Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021O0831

    Linja Gwida (UE) 2021/831 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2021 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq intermedjarji finanzjarji minbarra istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/12)

    ĠU L 208, 11.6.2021, p. 59–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2021/831/oj

    11.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 208/59


    LINJA GWIDA (UE) 2021/831 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tas-26 ta’ Marzu 2021

    dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq intermedjarji finanzjarji minbarra istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/12)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 5.1, 12.1 u 14.3 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu skont it-Trattati, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeħtieġ ir-rapportar ta’ tagħrif statistiku dwar intermedjarji finanzjarji minbarra istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (monetary financial institutions – MFIs) ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (l-“Istati Membri taż-żona tal-euro”). Dan it-tagħrif jagħti lill-BĊE ħarsa ġenerali statistika komprensiva tal-attivitajiet finanzjarji minbarra dawk imwettqa mill-MFIs fl-Istati Membri taż-żona tal-euro li huma ttrattati bħala territorju ekonomiku uniku. Huwa meħtieġ tagħrif statistiku dettaljat biżżejjed biex tiġi żgurata l-applikabbiltà analitika tiegħu għat-twettiq ta’ analiżi monetarja u finanzjarja fil-livell tal-Unjoni u biex is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) tikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Tagħrif statistiku dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll tagħrif statistiku dwar l-ammonti pendenti, jintuża wkoll biex tiġi kkumpilata statistika oħra; b’mod partikolari, il-kontijiet finanzjarji taż-żona tal-euro skont il-Linja Gwida BĊE/2013/24 tal-Bank Ċentrali Ewropew (1).

    (2)

    Il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) jenħtieġ li jiġi armonizzat fiż-żona tal-euro kollha. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-ġbir u t-trattament ta’ dak it-tagħrif. Huwa importanti li jiġi żgurat li dawk ir-regoli ma jimponux piż ta’ rapportar mhux raġonevoli fuq il-BĊNi. Għalhekk, il-BĊNi jenħtieġ li jirrapportaw dak it-tagħrif statistiku lill-BĊE billi jużaw it-tagħrif statistiku miġbur skont ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/38) (2), ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/40) (3), ir-Regolament (UE) Nru 1374/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/50) (4) u r-Regolament (UE) 2018/231 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/2) (5) u, għal xi intermedjarji finanzjarji, it-tagħrif statistiku disponibbli fil-livell nazzjonali. Il-BĊE jista’ jagħmel użu mit-tagħrif statistiku rapportat skont din il-Linja Gwida skont ir-Regolament (KE) Nru 2533/98.

    (3)

    Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti wkoll il-formati u l-proċeduri li l-BĊNi jridu jsegwu sabiex jirrapportaw lill-BĊE tagħrif statistiku disponibbli fil-livell nazzjonali relatat mal-intermedjarji finanzjarji li mhumiex parti mill-popolazzjoni li tirrapporta skont dawk ir-Regolamenti.

    (4)

    Id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40), ir-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50), ir-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (6) huma rilevanti wkoll għall-finijiet ta’ rapportar skont din il-Linja Gwida u għalhekk jenħtieġ li japplikaw.

    (5)

    Sabiex tingħata ħarsa ġenerali statistika komprensiva lill-BĊE biex dan ikun jista’ jwettaq analiżi effettiva tal-politika monetarja u tal-istabbiltà finanzjarja fil-livell tal-Unjoni, il-BĊE jeħtieġ tagħrif statistiku dettaljat dwar l-intermedjarji finanzjarji li ġejjin minbarra l-MFIs, kif ikkategorizzati fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), inklużi fondi ta’ investiment (investment funds – IFs), korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (insurance corporations – ICs) u fondi tal-pensjoni (pension funds – PFs), minbarra tagħrif rapportat dwar l-MFIs skont il-Linja Gwida (UE) 2021/830 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/11) (8). Għalhekk, jenħtieġ li l-BĊNi jirrapportaw tagħrif statistiku separat għas-subsetturi tal-IFs, l-ICs u l-PFs.

    (6)

    It-tagħrif statistiku dwar is-subsetturi tal-IFs, l-ICs u l-PFs rapportat skont ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), ir-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) u r-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2) għandu jinkludi r-rapportar dwar titoli b’kodiċijiet ta’ identifikazzjoni pubblikament disponibbli fuq bażi ta’ titolu b’titolu (security-by-security – s-b-s). Sabiex jirrapportaw dak it-tagħrif lill-BĊE, il-BĊNi jenħtieġ li jirreferu għal bażi tad-data ċentralizzata dwar it-titoli (centralised securities database – CSDB) li tiffunzjona jew bażi tad-data nazzjonali tat-titoli kompatibbli għall-klassifikazzjoni tal-istatistika dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-IF, l-ICs u l-PFs.

    (7)

    Sabiex il-BĊE jingħata ħarsa ġenerali lejn it-tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ intermedjarji finanzjarji oħra (other financial intermediaries – OFIs) fl-Istati Membri taż-żona tal-euro li mhumiex koperti mir-regolamenti tal-BĊE dwar l-istatistika, Il-BĊE jirrikjedi tagħrif statistiku dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn ċerti OFIs li jkun disponibbli fil-livell nazzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li l-BĊNi jirrapportaw dak it-tagħrif statistiku lill-BĊE bl-użu tat-tagħrif statistiku disponibbli fil-livell nazzjonali skont din il-Linja Gwida. Dak it-tagħrif statistiku jenħtieġ li jinkludi t-tagħrif statistiku dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-OFIs li ġejjin: negozjanti tat-titoli u tad-derivattivi; korporazzjonijiet finanzjarji involuti fis-self; u korporazzjonijiet finanzjarji speċjalizzati. It-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar korporazzjonijiet ta’ veikoli finanzjarji involuti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (financial vehicle corporations – FVCs) (li huma kategorizzati bħala OFIs fir-Regolament (UE) Nru 549/2013) jenħtieġ li jiġi sseparat mir-rekwiżiti ta’ rapportar għall-OFIs peress li l-ġbir tiegħu minn aġenti li jirrapportaw huwa rregolat fir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40).

    (8)

    Il-BĊE jirrikjedi tagħrif statistiku separat dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn OFIs li huma kategorizzati bħala kustodji sabiex jimmonitorja l-impatt tal-attivitajiet ta’ titolizzazzjoni, u b’mod partikolari l-interazzjoni bejn l-FVCs u s-settur tal-MFIs li magħhom huwa marbut mill-qrib. Għalhekk, jenħtieġ li l-BĊN jirrapportaw dak it-tagħrif statistiku separatament mit-tagħrif statistiku rapportat dwar l-OFIs lill-BĊE bl-użu tat-tagħrif statistiku miġbur skont ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40).

    (9)

    Il-BĊE jirrikjedi tagħrif statistiku dwar il-kontropartijiet ċentrali (central counterparties – CCPs) li huma kategorizzati bħala korporazzjonijiet finanzjarji speċjalizzati fil-kategorija tal-OFIs fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 u li mhux koperti mir-regolamenti tal-BĊE dwar l-istatistika. Il-BĊE jeħtieġ dak it-tagħrif sabiex jikkonferma li l-korrezzjonijiet magħmula għas-self tal-MFIs lis-CCPs u d-depożiti mingħandhom fl-aggregati monetarji u l-kontropartijiet huma xierqa għan-negozju attwali mwettaq mis-CCPs. Għalhekk, jenħtieġ li l-BĊNi jirrapportaw dak it-tagħrif statistiku separatament minn u minbarra t-tagħrif statistiku rapportat dwar l-OFIs.

    (10)

    Bil-għan li jiġi żgurat li t-tagħrif statistiku dwar l-intermedjarji finanzjarji minbarra MFIs rapportat lill-BĊE jkun rappreżentattiv tal-popolazzjoni kollha li tirrapporta, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli komuni dwar l-ingrossar għal dawk l-aġenti li jirrapportaw li ngħataw derogi skont ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40), ir-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) u r-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2).

    (11)

    Sabiex il-BĊE jwettaq il-kompiti tiegħu, huwa xieraq li l-BĊNi jirrapportaw it-tagħrif statistiku meħtieġ sa dati speċifikati.

    (12)

    Sabiex jiġu żgurati l-preċiżjoni u l-kwalità tat-tagħrif statistiku miġbur mill-BĊE, huwa meħtieġ li jiġu previsti l-monitoraġġ, il-verifika u, fejn xieraq, ir-reviżjoni tat-tagħrif statistiku rapportat mill-BĊNi. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li l-BĊNi jipprovdu spjegazzjonijiet lill-BĊE għar-reviżjonijiet li jtejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tal-informazzjoni.

    (13)

    L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jimplika li l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li qed jippjanaw li jadottaw l-euro jenħtieġ li jfasslu u jimplimentaw miżuri għall-ġbir tat-tagħrif statistiku meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tal-BĊE bi tħejjija għal tali adozzjoni tal-euro. Sabiex il-BĊE jkun jista’ jikseb ħarsa ġenerali komprensiva tat-tagħrif statistiku miġbur u jwettaq analiżi rilevanti, il-BĊNi tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jadottaw l-euro jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu lill-BĊE b’tagħrif statistiku li jkopri perijodu speċifikat qabel l-adozzjoni tagħhom tal-euro.

    (14)

    Huwa xieraq li jiġi pprovdut metodu komuni ta’ trażmissjoni ta’ tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE għall-BĊNi kollha. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi miftiehem u speċifikat format armonizzat ta’ trażmissjoni elettronika mis-SEBĊ.

    (15)

    Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura biex isiru emendi tekniċi għall-annessi ta’ din il-Linja Gwida b'mod effettiv, sakemm dawn l-emendi la jbiddlu l-qafas kunċettwali bażiku, u lanqas ma jaffettwaw il-piż tar-rapportar. Għaldaqstant, il-BĊNi jenħtieġ li jipproponu tali emendi tekniċi permezz tal-Kumitat tal-Istatistika u jenħtieġ li jitqiesu l-fehmiet tal-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ meta tiġi segwita din il-proċedura.

    (16)

    Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li l-BĊNi jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida mill-istess data kif imsemmi fl-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2021/835 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/16) (9),

    ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

    TAQSIMA 1

    SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din il-Linja Gwida tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) relatati mal-istatistika dwar intermedjarji finanzjarji minbarra istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs). B’mod partikolari, din il-Linja Gwida tispeċifika t-tagħrif li għandu jiġi rrapportat lill-BĊE, it-trattament ta’ dak it-tagħrif, il-frekwenza u ż-żmien ta’ dak ir-rapportar u l-istandards li għandhom jiġu applikati għal dak ir-rapportar.

