ obbligazzjonijiet jenħtieġ li jiġu definiti b’mod li jippermetti livell xieraq ta’ konverġenza, filwaqt li fl-istess ħin l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jqisu d-differenzi fis-swieq rilevanti.

(3)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet ma jkunux meħtieġa jinkludu, fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti, it-terminu kuntrattwali, fejn tali inklużjoni tkun illegali fil-pajjiż terz rilevanti. Dan jista’ jkun il-każ fejn, pereżempju, il-liġijiet, jew l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ma jippermettux tali termini. Jenħtieġ li jitqies ukoll bħala imprattikabbli għal istituzzjoni jew entità li tinkludi t-terminu kuntrattwali fi ftehim jew strument meta dik l-istituzzjoni jew entità ma tkunx tista’ temenda dawk id-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Dan spiss ikun il-każ fejn ftehimiet jew strumenti jiġu konklużi skont termini jew protokolli standardizzati internazzjonali li jistabbilixxu termini u kundizzjonijiet uniformi għal tali tipi ta’ ftehimiet jew strumenti. Prodotti ta’ finanzjament tal-kummerċ, bħal garanziji, kontrogaranziji, ittri ta’ kreditu jew strumenti oħra użati fil-kuntest ta’ appoġġ jew finanzjament ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali tipikament jinħarġu soġġetti għal termini jew regoli standard rikonoxxuti internazzjonalment stabbiliti minn organizzazzjoni tal-industrija rikonoxxuta internazzjonalment jew żviluppati abbażi ta’ prattiċi bilaterali standard. L-imprattikabbiltà tista’ tirriżulta wkoll meta l-istituzzjoni jew l-entità tikkonkludi kuntratti ta’ forniment ta’ servizzi finanzjarji ma’ korpi mhux tal-Unjoni, inklużi fornituri ta’ servizzi finanzjarji, ċentri tan-negozjar, infrastrutturi tas-suq finanzjarju jew kustodji li jużaw termini standard li ma jistgħux jiġu nnegozjati mill-istituzzjoni jew l-entità.

(4)

Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ rieda tal-kontroparti li tinkludi t-termini kuntrattwali jew żieda fil-prezz tal-istrument jew tal-ftehim biss jenħtieġ li ma jitqiesx bħala kundizzjoni ta’ imprattikabbiltà tal-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali.

(5)

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, anki fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà, awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddeċiedi li ma teħtieġx li l-istituzzjoni jew l-entità rilevanti tinkludi t-terminu kuntrattwali fejn tqis li tali inklużjoni mhijiex meħtieġa biex tiżgura r-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni jew l-entità. Il-konklużjonijiet tal-analiżi tal-impatt fuq ir-riżolvibbiltà għall-finijiet tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2014/59/UE, jenħtieġ li jkunu konsistenti ma’ dawk taħt il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà kif stabbilit fit-Titolu II, Kapitolu II, ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-impatt fuq ir-riżolvibbiltà skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, ftehimiet jew strumenti li joħolqu obbligazzjonijiet b’maturitajiet twal jew valuri nominali għoljin jenħtieġ li jitqiesu neċessarji biex tiġi żgurata r-riżolvibbiltà. L-inklużjoni ta’ tali termini kuntrattwali, għalhekk, jenħtieġ li ma tiġix rinunzjata meta tali inklużjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà. Fir-rigward ta’ ftehimiet jew strumenti oħra li joħolqu obbligazzjonijiet, meta jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq ir-riżolvibbiltà, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jqisu kif dovut għadd ta’ elementi rilevanti iżda jenħtieġ li jitħallew, kif xieraq skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi, jivvalutaw kwalunkwe element addizzjonali li jistgħu jqisu neċessarju.

(6)

Wara li tirċievi notifika sħiħa ta’ imprattikabbiltà, awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkollha perjodu ta’ żmien raġonevoli biex tevalwaha. In-notifiki jistgħu jvarjaw fil-kumplessità. Huwa għalhekk xieraq li awtorità ta’ riżoluzzjoni titħalla testendi l-perjodu ta’ żmien biex tirrikjedi l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali għal perjodu ta’ żmien determinat minn qabel fir-rigward ta’ notifiki kumplessi. Tali estensjoni jenħtieġ li tiġi nnotifikata kif xieraq lill-istituzzjoni jew l-entità rilevanti. Meta titqies in-natura ġdida tan-notifika u l-valutazzjoni tagħha, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jitħallew jestendu l-perjodu ta’ żmien biex jivvalutaw notifiki kumplessi għal sitt xhur addizzjonali matul l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dan il-perjodu, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jenħtieġ li jitħallew jestendu l-perjodu ta’ żmien għall-valutazzjoni ta’ notifiki kumplessi għal tliet xhur.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(8)

