Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1400

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1400 tal-24 ta’ Awwissu 2021 li jiffissa r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-kostijiet għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali 2022 tal-FAEG

    C/2021/6117

    ĠU L 301, 25.8.2021, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1400/oj

    25.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 301/6


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1400

    tal-24 ta’ Awwissu 2021

    li jiffissa r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-kostijiet għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali 2022 tal-FAEG

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) u (4) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 (2) jistipula li n-nefqa relatata mal-kostijiet ta’ finanzjament imġarrba mill-Istati Membri sabiex jimmobilizzaw fondi biex jixtru l-prodotti trid tiġi ddeterminata f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Il-punt I.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jipprevedi li l-kostijiet ta’ finanzjament ikkonċernati jridu jiġu kkalkulati abbażi ta’ rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni ffissata mill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena fiskali. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għall-medja tar-rati bil-quddiem tal-Euribor għal terminu ta’ tliet xhur u ta’ 12-il xahar, irreġistrati matul il-perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur li jrid jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni, qabel in-notifika mingħand l-Istati Membri prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness, b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ terz u ta’ żewġ terzi rispettivament.

    (3)

    Biex jiġu ddeterminati r-rati tal-imgħax applikabbli għal sena fiskali partikolari, l-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni, meta titlob dan, bir-rata tal-imgħax medja mġarrba minnhom realment matul il-perjodu ta’ referenza msemmi fil-punt I.1 ta’ dak l-Anness, sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza msemmija f’dik it-talba.

    (4)

    Barra minn hekk, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014, jekk Stat Membru ma jibgħat l-ebda notifika, fil-forma u sad-data ta’ skadenza msemmijin fl-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru għandha titqies bħala 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda kost tal-imgħax għax ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi dik ir-rata tal-imgħax f’konformità mat-tielet paragrafu ta’ dak il-punt.

    (5)

    Minħabba l-fatt li ma kien hemm l-ebda prodott agrikolu fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur li huwa stabbilit għax-xhur ta’ Novembru 2020 sa April 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jagħmlu notifiki skont l-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014. Għalhekk, il-Kummissjoni ffissat rata ta’ imgħax ta’ referenza skont it-tielet paragrafu ta’ dak il-punt.

    (6)

    F’konformità mal-punt I.3 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014, ir-rata tal-imgħax stabbilita abbażi tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness trid titqabbel mar-rata tal-imgħax uniformi ffissata abbażi tal-punt I.1 ta’ dak l-Anness. Ir-rata tal-imgħax applikabbli għal kull Stat Membru trid tkun l-aktar waħda baxxa minn dawn iż-żewġ rati tal-imgħax. Madankollu, għall-fini tar-rimborż tan-nefqa tal-Istati Membri, ir-rati tal-imgħax negattivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

    (7)

    Ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena fiskali tal-2022 tal-FAEG għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu dawk il-fatturi differenti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għan-nefqa marbuta mal-kostijiet ta’ finanzjament imġarrba mill-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-fondi għax-xiri sfurzat ta’ prodotti li għandhom jitħallsu mis-sena fiskali 2022 tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu ffissati għal 0 %.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Awwissu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 1).


    Top