    2.   Din il-Linja Gwida tapplika għall-intermedjarji finanzjarji li ġejjin:

    (a)

    fondi ta’ investiment (IFs);

    (b)

    korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (ICs);

    (c)

    fondi tal-pensjoni (PFs);

    (d)

    korporazzjonijiet ta’ veikoli finanzjarji involuti fi tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni (FVCs);

    (e)

    intermedjarji finanzjarji oħrajn ħlief l-ICs u l-PFs (OFIs);

    (f)

    kontropartijiet ċentrali (CCPs).

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolamenti li ġejjin:

    (a)

    l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

    (b)

    l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38);

    (c)

    l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40);

    (d)

    l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50);

    (e)

    l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2).

    2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:

    (1)

    kontropartijiet ċentrali” tfisser dawk il-kontropartijiet ċentrali li:

    (a)

    huma elenkati fir-reġistru pubbliku tal-ESMA kif stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); u

    (b)

    mhumiex elenkati bħala “istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs)” fil-lista stabbilita mill-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/2) (11);

    (2)

    “intermedjarji finanzjarji oħra minbarra korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni” (OFIs) tfisser “intermedjarji finanzjarji oħra ħlief korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni” (subsettur S.125) kif definit fil-paragrafi 2.86 sa 2.94 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013, u bl-esklużjoni ta’ FVCs kif definit fil-paragrafu 2.90 ta’ dak l-Anness.

    TAQSIMA 2

    FONDI TA’ INVESTIMENT (IFS)

    Artikolu 3

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn IFs

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE it-tagħrif statistiku aggregat li ġej dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn fondi ta’ investiment (IFs):

    (a)

    it-Tabella 1 fil-Parti 3 fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38);

    (b)

    it-Tabella 4 fil-Parti 3 fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38);

    (c)

    it-Tabella 1 fil-Parti 1 fl-Anness I ta’ din il-Linja Gwida fuq bażi tal-aħjar stima, meta d-data tkun disponibbli;

    (d)

    it-Tabella 2 fil-Parti 1 fl-Anness I ta’ din il-Linja Gwida fuq bażi tal-aħjar stima, meta d-data tkun disponibbli;

    2.   It-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 għandu jiġi rrapportat għal kull wieħed mit-tipi ta’ IF li ġejjin:

    (a)

    fondi ta’ ekwità, diżaggregati f’fondi ta’ ekwità miftuħa u fondi ta’ ekwità magħluqa;

    (b)

    fondi ta’ bonds, diżaggregati f’fondi ta’ bonds miftuħa u fondi ta’ bonds magħluqa;

    (c)

    fondi mħallta, diżaggregati f’fondi mħallta miftuħa u fondi mħallta magħluqa;

    (d)

    fondi ta’ proprjetà immobbli, diżaggregati f’fondi ta’ proprjetà immobbli miftuħa u fondi ta’ proprjetà immobbli magħluqa;

    (e)

    fondi ħeġġ, diżaggregati f’fondi ħeġġ miftuħa u fondi ħeġġ magħluqa;

    (f)

    fondi oħrajn, diżaggregati f’fondi oħrajn miftuħa u fondi oħrajn magħluqa;

    (g)

    fondi ta’ ekwità privata (inklużi fondi ta’ kapital ta’ riskju) bħala pożizzjoni “li minnhom” tal-“fondi totali”.

    3.   It-tagħrif statistiku rapportat skont il-punti (b) u (d) tal-paragrafu 1 għandu jiġi rrapportat ukoll għal kull wieħed mit-tipi ta’ IF li ġejjin:

    (a)

    fondi ta’ ekwità, diżaggregati f’fondi ta’ ekwità ta’ impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u fondi ta’ ekwità mhux ta’ UCITS;

    (b)

    fondi ta’ bonds, diżaggregati f’fondi ta’ bonds ta’ UCITS u f’fondi ta’ bonds mhux ta’ UCITS;

    (c)

    fondi mħallta, diżaggregati f’fondi mħallta ta’ UCITS u f’fondi mħallta mhux ta’ UCITS;

    (d)

    fondi ta’ proprjetà immobbli, diżaggregati f’fondi ta’ proprjetà immobbli ta’ UCITS u f’fondi ta’ proprjetà immobbli mhux ta’ UCITS;

    (e)

    fondi ħeġġ, diżaggregati f’fondi ħeġġ ta’ UCITS u fondi ta’ ħeġġ mhux ta’ UCITS;

    (f)

    fondi oħrajn, diżaggregati f’fondi oħrajn ta’ UCITS u fondi oħrajn mhux ta’ UCITS;

    (g)

    fondi negozjati fil-borża (ETFs), bħala pożizzjoni “li minnhom” tal-“fondi totali”.

    4.   It-tagħrif statistiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri dawn kollha li ġejjin:

    (a)

    l-ammonti pendenti;

    (b)

    l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni;

    (c)

    l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju.

    L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal tagħrif statistiku dwar ħruġ ġdid u tifdijiet ta’ ishma/unitajiet maħruġa minn IFs rapportat skont il-paragrafu 1(b).

    5.   It-tagħrif statistiku msemmi fil-paragrafu 2(g), għandu jiġi rrapportat fuq bażi tal-aħjar stima, meta d-data tkun disponibbli u għandu jkopri dan kollu li ġej:

    (a)

    l-ammonti pendenti fi tmiem it-trimestru;

    (b)

    l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni trimestrali;

    (c)

    l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni trimestrali minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju.

    L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal tagħrif statistiku dwar ħruġ ġdid u tifdijiet ta’ ishma/unitajiet maħruġa minn IFs rapportat skont il-paragrafu 1(b).

    6.   It-tagħrif statistiku dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u tar-rivalwazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandu jiġi rrapportat skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida. Meta jkun disponibbli tagħrif titolu b’titolu (s-b-s), il-BĊNi jistgħu jiksbu approssimazzjonijiet tal-valur tal-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni tat-titoli minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni rapportati skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida u fuq talba mill-BĊE.

    7.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE tagħrif statistiku dwar ishma tal-portaturi meta t-tagħrif dwar ishma tal-portaturi rapportat minn IFs, minn MFIs u/jew minn OFIs skont il-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) ma jkunx komplut jew ikun għadu mhux disponibbli. Il-BĊNi għandhom jirrapportaw dak it-tagħrif statistiku lill-BĊE fuq bażi tal-aħjar stima, b’referenza għad-diżaggregazzjoni ġeografika u settorjali fit-Tabella 1 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) u t-Tabella 1 tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ din il-Linja Gwida.

    8.   Meta l-BĊNi jagħtu derogi lill-IFs skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), dawn għandhom jingrossaw sa 100 % it-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont il-paragrafu 1.

    Meta l-BĊNi jingrossaw skont l-ewwel subparagrafu, huma jistgħu jagħżlu l-proċedura għall-ingrossar sa 100 % tar-rekwiżiti ta’ rapportar abbażi tad-data miġbura skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), u għandhom japplikaw dawn it-tnejn li ġejjin:

    (a)

    għal tagħrif statistiku nieqes dwar id-diżaggregazzjonijiet, l-istimi għandhom jiġu dderivati bl-applikazzjoni ta’ proporzjonijiet ibbażati fuq is-subsettur tal-IF korrispondenti msemmi fil-paragrafu 2;

    (b)

    l-ebda subsettur tal-IF imsemmi fil-paragrafu 2 ma għandu jiġi eskluż.

    9.   Meta l-BĊNi jagħtu derogi lill-IFs skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), dawn għandhom jingrossaw sa 100 % it-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont il-paragrafu 1.

    10.   Meta l-IFs jirrapportaw lill-BĊNi assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minnhom bħala grupp skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), huma għandhom jiżguraw li t-tagħrif statistiku rapportat skont dan l-Artikolu jappartjeni għall-istess tip ta’ IF kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3.

    11.   Il-BĊNi jistgħu jirrevedu t-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin ħlief għal dawn li ġejjin:

    (a)

    matul il-perijodu ta’ produzzjoni ta’ kull xahar (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 4 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jilqa’ d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni), il-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tal-aktar xahar reċenti u ta’ dak preċedenti;

    (b)

    matul il-perijodu ta’ produzzjoni trimestrali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 4 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jilqa’ d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni), il-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tat-trimestru l-aktar reċenti u ta’ dak preċedenti.

    Meta l-BĊNi jirrevedu t-tagħrif statistiku skont l-ewwel subparagrafu, huma għandhom jiżguraw li t-tagħrif statistiku ta’ kull xahar u trimestrali jkun konsistenti.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-BĊNi jistgħu jirrevedu t-tagħrif statistiku li jkopri perijodi ta’ referenza preċedenti fi kwalunkwe ħin meta dan itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet lill-BĊE għal dawn it-tnejn li ġejjin:

    (a)

    reviżjonijiet li jtejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE;

    (b)

    reviżjonijiet ta’ tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE barra mill-perijodi ta’ produzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 4

    Tempesitività

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku trimestrali msemmi fl-Artikolu 3(1)(a) fuq bażi trimestrali.

    2.   Il-BĊNi għandu jirrapporta lill-BĊE t-tagħrif statistiku ta’ kull xahar imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) fuq bażi ta’ kull xahar, ħlief għal tagħrif statistiku trimestrali li għandu jiġi rrapportat skont l-Artikolu 3(2)(g) rigward il-fondi ta’ ekwità privata li għandu jiġi rrapportat fuq bażi trimestrali.

    3.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku trimestrali msemmi fl-Artikolu 3(1)(c) fuq bażi trimestrali.

    4.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku ta’ kull xahar imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) fuq bażi ta’ kull xahar, ħlief għal tagħrif statistiku trimestrali li għandu jiġi rrapportat skont l-Artikolu 3(2)(g) rigward il-fondi ta’ ekwità privata li għandu jiġi rrapportat fuq bażi trimestrali.

    5.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku msemmi fl-Artikolu 3 sal-għeluq tan-negozju fit-28 jum ta’ xogħol wara tmiem ix-xahar jew it-trimestru li miegħu jkun relatat it-tagħrif statistiku, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38).