L-Awtorità Bankarja Ewropea għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kundizzjonijiet li taħthom ma jkunx prattikabbli li t-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jiġi inkluż f’ċerti kategoriji ta’ obbligazzjonijiet

1.   Il-kundizzjonijiet li taħthom ikun legalment jew b’xi mod ieħor imprattikabbli għal istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), punt (b), (c) jew (d), tad-Direttiva 2014/59/UE li tinkludi, fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw l-obbligazzjoni rilevanti, it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali tikkostitwixxi ksur tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż terz li jirregolaw l-obbligazzjoni;

(b)

l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali tmur kontra struzzjoni espliċita u vinkolanti minn awtorità ta’ pajjiż terz;

(c)

l-obbligazzjoni tirriżulta minn strumenti jew ftehimiet konklużi skont termini jew protokolli standardizzati internazzjonali li l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx tista’ temenda;

(d)

l-obbligazzjoni tkun irregolata minn termini kuntrattwali li l-istituzzjoni jew l-entità trid taċċetta sabiex tkun tista’ tipparteċipa fi jew tuża s-servizzi ta’ korp mhux tal-Unjoni, u li l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx tista’ temenda;

(e)

l-obbligazzjoni hija dovuta lil kreditur kummerċjali jew tan-negozju u hija relatata mal-forniment ta’ oġġetti jew servizzi li, filwaqt li mhumiex kritiċi, jintużaw għall-funzjonament operattiv ta’ kuljum tal-istituzzjoni jew l-entità u l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx tista’ temenda t-termini tal-ftehim.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (c), (d) u (e), istituzzjoni jew entità għandha titqies li ma tistax temenda l-istrumenti jew il-ftehimiet jew it-termini kuntrattwali fejn l-istrument, il-ftehim jew it-termini kuntrattwali jistgħu jiġu konklużi biss skont it-termini stabbiliti mill-kontroparti jew mill-kontrapartijiet jew mit-termini jew protokolli standard applikabbli.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex teħtieġ l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE f’ċerti kategoriji ta’ obbligazzjonijiet

1.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha teħtieġ l-inklużjoni fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti tat-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE meta tkun ikkonkludiet, abbażi tan-notifika tal-istituzzjoni jew tal-entità, li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà notifikati u msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ma tiġi ssodisfata u dment li tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont nominali tal-obbligazzjoni maħluqa mill-ftehim jew strument rilevanti jkun daqs jew aktar minn EUR 20 miljun;

(b)

il-maturità li jifdal tal-ftehim jew tal-istrument tkun ugwali għal jew itwal minn sitt xhur.

2.   Fejn meħtieġ biex tiġi żgurata r-riżolvibbiltà, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ teħtieġ l-inklużjoni fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti tat-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE fejn tkun ikkonkludiet, abbażi tan-notifika tal-istituzzjoni jew tal-entità, li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà notifikati u msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ma tkun issodisfata u dment li ma tiġi ssodisfata l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu.

Meta tivvaluta jekk l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali hijiex meħtieġa biex tiżgura r-riżolvibbiltà, skont l-ewwel subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha b’mod partikolari tqis mill-inqas wieħed mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-ammont u t-tip tal-ftehim jew tal-istrument;

(b)

il-fattibbiltà tal-użu tal-għodod tar-riżoluzzjoni;

(c)

il-kredibilità tal-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni b’mod li jissodisfa l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni, b’kont meħud tal-impatti possibbli fuq il-kredituri, il-kontropartijiet, il-klijenti u l-impjegati, u l-azzjonijiet possibbli tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi;

(d)

il-klassifikazzjoni tal-obbligazzjoni fi proċedimenti normali ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali;

(e)

il-maturità tal-obbligazzjoni u n-natura rotanti tal-kuntratt.

Artikolu 3

Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli biex l-awtorità tar-riżoluzzjoni titlob l-inklużjoni ta’ terminu kuntrattwali

1.   Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli msemmi fl-Artikolu 55(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE għandu jkun ta’ tliet xhur mill-jum li fih l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 55(2), l-ewwel subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva.

2.   Meta n-notifika msemmija fl-Artikolu 55(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE ma tkunx kompluta, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tindika lill-istituzzjoni jew l-entità notifikanti liema informazzjoni hija nieqsa. Il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jibda meta tkun ġiet ippreżentata l-informazzjoni kollha nieqsa.

3.   Sas-6 ta’ Ottubru 2022, fejn in-notifika tkun kumplessa, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b’sitt xhur.

Mis-7 ta’ Ottubru 2022, fejn in-notifika tkun kumplessa, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 bi tliet xhur.

4.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinforma lill-istituzzjoni jew lill-entità notifikanti dwar l-estensjoni u r-raġunijiet għaliha.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top