    Artikolu 5

    Aggregazzjoni, stima u valwazzjoni ta’ tagħrif statistiku dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn IFs

    1.   Il-BĊNi għandhom jiksbu t-tagħrif statistiku aggregat dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa mill-IFs imsemmija fl-Artikolu 3 kif ġej:

    (a)

    għal titoli b’numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISINs), il-BĊNi għandhom jimmappjaw it-tagħrif statistiku rapportat fuq bażi ta’ s-b-s mat-tagħrif miksub mill-Bażi tad-Data Ċentralizzata dwar it-Titoli (CMIS) stabbilita mil-Linja Gwida BĊE/2012/21 tal-Bank Ċentrali Ewropew (12) bħala bażi tad-data ta’ referenza ewlenija. It-tagħrif s-b-s immappjat għandu jintuża għall-kumpilazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet f’euro u biex jinkisbu d-diżaggregazzjonijiet meħtieġa għal kull titolu individwali tal-IF. Il-BĊNi għandhom jagħmlu stima tat-tagħrif statistiku meħtieġ meta tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    l-identifikaturi tas-sigurtà ma jinstabux fis-CSDB;

    (ii)

    it-tagħrif meħtieġ għall-kumpilazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 3(1) ma jkunx disponibbli mis-CSDB;

    (iii)

    it-tagħrif fis-CSDB meħtieġ għall-kumpilazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 3(1) ma jkunx affidabbli.

    Il-BĊNi jistgħu jiġbru wkoll tagħrif s-b-s fuq titoli mingħajr kodiċijiet ta’ identifikazzjoni disponibbli pubblikament bl-użu ta’ identifikaturi tas-sigurtà interna tal-BĊN;

    (b)

    Il-BĊNi għandhom jaggregaw it-tagħrif statistiku dwar it-titoli miksub taħt il-punt (a) u jżiduh mat-tagħrif rapportat għat-titoli mingħajr kodiċijiet ta’ identifikazzjoni pubblikament disponibbli biex jipproduċu aggregati għal: (i) titoli ta’ dejn diżaggregati skont il-maturità, il-munita u l-kontroparti; (ii) ishma/unitajiet ta’ ekwità u ta’ IFs miżmuma minn IFs, diżaggregati skont l-istrument u l-kontroparti; u (iii) ishma/unitajiet totali maħruġa minn IFs.

    (c)

    Il-BĊNi għandhom jiksbu t-tagħrif statistiku meħtieġ dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn IFs billi jżidu t-tagħrif statistiku dwar titoli derivati skont il-punt (b) u l-assi u l-obbligazzjonijiet li mhumiex titoli miġburin minn IFs individwali residenti;

    (d)

    Il-BĊNi għandhom jaggregaw l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa mill-IFs kollha residenti fi Stat Membru u li jappartjenu għall-istess tip.

    Meta l-BĊNi jiġbru tagħrif statistiku dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn IFs fuq bażi ta’ kull xahar skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), għandu japplika wkoll il-paragrafu 1.

    2.   Għal xhur ta’ referenza li mhumiex xhur ta’ tmiem it-trimestru, il-BĊNi għandhom jistmaw it-tagħrif statistiku ta’ kull xahar dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn IFs minbarra ishma/unitajiet maħruġa minn IFs abbażi tat-tagħrif statistiku miġbur mill-BĊNi kif ġej:

    (a)

    fil-livell individwali tal-fond;

    (b)

    meta l-punt (a) ma jkunx possibbli, skont it-tip ta’ IF imsemmi fl-Artikolu 3(2) u (3);

    (c)

    meta dawn l-istimi ma jkunux jistgħu jinkisbu mill-BĊNi, il-BĊNi jistgħu jitolbu lill-BĊE biex jikseb l-istimi. Meta l-BĊNi jitolbu stimi, il-BĊE jista’ jitlob tagħrif statistiku addizzjonali, inkluż tagħrif statistiku fond b’fond u s-b-s.

    Dan il-paragrafu ma għandux japplika fejn it-tagħrif statistiku jinġabar fuq bażi ta’ kull xahar skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38).

    3.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku msemmi fl-Artikolu 3 ta’ din il-Linja Gwida skont ir-regoli dwar il-valwazzjoni u l-kontabbiltà fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) u fl-Annessi ta’ dak ir-Regolament. Għall-entrati soġġetti għal imgħax akkumulat, il-BĊNi għandhom jirrapportaw tagħrif statistiku kif ġej:

    (a)

    “pretensjonijiet ta’ depożitu u self” u “depożiti u self riċevuti” eskluż l-imgħax akkumulat reġistrat taħt l-assi/obbligazzjonijiet li jifdal;

    (b)

    “titoli ta’ dejn” inkluż l-imgħax akkumulat.

    TAQSIMA 3

    KORPORAZZJONIJIET TAL-ASSIGURAZZJONI (ICS)

    Artikolu 6

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar l-ICs

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE it-tagħrif statistiku aggregat li ġej dwar l-ICs:

    (a)

    it-Tabelli 1a u 1b tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50);

    (b)

    it-Tabella 1 fil-Parti 2 tal-Anness I ta’ din il-Linja Gwida fuq bażi tal-aħjar stima, meta d-data tkun disponibbli;

    (c)

    it-Tabella 4 fil-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50);

    (d)

    it-Tabella 2 fil-Parti 2 tal-Anness I ta’ din il-Linja Gwida fuq bażi tal-aħjar stima, meta d-data tkun disponibbli;

    Għall-finijiet tal-punt (a), il-BĊNi ma għandhomx jirrapportaw dawk iċ-ċelloli mmarkati b’“SUM”.

    2.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw it-tagħrif statistiku msemmi fil-paragrafu 1 għal kull wieħed mit-tipi ta’ IC li ġejjin:

    (a)

    tal-assigurazzjoni tal-ħajja;

    (b)

    tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja;

    (c)

    komposta;

    (d)

    ta’ riassigurazzjoni.

    3.   It-tagħrif statistiku msemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandu jiġi rrapportat separatament għal dawn kollha li ġejjin:

    (a)

    l-ammonti pendenti fi tmiem it-trimestru;

    (b)

    l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni trimestrali;

    (c)

    l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni trimestrali minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju.

    4.   It-tagħrif statistiku dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u tar-rivalwazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandu jiġi rrapportat skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida. Meta jkun disponibbli tagħrif s-b-s, il-BĊNi jistgħu jiksbu approssimazzjonijiet tal-valur tal-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni tat-titoli minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni rapportati skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida u fuq talba mill-BĊE.

    5.   Meta l-BĊNi jagħtu derogi skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50), dawn għandhom jingrossaw sa 100 % it-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont il-paragrafu 1.

    Meta l-BĊNi jingrossaw skont l-ewwel subparagrafu, huma jistgħu jagħżlu l-proċedura għall-ingrossar sa 100 % tar-rekwiżiti ta’ rapportar ibbażata fuq id-data miġbura skont l-Artikolu 7(1)(b) u 7(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1347/2014 (BĊE/2014/50) diment li dawk l-istimi jkunu bbażati fuq it-tip korrispondenti ta’ IC msemmi fil-paragrafu 2.

    6.   Il-BĊNi jistgħu jirrevedu t-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin ħlief għal dawn li ġejjin:

    (a)

    matul il-perijodu ta’ produzzjoni trimestrali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 7 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jilqa’ d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni), il-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tat-trimestru l-aktar reċenti u ta’ dak preċedenti.

    (b)

    matul il-perijodu ta’ produzzjoni annwali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 7 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jilqa’ d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni), il-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tas-sena kurrenti u ta’ dik preċedenti.

    Il-BĊNi jistgħu jirrevedu tagħrif statistiku li jkopri perijodi ta’ referenza preċedenti fi kwalunkwe ħin meta dan itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet lill-BĊE għal dawn it-tnejn li ġejjin:

    (a)

    reviżjonijiet li jtejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE;

    (b)

    reviżjonijiet ta’ tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE barra mill-perijodi ta’ produzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 7

    Tempesitività

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku trimestrali msemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(1) fuq bażi trimestrali sal-għeluq tan-negozju fl-għaxar jum tax-xogħol wara l-iskadenza speċifikata għat-tagħrif statistiku trimestrali fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50).

    2.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku annwali msemmi fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 6(1) fuq bażi annwali sal-għeluq tan-negozju fl-għaxar jum tax-xogħol wara l-iskadenza speċifikata għat-tagħrif statistiku annwali fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50).

    Artikolu 8

    Aggregazzjoni, stima u valwazzjoni ta’ tagħrif statistiku dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn ICs

    1.   Il-BĊNi għandhom jiksbu t-tagħrif statistiku trimestrali aggregat dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa mill-ICs imsemmija fl-Artikolu 6 kif ġej:

    (a)

    għal titoli b’ISINs, il-BĊNi għandhom jimmappjaw it-tagħrif statistiku rapportat fuq bażi s-b-s mat-tagħrif miksub mis-CSDB stabbilita mil-Linja Gwida BĊE/2012/21 bħala l-bażi tad-data ta’ referenza. It-tagħrif s-b-s immappjat għandu jintuża għall-kumpilazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet f’euro u biex jinkisbu d-diżaggregazzjonijiet meħtieġa għal kull titolu individwali miżmum jew maħruġ mill-IC. Il-BĊNi għandhom jagħmlu stima tat-tagħrif statistiku meħtieġ meta tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    l-identifikaturi tas-sigurtà ma jinstabux fis-CSDB;

    (ii)

    it-tagħrif meħtieġ għall-kumpilazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 6(1)(a) u (b) ma jkunx disponibbli mis-CSDB;

    (iii)

    it-tagħrif fis-CSDB meħtieġ għall-kumpilazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 6(1)(a) u (b) ma jkunx affidabbli.

    (b)

    Il-BĊNi għandhom jaggregaw it-tagħrif statistiku dwar it-titoli miksub skont il-paragrafu (a) u jżiduh mat-tagħrif rapportat għat-titoli mingħajr ISINs biex jipproduċu aggregati għal:

    (i)

    titoli ta’ dejn diżaggregati skont il-maturità (oriġinali u li jifdal) u l-kontroparti (settur u residenza);

    (ii)

    ekwità diżaggregata skont l-istrument u l-kontroparti (settur u residenza); u

    (iii)

    ishma/unitajiet maħruġa minn IFs diżaggregati skont it-tip ta’ IF u r-residenza tal-kontroparti.

    2.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE l-aħjar stimi, meta d-data tkun disponibbli, fuq l-investimenti tal-IC f’ishma/unitajiet maħruġa minn IFs, diżaggregati kif ġej:

    (a)

    fondi ta’ bonds;

    (b)

    fondi ta’ ekwità;

    (c)

    fondi mħalltin;

    (d)

    fondi ta’ proprjetà immobbli;

    (e)

    fondi ħeġġ;

    (f)

    fondi oħrajn.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-BĊNi jistgħu jiksbu l-aħjar stimi billi jimmappjaw it-tagħrif provdut fuq bażi s-b-s skont it-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) mat-tagħrif miksub mis-CSDB bħala l-bażi tad-data ta’ referenza. Il-BĊNi għandhom jistmaw it-tagħrif statistiku meħtieġ jew jużaw sorsi alternattivi biex jiksbu t-tagħrif statistiku fejn tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    l-ishma/l-unitajiet maħruġa minn IFs ma jinstabux fis-CSDB;

    (ii)

    it-tagħrif disponibbli fis-CSDB u meħtieġ biex jiġi kkumpilat it-tagħrif skont l-ewwel subparagrafu ma jkunx affidabbli.

    3.   Meta l-aġenti li jirrapportaw jirrapportaw tagħrif statistiku fuq bażi annwali skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50), il-BĊNi jistgħu jistmaw it-tagħrif statistiku trimestrali li għandu jiġi rrapportat skont l-Artikolu 6(1)(a) abbażi tat-tagħrif statistiku miġbur kull sena.

    4.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw it-tagħrif statistiku msemmi fl-Artikolu 6 ta’ din il-Linja Gwida skont ir-regoli ta’ valwazzjoni u ta’ kontabbiltà fl-Artikolu 6 u fl-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50).

    5.   Il-BĊNi jistgħu jirrapportaw it-tagħrif statistiku msemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(1) skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) meta d-differenza bejn dak it-tagħrif u t-tagħrif rapportat skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) ma titqiesx sinifikanti fuq il-bażi ta’ tagħrif dwar primjums rapportat skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 6(1).

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-BĊE f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊNi, għandu jivvaluta jekk it-tagħrif rapportat skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) ivarjax b’mod sinifikanti mit-tagħrif rapportat skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50). Meta t-tagħrif ivarja b’mod sinifikanti, il-BĊE f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊNi, għandu jiddefinixxi l-metodoloġija biex jikseb it-tagħrif statistiku rapportat skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50).

    Sakemm tiġi ddefinita dik il-metodoloġija, il-BĊNi jistgħu jaġġustaw it-tagħrif statistiku tagħhom, fuq bażi volontarja u fl-aħjar sforz, billi jiksbu tagħrif statistiku miġbur skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) minn tagħrif statistiku miġbur skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50).

    TAQSIMA 4

    FONDI TAL-PENSJONI (PFS)

    Artikolu 9

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar il-PFs

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE it-tagħrif statistiku aggregat li ġej dwar il-PFs:

    (a)

    it-Tabelli 1a, 1b u 1c tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2);

    (b)

    it-Tabella 1 fil-Parti 3 tal-Anness I ta’ din il-Linja Gwida fuq bażi tal-aħjar stima, meta d-data tkun disponibbli;

    (c)

    it-Tabella 3 fil-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2).

    2.   It-tagħrif statistiku msemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandu jiġi rrapportat separatament għal dawn kollha li ġejjin:

    (a)

    l-ammonti pendenti fi tmiem it-trimestru;

    (b)

    l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni trimestrali;

    (c)

    l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni trimestrali minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju.

    3.   It-tagħrif statistiku dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u tar-rivalwazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandu jiġi rrapportat skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida. Meta jkun disponibbli tagħrif s-b-s, il-BĊNi jistgħu jiksbu approssimazzjonijiet tal-valur tal-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni tat-titoli minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni rapportati skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida u fuq talba mill-BĊE.

    4.   Meta l-BĊNi jagħtu derogi skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2), dawn għandhom jingrossaw sa 100 % it-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont il-paragrafu 1.

    Meta l-BĊN jingrossaw skont l-ewwel subparagrafu, huma jistgħu jagħżlu l-proċedura għall-ingrossar sa 100 % tar-rekwiżiti ta’ rapportar abbażi tad-data miġbura skont l-Artikolu 7(1)(a) sa 7(1)(d) tar-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2).

    5.   Il-BĊNi jistgħu jirrevedu t-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin ħlief għal dawn li ġejjin:

    (a)

    matul il-perijodu ta’ produzzjoni trimestrali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 10 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jilqa’ d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni), il-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tat-trimestru kurrenti u ta’ dak preċedenti;

    (b)

    matul il-perijodu ta’ produzzjoni annwali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 10 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jilqa’ d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni), il-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tas-sena kurrenti u ta’ dik preċedenti;

    Il-BĊNi jistgħu jirrevedu tagħrif statistiku li jkopri perijodi ta’ referenza preċedenti fi kwalunkwe ħin meta dan itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet lill-BĊE għal dawn it-tnejn li ġejjin:

    (a)

    reviżjonijiet li jtejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE;

    (b)

    reviżjonijiet ta’ tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE barra mill-perijodi ta’ produzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 10

    Tempesitività

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku trimestrali msemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 9(1) sal-għeluq tan-negozju fl-għaxar jum tax-xogħol wara l-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2).

    2.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku annwali msemmi fl-Artikolu 9(1)(c) sal-għeluq tan-negozju fl-għaxar jum tax-xogħol wara l-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2).

    Artikolu 11

    Aggregazzjoni, stima u valwazzjoni ta’ tagħrif statistiku dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn PFs

    1.   Il-BĊNi għandhom jiksbu t-tagħrif statistiku trimestrali aggregat dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa mill-PFs imsemmija fl-Artikolu 9 kif ġej:

    (a)

    għal titoli b’ISINs, il-BĊNi għandhom jimmappjaw it-tagħrif statistiku rapportat fuq bażi s-b-s mat-tagħrif miksub mis-CSDB stabbilita mil-Linja Gwida BĊE/2012/21 bħala l-bażi tad-data ta’ referenza. It-tagħrif s-b-s immappjat għandu jintuża għall-kumpilazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet f’euro u biex jinkisbu d-diżaggregazzjonijiet meħtieġa għal kull titolu individwali miżmum jew maħruġ mill-PF. Il-BĊNi għandhom jagħmlu stima tat-tagħrif statistiku meħtieġ meta tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    l-identifikaturi tas-sigurtà ma jinstabux fis-CSDB;

    (ii)

    it-tagħrif meħtieġ għall-kumpilazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 9(1)(a) u (b) ma jkunx disponibbli mis-CSDB;

    (iii)

    it-tagħrif fis-CSDB meħtieġ għall-kumpilazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 9(1)(a) u (b) ma jkunx affidabbli.

    (b)

    Il-BĊNi għandhom jaggregaw it-tagħrif statistiku dwar it-titoli miksub skont il-paragrafu (a) u jżiduh mat-tagħrif statistiku rapportat għat-titoli mingħajr ISINs biex jipproduċu aggregati għal dawn kollha li ġejjin:

    (i)

    titoli ta’ dejn diżaggregati skont il-maturità (oriġinali) u l-kontroparti (settur u residenza);

    (ii)

    ekwità diżaggregata skont l-istrument u l-kontroparti (settur u residenza);

    (iii)

    ishma/unitajiet maħruġa minn IFs diżaggregati skont it-tip ta’ IF u r-residenza tal-kontroparti.

    2.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE stimi trimestrali għall-obbligazzjonijiet ta’ PFs miksuba skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2).

    3.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw it-tagħrif statistiku msemmi fl-Artikolu 9 skont ir-regoli ta’ valwazzjoni u ta’ kontabbiltà fl-Artikolu 6 u fl-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2).

    TAQSIMA 5

    KORPORAZZJONIJIET TA’ VEIKOLI FINANZJARJI INVOLUTI FI TRANŻAZZJONIJIET TA’ TITOLIZZAZZJONI (FVCS)

    Artikolu 12

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn FVCs

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE tagħrif statistiku aggregat dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn FVCs skont it-Tabelli 1 u 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40).

    2.   It-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 għandu jiġi rrapportat għal kull wieħed mit-tipi ta’ FVCs li ġejjin:

    (a)

    FVCs involuti f’titolizzazzjoni tradizzjonali;

    (b)

    FVCs involuti f’titolizzazzjoni sintetika;

    (c)

    FVCs involuti f’titolizzazzjoni marbuta mal-assigurazzjoni;

    (d)

    FVCs oħrajn.

    3.   It-tagħrif statistiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi rrapportat separatament għal dawn li ġejjin:

    (a)

    l-ammonti pendenti fi tmiem it-trimestru;

    (b)

    it-tranżazzjonijiet trimestrali.

    Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE tagħrif statistiku dwar tranżazzjonijiet skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida.

    4.   It-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 skont it-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40) għandu jkopri tagħrif statistiku dwar tħassir/tniżżil fil-valur fuq bażi tal-aħjar sforzi.

    5.   Il-BĊNi jistgħu jirrevedu t-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin, ħlief matul il-perijodu ta’ produzzjoni trimestrali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 14 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jirċievi d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni) meta l-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tat-trimestru kurrenti u ta’ dak preċedenti.

    Il-BĊNi jistgħu jirrevedu tagħrif statistiku li jkopri perijodi ta’ referenza preċedenti fi kwalunkwe ħin meta dan itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet lill-BĊE għal dawn it-tnejn li ġejjin:

    (a)

    reviżjonijiet li jtejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE;

    (b)

    reviżjonijiet ta’ tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE barra mill-perijodi ta’ produzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 13

    Ingrossar u standards ta’ kwalità

    1.   Meta l-BĊNi jagħtu derogi lill-FVCs skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40), dawn għandhom jingrossaw sa 100 % it-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont l-Artikolu 12.

    2.   Meta BĊN jagħti derogi lill-FVCs skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40), huwa għandu jiżgura li l-FVCs jammontaw għal mill-inqas 95 % tal-ammont totali tal-assi tal-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta. Wara li jikkonsulta lill-BĊE, dak il-BĊN għandu jiddetermina liema mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40) huwa xieraq biex jikseb it-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont il-kunċetti statistiċi u d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40).

    3.   Meta l-BĊNi jagħtu derogi lill-FVCs skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40), l-istandards ta’ kwalità li ġejjin għandhom japplikaw għat-tagħrif statistiku rapportat skont l-Artikolu 12 ta’ din il-Linja Gwida:

    (a)

    it-tagħrif statistiku li ġej dwar l-assi għandu jkun soġġett għal standards ta’ kwalità komparabbli ma’ dawk għat-tagħrif statistiku rapportat direttament mill-FVCs skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40):

    (i)

    pretensjonijiet ta’ depożiti u self;

    (ii)

    self titolizzat;

    (iii)

    titoli ta’ dejn;

    (iv)

    assi titolizzati oħrajn;

    (v)

    derivattivi finanzjarji.

    (b)

    it-tagħrif statistiku li ġej dwar l-obbligazzjonijiet għandu jkun soġġett għal standards ta’ kwalità komparabbli ma’ dawk għat-tagħrif statistiku rapportat direttament mill-FVCs skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40):

    (i)

    self u depożiti riċevuti;

    (ii)

    titoli ta’ dejn maħruġa;

    (iii)

    kapital u riżervi;

    (iv)

    derivattivi finanzjarji.

    (c)

    it-tagħrif statistiku li ġej dwar l-assi jista’ jiġi rrapportat fuq bażi tal-aħjar stimi, meta d-data tkun disponibbli:

    (i)

    ishma/unitajiet ta’ ekwità u ta’ IF;

    (ii)

    assi mhux finanzjarji;

    (iii)

    assi li jifdal;

    (d)

    it-tagħrif statistiku li ġej dwar l-obbligazzjonijiet jista’ jiġi rrapportat fuq bażi tal-aħjar stimi, meta d-data tkun disponibbli:

    (i)

    obbligazzjonijiet li jifdal;

    (ii)

    obbligazzjonijiet li jifdal li minnhom imgħax dovut fuq ħruġ ta’ titoli ta’ dejn;

    (e)

    it-tagħrif statistiku dwar it-tħassir/it-tniżżil fil-valur jista’ jiġi rrapportat fuq bażi tal-aħjar stimi, meta d-data tkun disponibbli.

    4.   Meta l-BĊNi jagħtu derogi skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40) u jiksbu dak it-tagħrif minn sorsi pubbliċi jew superviżorji, huma għandhom jivverifikaw li t-tagħrif statistiku rapportat skont l-Artikolu 12 ta’ din il-Linja Gwida jikkorrispondi għat-tagħrif mir-rapporti finanzjarji annwali hekk kif dawk ir-rapporti finanzjarji jsiru disponibbli.

    Meta l-verifiki msemmija fl-ewwel subparagrafu juru li t-tagħrif statistiku kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40) ma jistax jinkiseb skont l-istandards statistiċi minimi stabbiliti fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, il-BĊNi għandhom jieħdu miżuri biex itejbu l-kwalità ta’ dak it-tagħrif statistiku. Fejn meħtieġ, il-BĊNi għandhom jiġbru dak it-tagħrif statistiku direttament mingħand l-aġenti li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40) u, fejn applikabbli, jirrevokaw id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40).

    Artikolu 14

    Tempesitività

    Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku trimestrali msemmi fl-Artikolu 12 sal-għeluq tan-negozju fit-28 jum ta’ xogħol wara tmiem it-trimestru li miegħu jkun relatat it-tagħrif statistiku.

    TAQSIMA 6

    INTERMEDJARJI FINANZJARJI OĦRAJN MINBARRA KORPORAZZJONIJIET TA’ ASSIGURAZZJONI U FONDI TAL-PENSJONI (OFIS)

    Artikolu 15

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn OFIs

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE tagħrif statistiku aggregat dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn OFIs skont it-Tabella 1 fil-Parti 4 tal-Anness I ta’ din il-Linja Gwida fuq bażi tal-aħjar stimi, meta d-data tkun disponibbli, għal kull wieħed mit-tipi ta’ OFIs li ġejjin:

    (a)

    negozjanti tat-titoli u d-derivattivi;

    (b)

    korporazzjonijiet finanzjarji involuti f’għoti b’self;

    (c)

    korporazzjonijiet finanzjarji speċjalizzati.

    Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-BĊNi għandhom jirrapportaw tagħrif statistiku meta jkun disponibbli tagħrif attwali. Meta ma jkunx disponibbli tagħrif attwali għad-diżaggregazzjonijiet meħtieġa jew għall-frekwenza, il-puntwalità jew il-firxa ta’ żmien miftiehma, għandhom jiġu rrapportati stimi.

    2.   It-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 għandu jinkludi OFIs li huma residenti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, inklużi t-tnejn li ġejjin:

    (a)

    istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru taż-żona tal-euro, inklużi sussidjarji ta’ kumpaniji prinċipali li jinsabu barra minn dak it-territorju;

    (b)

    fergħat residenti ta’ istituzzjonijiet li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru taż-żona tal-euro.

    3.   It-tagħrif statistiku dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni jista’ jiġi rrapportat fil-każ ta’ interruzzjonijiet sinifikanti fl-ammonti pendenti jew meta jseħħu r-riklassifikazzjonijiet. It-tagħrif statistiku dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni għandu jiġi rrapportat skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida.

    4.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw it-tagħrif statistiku msemmi fil-paragrafu 1 skont id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE (13) meta possibbli, u kwalunkwe standard internazzjonali applikabbli. Mingħajr preġudizzju għall-prattiki tal-kontabbiltà li jipprevalu fl-Istati Membri, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha għandhom jiġu rrapportati fuq bażi grossa.

    Il-BĊNi għandhom jirrapportaw it-tagħrif statistiku msemmi fil-paragrafu 1 skont ir-regoli ta’ valwazzjoni stabbiliti fit-Taqsima 2 fil-Parti 4 tal-Anness I ta’ din il-Linja Gwida.

    5.   Il-BĊNi jistgħu jirrevedu t-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin, ħlief matul il-perijodu ta’ produzzjoni trimestrali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 16 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jirċievi d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni) meta l-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tat-trimestru l-aktar riċenti u ta’ dak preċedenti.

    Il-BĊNi jistgħu jirrevedu tagħrif statistiku li jkopri perijodi ta’ referenza preċedenti fi kwalunkwe ħin meta dan itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet għall-finijiet tat-tieni subparagrafu.

    Artikolu 16

    Tempesitività

    Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE t-tagħrif statistiku trimestrali msemmi fl-Artikolu 15 fuq bażi trimestrali sal-għeluq tan-negozju fl-aħħar jum kalendarju tat-tielet xahar wara li jintemm it-trimestru li miegħu huwa relatat it-tagħrif, jew fil-jum ta’ xogħol preċedenti jekk l-aħħar jum kalendarju tax-xahar ma jkunx jum ta’ xogħol.

    TAQSIMA 7

    KONTROPARTIJIET ĊENTRALI (CCPS)

    Artikolu 17

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn CCPs

    1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw tagħrif statistiku aggregat trimestrali dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa mis-CCPs lill-BĊE skont it-Tabella 1 fil-Parti 5 tal-Anness I ta’ din il-Linja Gwida kif ġej:

    (a)

    Il-BĊNi għandhom jirrapportaw iċ-ċelloli kollha fit-Tabella 1 fil-Parti 5 tal-Anness I fejn l-ammont pendenti ta’ kwalunkwe waħda miċ-ċelloli mmarkati “R” jaqbeż EUR 10 biljun;

    (b)

    Il-BĊNi għandhom jirrapportaw iċ-ċelloli kollha mmarkati “NR” fit-Tabella 1 fil-Parti 5 tal-Anness I fejn l-ammont pendenti ta’ kwalunkwe waħda miċ-ċelloli mmarkati “NR” jaqbeż EUR 10 biljun;

    (c)

    meta l-punti (a) jew (b) ma jiġux issodisfati, il-BĊNi għandhom jirrapportaw tagħrif statistiku aggregat dwar il-karti tal-bilanċ tas-CCPs fuq bażi volontarja.

    Għall-finijiet tal-punt (c), il-BĊNi għandhom jimmonitorjaw jekk il-livelli limiti jkunux issodisfati mill-inqas fuq bażi annwali meta jagħżlu li ma jirrapportawx it-tagħrif statistiku aggregat.

    2.   It-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont il-paragrafu 1 għandu jkopri l-ammonti pendenti u l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni. It-tagħrif statistiku dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandu jiġi rrapportat skont l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida.

    3.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw it-tagħrif statistiku trimestrali msemmi fil-paragrafu 1 sal-għeluq tan-negozju fit-28 jum ta’ xogħol wara tmiem it-trimestru li miegħu jkun relatat it-tagħrif statistiku.

    4.   Il-BĊNi jistgħu jirrevedu t-tagħrif statistiku rapportat skont il-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin, ħlief matul il-perijodu ta’ produzzjoni trimestrali (il-perijodu mill-iskadenza speċifikata fil-paragrafu 3 sad-data li fiha l-BĊE jieqaf jirċievi d-data għal dak il-perijodu ta’ produzzjoni) meta l-BĊNi jistgħu jirrevedu biss it-tagħrif statistiku tat-trimestru kurrenti u ta’ dak preċedenti.

    Il-BĊNi jistgħu jirrevedu tagħrif statistiku li jkopri perijodi ta’ referenza preċedenti fi kwalunkwe ħin meta dan itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tagħrif.

    Il-BĊNi għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet għall-finijiet tat-tieni subparagrafu.

    TAQSIMA 8

    RAPPORTAR U STANDARDS TA’ RAPPORTAR TA’ DATA B’LURA

    Artikolu 18

    Rekwiżiti ta’ rapportar ta’ data b’lura fil-każ tal-adozzjoni tal-euro

    1.   Meta Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro (minn hawn ’il quddiem l-“Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro”) jadotta l-euro wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Linja Gwida, il-BĊN ta’ dak l-Istat Membru għandu jirrapporta t-tagħrif statistiku li ġej lill-BĊE għall-perijodi ta’ referenza kollha mill-adeżjoni fl-Unjoni ta’ dak l-Istat Membru u fi kwalunkwe każ għal mill-inqas tliet snin qabel l-adozzjoni tal-euro mill-Istat Membru:

    (a)

    it-tagħrif statistiku dwar l-IFs li għandu jiġi rraportat skont l-Artikolu 3;

    (b)

    it-tagħrif statistiku dwar l-ICs li għandu jiġi rraportat skont l-Artikolu 6;

    (c)

    it-tagħrif statistiku dwar il-PFs li għandu jiġi rraportat skont l-Artikolu 9;

    (d)

    it-tagħrif statistiku dwar l-FVCs li għandu jiġi rraportat skont l-Artikolu 12.

    2.   Il-BĊNi għandhom jikkumpilaw it-tagħrif statistiku msemmi fil-paragrafu 1 daqslikieku l-Istat Membru kien parti miż-żona tal-euro matul il-perijodi ta’ referenza kollha.

    Artikolu 19

    Verifika u spjegazzjonijiet

    1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2533/98, ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40), ir-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) u r-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2), il-BĊNi għandhom jimmonitorjaw u jivverifikaw il-kwalità u l-affidabbiltà tat-tagħrif statistiku rapportat lill-BĊE skont din il-Linja Gwida.

    2.   Meta l-BĊNi jistmaw tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont din il-Linja Gwida, huma għandhom jipprovdu spjegazzjonijiet fuq talba mill-BĊE.

    Artikolu 20

    Kalendarju tar-rapportar

    Sal-aħħar ta’ Settembru ta’ kull sena, il-BĊE għandu jibgħat lill-BĊNi d-dati eżatti ta’ trażmissjoni fil-forma ta’ kalendarju ta’ rapportar. Il-BĊNi għandhom iqisu dak il-kalendarju ta’ rapportar meta jirrapportaw tagħrif statistiku skont din il-Linja Gwida.

    Artikolu 21

    Standards ta’ trażmissjoni

    Il-BĊNi għandhom jibagħtu t-tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat skont din il-Linja Gwida b’mod elettroniku, bl-użu tal-mezzi speċifikati mill-BĊE. Il-format tal-messaġġ statistiku żviluppat għal dan l-iskambju elettroniku ta’ tagħrif statistiku għandu jkun il-format miftiehem mis-SEBĊ.

    Meta l-ewwel subparagrafu ma japplikax, il-BĊNi jistgħu jużaw mezzi oħra biex jibagħtu tagħrif statistiku bil-kunsens minn qabel tal-BĊE.

    TAQSIMA 9

    PROĊEDURA TA’ EMENDA SIMPLIFIKATA U L-EWWEL RAPPORTAR

    Artikolu 22

    Proċedura ta’ emenda simplifikata

    Wara li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Istatistika, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu jagħmel kwalunkwe emenda teknika meħtieġa fl-Annessi, sakemm dawk l-emendi la jibdlu l-qafas kunċettwali sottostanti u lanqas ma jaffettwaw il-piż tar-rapportar fuq l-aġenti li jirrapportaw fl-Istati Membri. Il-Bord Eżekuttiv għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv bi kwalunkwe emenda bħal din mingħajr dewmien żejjed.

    Artikolu 23

    L-Ewwel Rapportar

    1.   L-ewwel rapportar għal tagħrif statistiku ta’ kull xahar li għandu jiġi rrapportat skont din il-Linja Gwida għandu jibda b’tagħrif statistiku għal Diċembru 2021.

    2.   L-ewwel rapportar għal tagħrif statistiku trimestrali li għandu jiġi rrapportat skont din il-Linja Gwida għandu jibda b’tagħrif statistiku għar-raba’ kwart tal-2021.

    3.   L-ewwel rapportar għal tagħrif statistiku annwali li għandu jiġi rrapportat skont din il-Linja Gwida għandu jibda b’tagħrif statistiku għall-2021.

    TAQSIMA 10

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 24

    Dħul fis-seħħ

    1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    2.   Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-BĊE għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Frar 2022.

    Artikolu 25

    Destinatarji

    Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Christine LAGARDE


    (1)  Linja Gwida BĊE/2013/24 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Lulju 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali (ĠU L 2, 7.1.2014, p. 34).

    (2)  Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika dwar l-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (riformulazzjoni) (BĊE/2013/38) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 73).

    (3)  Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika fuq l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijiet finanzjarji vettura involuti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (BĊE/2013/40) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 107).

    (4)  Regolament (UE) Nru 1374/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2014 dwar rekwiżiti ta'rapportar statistiku għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (BĊE/2014/50) (ĠU L 366, 20.12.2014, p. 36).

    (5)  Regolament (UE) 2018/231 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Jannar 2018 dwar rekwiżiti ta' rappurtar statistiku għal fondi tal-pensjoni (BĊE/2018/2) (ĠU L 45, 17.2.2018, p. 3).

    (6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8).

    (7)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

    (8)  Linja Gwida (UE) 2021/830 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2021 dwar statistika tal-partiti tal-karta tal-bilanċ u statistika dwar ir-rata tal-imgħax tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/11) (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (9)  Linja Gwida (UE) 2021/835 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2021 li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2014/15 dwar statistika monetarja u finanzjarja (BĊE/2021/16) (ara paġna 335 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (10)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (11)  Regolament (UE) 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar il-partiti tal-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/2) (ĠU L 73, 3.3.2021, p. 16).

    (12)  Linja Gwida (BĊE/2012/21) tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Settembru 2012 dwar il-qafas ta’ mmaniġġjar tal-kwalità tad-data għall-Bażi ta’ Data Ċentralizzata dwar it-Titoli (ĠU L 307, 7.11.2012, p. 89).

    (13)  Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).


    ANNESS I

    PARTI 1

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn IFs

    Għall-finijiet ta’ dawn it-tabelli, il-fondi ta’ investiment (IFs) li primarjament jinvestu f’ishma/unitajiet maħruġa minn IFs (fondi ta’ fondi) huma kkategorizzati skont il-kategorija ta’ IFs li fihom jinvestu primarjament kif iddeterminat minn, fost l-oħrajn: il-prospett pubbliku; ir-regoli tal-fondi; l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni; l-istatuti ta’ assoċjazzjoni stabbiliti; dokumenti ta’ sottoskrizzjoni jew kuntratti ta’ investiment; jew dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni.

    TABELLA 1

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq bażi trimestrali: ammonti pendenti, aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u aġġustamenti tar-rivalwazzjoni

    Image 1

    TABELLA 2

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq bażi ta’ kull xahar: ammonti pendenti, aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u aġġustamenti tar-rivalwazzjoni

    Image 2

    PARTI 2

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (ICs)

    TABELLA 1

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq bażi trimestrali: ammonti pendenti, aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u aġġustamenti tar-rivalwazzjoni

    Image 3

    TABELLA 2

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq bażi annwali

    Image 4

    PARTI 3

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar il-fondi tal-pensjoni (PFs)

    TABELLA 1

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq bażi trimestrali: ammonti pendenti, aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u aġġustamenti tar-rivalwazzjoni

    Image 5

    PARTI 4

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn OFIs

    Taqsima 1: Tabella ta’ rapportar

    Għall-finijiet tat-Tabella 1, meta l-informazzjoni attwali ma tkunx disponibbli jew ma tkunx tista’ tiġi pproċessata, il-BĊNi jipprovdu stimi nazzjonali. Fil-każ li jkun jeżisti l-fenomenu ekonomiku sottostanti iżda dan ma jkunx immonitorjat b’mod statistiku u għalhekk ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti stimi nazzjonali, il-BĊNi jistgħu jagħżlu jew li ma jirrapportawx is-serje kronoloġika jew li jirrapportawha bħala nieqsa. Kwalunkwe serje kronoloġika mhux irrapportata hija interpretata bħala “tagħrif statistiku li jeżisti iżda li ma jinġabarx” mill-BĊN. Il-BĊE jista’ jagħmel suppożizzjonijiet u stimi għall-finijiet tal-kumpilazzjoni ta’ aggregati taż-żona tal-euro.

    TABELLA 1

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq bażi trimestrali: ammonti pendenti u aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni

    Image 6

    Taqsima 2: Kategoriji ta’ strumenti u regoli ta’ valwazzjoni

    F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (ESA 2010), l-assi u l-obbligazzjonijiet iridu jiġu vvalutati bl-użu tal-prezzijiet kurrenti tas-suq fid-data li magħha hija relatata l-karta tal-bilanċ. Id-depożiti u s-self iridu jiġu rrapportati bil-valur par, eskluż l-imgħax dovut.

    Assi

    Total ta’ assi/obbligazzjonijiet: it-total tal-assi jrid ikun ugwali għat-total tal-partiti kollha identifikati separatament fuq in-naħa tal-assi tal-karta tal-bilanċ u jrid ikun ugwali wkoll għat-total tal-obbligazzjonijiet.

    1.

    Depożiti: din il-partita (2) tikkonsisti f’żewġ subkategoriji ewlenin: depożiti trasferibbli u depożiti oħrajn. L-investimenti ta’ valuta jridu jiġu inklużi wkoll taħt din il-partita.

    Regoli ta' valwazzjoni: skont il-prinċipju ġenerali tal-kontabbilità tad-dovuti, l-imgħax miksub fuq id-depożiti huwa soġġett għal reġistrazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ hekk kif jakkumula jiġifieri fuq bażi ta’ dovuti, aktar milli meta attwalment jiġi riċevut jew jitħallas, jiġifieri fuq bażi ta’ flus kontanti. L-imgħax dovut fuq id-depożiti jrid jiġi kklassifikat fuq bażi grossa taħt il-kategorija “assi li jifdal”.

    Fil-każ ta’ FCLs, din il-partita hija allokata taħt “assi li jifdal”.

    2.

    Self: din il-partita tikkonsisti f’dan li ġej:

    self mogħti lil unitajiet domestiċi fil-forma ta’ kreditu għall-konsum, jiġifieri self mogħti għall-fini ta’ użu prinċipalment personali fil-konsum ta’ prodotti u servizzi; self għax-xiri ta’ djar, jiġifieri kreditu estiż għall-fini ta’ investiment fid-djar għall-użu propju jew għall-kiri, inkluż il-bini u r-rikostruzzjoni; u oħrajn, jiġifieri self mogħti għal skopijiet minbarra konsum u xiri ta’ djar, bħal negozju, konsolidazzjoni tad-dejn, edukazzjoni, eċċ.;

    lokazzjonijiet finanzjarji mogħtija lil partijiet terzi;

    self li ma jistax jiġi rkuprat li jkun għadu ma tħallasx lura jew ma tħassarx;

    investimenti f’titoli mhux negozjabbli;

    dejn subordinat fil-forma ta’ self.

    Għas-subkategorija SDDs, is-self irid jiġi allokat taħt “assi li jifdal”.

    Regoli ta’ valwazzjoni: is-self li jsir mill-OFIs irid jiġi rreġistrat gross mill-provvedimenti relatati kollha, kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi, sakemm is-self jitħassar mill-istituzzjoni li tirrapporta, f’liema punt is-self irid jitneħħa mill-karta tal-bilanċ.

    F'konformità mal-prinċipju ġenerali tal-kontabbilità abbażi tad-dovuti, l-imgħax miksub fuq is-self huwa soġġett għal reġistrazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ hekk kif jakkumula, jiġifieri fuq bażi ta’ dovuti, aktar milli meta attwalment jiġi riċevut jew jitħallas, jiġifieri fuq bażi ta’ flus kontanti. L-imgħax dovut fuq is-self irid jiġi kklassifikat fuq bażi grossa taħt il-kategorija “assi li jifdal”.

    3.

    Titoli ta’ dejn: din il-partita tinkludi investimenti f’titoli ta' dejn, li huma strumenti finanzjarji negozjabbli li jservu bħala evidenza tad-dejn, ġeneralment jiġu nnegozjati fi swieq sekondarji jew jistgħu jiġu paċuti fis-suq, u ma jagħtux lid-detentur xi dritt ta’ sjieda fuq l-istituzzjoni emittenti. Hija tinkludi self innegozjat li jkun sar negozjabbli f’suq organizzat, sakemm ikun hemm evidenza ta’ negozjar f’suq sekondarju, inkluża l-eżistenza ta’ ġeneraturi tas-suq, u l-elenkar frekwenti ta’ assi finanzjarji, bħal dak provdut minn firxiet ta’ offerti.

    Regoli ta' valwazzjoni: f'konformità mal-ESA 2010, it-titoli ta’ dejn iridu jiġu rrapportati fil-valur tas-suq.

    4.

    Ekwità: l-ekwità tirrappreżenta d-drittijiet ta’ proprjetà f’korporazzjonijiet jew kważikorporazzjonijiet. Tali assi finanzjarji ġeneralment jagħtu dritt lid-detenturi għal sehem fil-profitti tal-korporazzjonijiet jew kważikorporazzjonijiet u għal sehem fl-assi netti tagħhom fil-każ ta’ likwidazzjoni. L-ekwità ma tinkludix ishma/unitajiet f’fond ta’ investiment.

    Din il-partita għandha tinkludi dawn li ġejjin:

    Ishma elenkati: titoli tal-ekwità elenkati f’borża. Din il-borża tista’ tkun borża rikonoxxuta jew kwalunkwe forma oħra ta’ suq sekondarju. L-ishma elenkati jissejħu wkoll ishma kkwotati. L-eżistenza ta' prezzijiet ikkwotati ta’ ishma elenkati f’borża tfisser li l-prezzijiet attwali tas-suq normalment ikunu faċilment disponibbli. (ESA 2010, paragrafu 5.146).

    Ishma mhux elenkati: titoli ta' ekwità mhux elenkati f'borża. (ESA 2010, paragrafu 5.147).

    Ekwità oħra: il-forom kollha ta’ ekwità li mhumiex elenkati jew ishma mhux elenkati (ESA 2010, paragrafi 5.153–5.154).

    Regoli ta' valwazzjoni: skont l-ESA 2010, l-ekwità trid tiġi rrapportata fil-valur tas-suq.

    5.

    Ishma/unitajiet IF: din il-partita tinkludi investimenti f’ishma/unitajiet maħruġa minn MMFs u fondi ta’ investiment mhux ta’ MMF.

    Għas-subkategorija FCLs, l-ishma/unitajiet ta’ fondi ta’ investiment iridu jiġu allokati taħt “assi li jifdal”.

    Regoli ta’ valwazzjoni: f'konformità mal-ESA 2010, l-ishma/unitajiet ta’ fondi ta’ investiment iridu jiġu rrapportati fil-valur tas-suq.

    6.

    Derivattivi finanzjarji li tinkludi dan li ġej:

    opzjonijiet;

    warrants;

    futuri;

    forwards;

    swaps;

    derivattivi ta’ kreditu.

    Fil-każ ta’ FCLs, din il-partita għandha tiġi allokata taħt “assi li jifdal”.

    Id-derivattivi finanzjarji huma rreġistrati fil-valur tas-suq fuq il-karta tal-bilanċ fuq bażi grossa. Kuntratti individwali ta’ derivattivi b’valuri tas-suq pożittivi jiġu rreġistrati fuq in-naħa tal-assi tal-karta tal-bilanċ, u l-kuntratti b’valuri tas-suq negattivi fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet. Impenji futuri grossi li joħorġu minn kuntratti ta’ derivattivi ma għandhomx jiddaħħlu bħala partiti tal-karta tal-bilanċ. Id-derivattivi finanzjarji jistgħu jiġu rreġistrati fuq bażi netta skont metodi ta’ valwazzjoni differenti. Fil-każ li jkunu disponibbli biss pożizzjonijiet netti, jew il-pożizzjonijiet jiġu rreġistrati f’valuri oħra mhux skont il-valur tas-suq, jiġu rrapportati dawn il-pożizzjonijiet minflok. Din il-partita ma tinkludix derivattivi finanzjarji li mhumiex soġġetti għal reġistrazzjoni fil-karta tal-bilanċ skont ir-regoli nazzjonali.

    7.

    Assi li jifdal: din hija l-partita residwa fuq in-naħa tal-assi tal-karta tal-bilanċ, iddefinita bħala “assi li mhumiex inklużi xi mkien ieħor”. Din il-partita tinkludi assi bħal imgħax dovut riċevibbli fuq self/depożiti u kera dovuta fuq bini, dividendi li għandhom jiġu riċevuti, ammonti riċevibbli mhux relatati man-negozju ewlieni tal-OFI, ammonti grossi riċevibbli fir-rigward ta’ partiti ta’ sospiża, ammonti grossi riċevibbli fir-rigward ta’ partiti ta’ tranżitu, assi oħra li mhumiex identifikati separatament, eż. assi mhux finanzjarji (inklużi assi fissi), self u depożiti skont is-subkategorija tal-OFI.

    Obbligazzjonijiet

    Total ta’ assi/obbligazzjonijiet: it-total tal-obbligazzjonijiet irid ikun ugwali għat-total tal-partiti kollha identifikati separatament fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-karta tal-bilanċ u jkun ugwali wkoll għat-total tal-assi (ara wkoll il-partita tal-assi “total ta’ assi/obbligazzjonijiet”).

    1.

    Self u depożiti riċevuti – din il-partita tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

    depożiti: depożiti trasferibbli u depożiti oħrajn (ara assi) imqiegħda ma’ OFIs. Dawn id-depożiti ġeneralment jitqiegħdu mill-MFIs;

    self: self mogħti lil OFIs li jkun ippruvat kemm minn dokumenti mhux negozjabbli jew li ma jkunx ippruvat b’dokumenti.

    2.

    Titoli tad-dejn maħruġa: titoli maħruġa minn OFIs, minbarra ekwità, li huma strumenti li normalment ikunu negozjabbli u kummerċjalizzati fi swieq sekondarji jew li jistgħu jiġu paċuti fis-suq u li ma jagħtux lid-dententur xi dritt ta’ sjieda fuq l-istituzzjoni emittenti.

    3.

    Kapital u riżervi: din il-partita tinkludi l-ammonti li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ ekwità minn OFI lill-azzjonisti jew proprjetarji oħra li, għad-detentur fl-OFI, jirrappreżentaw id-drittijiet ta’ proprjetà u ġeneralment dritt għal sehem fil-profitti tagħha u l-fondi proprji tagħha fil-każ ta’ likwidazzjoni. Fondi li jirriżultaw mill-benefiċċji mhux distribwiti jew mill-fondi mwarrba mill-OFI b’antiċipazzjoni ta’ ħlasijiet jew obbligi futuri probabbli huma inklużi wkoll. Din tinkludi dawn li ġejjin:

    kapital ta’ ekwità;

    benefiċċji jew fondi mhux distribwiti;

    provvedimenti speċifiċi u ġenerali kontra self, titoli u tipi oħra ta’ assi;

    introjtu/telf operatorju.

    4.

    Derivattivi finanzjarji: ara l-partita tal-assi “derivattivi finanzjarji”.

    5.

    Obbligazzjonijijet li jifdal: din hija l-partita residwa fuq in-naħa tal-obbligazzjoniijet tal-karta tal-bilanċ, iddefinita bħala “obbligazzjonijet mhux inklużi xi mkien ieħor”. Din il-partita tinkludi obbligazzjonijiet bħal ammonti grossi pagabbli fir-rigward ta’ partiti ta’ sospiża, ammonti grossi pagabbli fir-rigward ta’ partiti fi tranżitu, imgħax dovut pagabbli fuq depożiti, dividendi li jridu jitħallsu, ammonti pagabbli li mhumiex relatati man-negozju ewlieni tal-OFI, provvedimenti li jirrappreżentaw obbligazzjonijiet lejn partijiet terzi, pagamenti ta’ marġnijiet magħmula taħt kuntratti tad-derivattivi li jirrappreżentaw kollateral ta’ flus kontanti mqiegħed bħala protezzjoni kontra r-riskju tal-kreditu iżda li jibqa’ proprjetà tad-depożitant u li jitħallas lura lid-depożitant meta jingħalaq il-kuntratt, pożizzjonijiet netti li joriġinaw minn self ta’ titoli mingħajr kollateral ta’ flus kontanti, ammonti netti pagabbli fir-rigward ta’ saldi futuri ta’ tranżazzjonijiet fit-titoli; obbligazzjonijiet oħrajn mhux identifikati b’mod separat eż. titoli ta’ dejn, derivattivi finanzjarji li jiddependu fuq is-subkategorija tal-OFI.

    Taqsima 3: Noti spjegattivi nazzjonali

    1.

    Sorsi tad-data/sistema ta’ ġbir tad-data din trid tinkludi dan li ġej:

    is-sorsi tad-data użati għall-kumpilazzjoni tal-istatistika dwar l-OFIs, eż. uffiċċji tal-istatistika, rapportar dirett mill-OFIs u/jew minn maniġers ta’ fondi;

    id-dettalji dwar is-sistemi ta’ ġbir, eż. rapporti volontarji, stħarriġ tan-negozju, teħid ta’ kampjuni, rapportar soġġett għall-eżistenza ta’ livelli limiti u ingrossar.

    2.

    Proċeduri ta’ kumpilazzjoni: il-metodu użat għall-kumpilazzjoni tad-data jrid jiġi deskritt, eż. deskrizzjoni dettaljata tal-istimi/tas-suppożizzjonijiet magħmulin u kif is-serjejiet jiġu aggregati jekk żewġ serjejiet ikollhom frekwenzi differenti.

    3.

    Qafas legali: trid tingħata informazzjoni komprensiva dwar il-qafas legali nazzjonali tal-istituzzjonijiet. Ir-rabtiet mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jridu jiġu deskritti b’mod speċifiku. Jekk diversi tipi ta’ istituzzjonijiet ikunu inklużi taħt l-istess kategorija, trid tingħata informazzjoni għat-tipi kollha ta’ istituzzjonijiet.

    4.

    Devjazzjonijiet mill-istruzzjonijiet tar-rapportar tal-BĊE: Il-BĊNi jeħtiġilhom jipprovdu informazzjoni dwar devjazzjonijiet mill-istruzzjonijiet ta’ rapportar.

    Devjazzjonijiet mill-istruzzjonijiet ta’ rapportar jistgħu jseħħu fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

    diżaggregazzjoni tal-istrumenti: il-kopertura tal-istrument tista’ tkun differenti mill-istruzzjonijiet ta’ rapportar tal-BĊE, eż. żewġ strumenti differenti ma jistgħux jiġu identifikati separatament;

    diżaggregazzjoni ġeografika;

    diżaggregazzjoni settorjali;

    metodi ta’ valwazzjoni.

    5.

    Popolazzjoni li tirrapporta: Il-BĊNi jistgħu jikklassifikaw f’subkategorija specifika ta’ OFI l-istituzzjonijiet kollha li jikkonformaw mad-definizzjoni ta' OFI. Huma jeħtiġilhom jiddeskrivu l-istituzzjonijiet kollha inklużi fi jew esklużi minn kull subkategorija ta’ OFI. Meta jkun possibbli, il-BĊNi għandhom jipprovdu stimi tal-kopertura tad-data f’termini ta’ assi totali tal-popolazzjoni li tirrapporta.

    6.

    Interruzzjonijiet fis-serjejiet storiċi: interruzzjonijiet u bidliet kbar maż-żmien fil-ġbir, il-kopertura tar-rapportar, l-iskemi tar-rapportar u l-kumpilazzjoni tas-serjejiet storiċi jridu jiġu deskritti. F’każ ta’ interruzzjonijiet, irid jiġi indikat il-punt sa fejn data qadima u data ġdida tista' titqies paragunabbli.

    7.

    Kummenti oħrajn: kwalunkwe kumment jew indikazzjoni rilevanti oħra.

    PARTI 5

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar assi u obbligazzjonijiet miżmuma u maħruġa minn kontropartijiet ċentrali (CCPs)

    TABELLA 1

    Tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq bażi trimestrali: ammonti pendenti u aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni

    Image 7


    (1)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

    (2)  F’konformità mal-ESA 2010, meta s-sellief jieħu l-inizjattiva, it-tranżazzjoni trid tiġi kklassifikata bħala depożitu u meta l-mutwatarju jieħu l-inizjattiva, it-tranżazzjoni finanzjarja trid tiġi kklassifikata bħala self.


    ANNESS II

    RAPPORTAR TA’ AĠĠUSTAMENTI U D-DERIVAZZJONI TA’ TRANŻAZZJONIJIET FIL-KUNTEST TAL-ISTATISTIKA DWAR L-IFs, L-ICs, IL-PFs U L-FVCs

    PARTI 1

    Deskrizzjoni ġenerali tal-proċedura għad-derivazzjoni tat-tranżazzjonijiet

    1.

    It-tranżazzjonijiet finanzjarji huma l-akkwist nett ta’ assi finanzjarji jew it-tiġrib nett ta’ obbligazzjonijiet għal kull tip ta’ strument finanzjarju, jiġifieri t-total tat-trażazzjonijiet finanzjarji kollha li jseħħu matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti. Il-qafas għad-derivazzjoni ta’ tranżazzjonijiet għall-istatistika dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ IFs, ICs, PFs u FVCs huwa bbażat fuq is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali pubblikata bħala l-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn ’il quddiem l-“ESA 2010”). F’dan l-Anness isiru devjazzjonijiet minn dan l-istandard internazzjonali kemm rigward il-kontenut tad-data kif ukoll dwar l-ismijiet tal-kunċetti statistiċi, meta jkun meħtieġ. Dan l-Anness huwa interpretat skont l-ESA 2010, sakemm ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 (BĊE/2013/40), ir-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50), ir-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2), jew din il-Linja Gwida ma jipprovdux mod ieħor.

    2.

    Fil-kuntest tal-istatistika dwar l-IFs, l-ICs u l-PFs, il-BĊE jikkalkula t-tranżazzjonijiet billi jieħu, għal kull partita tal-assi u l-obbligazzjonijiet, id-differenza bejn l-ammonti pendenti fid-dati tar-rapportar ta’ tmiem il-perijodi, u mbagħad ineħħi l-effett ta’ żviluppi li ma jkunux ir-riżultat ta’ tranżazzjonijiet (“aġġustamenti”). Dawn huma raggruppati fiż-żewġ kategoriji “aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni” u “aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju (2)”. Il-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊNi) jirrapportaw iż-żewġ kategoriji lill-BĊE biex dawn l-effetti mhux ta’ tranżazzjoni jkunu jistgħu jitneħħew fil-kalkolu tat-tranżazzjonijiet.

    3.

    Fil-kuntest tal-istatistika dwar l-FVCs, it-tranżazzjonijiet jiġu rrapportati direttament mill-BĊNi lill-BĊE minflok l-aġġustamenti. Il-kalkolu tat-tranżazzjonijiet (jew direttament mill-aġenti li jirrapportaw, jew mill-BĊNi) irid ikun konsistenti mal-approċċ ġenerali għall-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju stabbilit f’dan l-Anness.

    4.

    It-tranżazzjonijiet ġeneralment jiġu kkalkolati fuq bażi netta, jiġifieri ma hemm l-ebda rekwiżit li jiġu identifikati tranżazzjonijiet finanzjarji jew fatturat gross. Eċċezzjoni għal dan hija l-każ tal-istatistika dwar l-IF fejn ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) jirrikjedi rapportar separat ta’ ħruġ ġdid u tifdijiet ta’ ishma/unitajiet IF matul il-perijodu ta’ referenza.

    5.

    It-tranżazzjonijiet finanzjarji ġeneralment jitkejlu fil-valur tat-tranżazzjoni – il-valur li fih l-assi jiġu akkwistati/ċeduti u/jew l-obbligazzjonijiet jinħolqu, jiġu likwidati jew skambjati – li mhux neċessarjament ikun l-istess bħall-prezz elenkat fis-suq jew il-valur ġust tal-assi fiż-żmien tat-tranżazzjoni. Il-valur tat-tranżazzjoni ma jinkludix ħlasijiet għas-servizzi, tariffi, kummissjonijiet jew pagamenti simili għal servizzi provduti.

    6.

    Dan l-Anness jistabbilixxi l-metodoloġija għad-derivazzjoni tat-tranżazzjonijiet. Il-Parti 2 tiffoka fuq ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-BĊNi dwar l-aġġustamenti. Il-Parti 3 tħares lejn adattamenti speċjali magħmula fil-kumpilazzjoni tal-istatistika dwar l-IFs, l-ICs, il-PFs u l-FVCs.

    PARTI 2

    Rapportar tal-aġġustamenti

    7.

    Fil-kuntest tal-istatistika dwar l-IFs, l-ICs u l-PFs, il-BĊNi jeħtiġilhom jirrapportaw l-“aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni” u l-“aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju” lill-BĊE.

    8.

    It-Taqsima 1 tiddeskrivi r-rapportar ta’ aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni u tagħti eżempji ta’ każijiet ta’ aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni. It-Taqsima 2 tiddeskrivi r-rapportar ta’ aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju.

    9.

    L-aġġustamenti huma soġġetti għall-istess sistema ta’ kontabbiltà b’kontroentrati bħall-ammonti pendenti. Fil-każijiet kollha, l-aġġustamenti għandhom kontroparti li tiddependi fuq ir-regoli operattivi jew ir-regoli nazzjonali tal-kontabbiltà.

    Taqsima 1: Aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni

    Taqsima 1.1. Deskrizzjoni ġenerali

    1.

    L-“aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni” jinkludu kwalunkwe bidla fil-karta tal-bilanċ tas-settur ta’ referenza li tirriżulta minn bidliet fil-kompożizzjoni u fl-istruttura tal-popolazzjoni li tirrapporta, bidliet fil-klassifikazzjoni ta’ strumenti finanzjarji u kontropartijiet, bidliet fid-definizzjonijiet statistiċi u l-korrezzjoni (parzjali) ta’ żbalji tar-rapportar, li kollha jwasslu għal interruzzjonijiet fis-serje, u b’hekk jaffettwaw il-komparabbiltà tal-ammonti pendenti ta’ żewġ tmiem il-perijodu suċċessivi. It-tkabbir taż-żona tal-euro jista’ jitqies bħala każ speċjali ta’ riklassifikazzjoni.

    2.

    Il-BĊNi jirrapportaw tagħrif statistiku dwar l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni, kif speċifikat f’din il-Linja Gwida, bl-użu ta’ tagħrif statistiku direttament irrapportat mill-popolazzjoni li tirrapporta, tagħrif superviżorju, verifiki ta’ plawżibbiltà, inkjesti ad hoc (eż. li jkunu relatati ma' varjazzjonijiet kbar), rekwiżiti ta’ statistika nazzjonali, informazzjoni dwar min jingħaqad mal-popolazzjoni li tirrapporta jew min jitlaq minnha, u kwalunkwe sors ieħor disponibbli għalihom. Il-BĊNi jidentifikaw bidliet fl-ammonti pendenti li huma dovuti għar-riklassifikazzjonijiet u jirrapportaw l-ammont nett. Żieda netta fl-ammonti pendenti minħabba r-riklassifikazzjonijiet tiddaħħal b’sinjal pożittiv, u tnaqqis nett fl-ammonti pendenti b’sinjal negattiv.

    3.

    Il-BĊNi jistgħu jagħmlu stimi ta’ aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni, b’mod partikolari meta t-tagħrif statistiku ma jkunx faċilment disponibbli jew ikun ta’ kwalità baxxa. Il-BĊE mhuwiex mistenni li jagħmel aġġustamenti ex post sakemm il-BĊNi ma jidentifikawx bidliet qawwija minħabba riklassifikazzjonijiet fit-tagħrif statistiku finali li ma jistgħux jiġu kkoreġuti fi żmien xieraq mill-BĊN. F’dan il-każ, il-BĊE jista’ jagħmel aġġustamenti ex post bi qbil mal-BĊN rilevanti.

    4.

    Il-BĊNi jeħtiġilhom tal-inqas jibagħtu l-aġġustamenti kollha tar-riklassifikazzjoni ta’ aktar minn EUR 50 miljun. Dan il-limitu jgħin lill-BĊNi jiddeċiedu jekk jikkumpilawx aġġustamenti. Madankollu, meta jinġabar tagħrif relattivament dettaljat biżżejjed minkejja l-livell limitu, jista’ jkun kontroproduttiv għall-BĊNi li jippruvaw japplikaw tali limitu. Din il-flessibbiltà hija mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit għal konsistenza fit-tagħrif statistiku rapportat għall-perijodu ta’ referenza, u bejn frekwenzi ta’ rapportar differenti (jiġifieri bejn tagħrif statistiku ta’ kull xahar u trimestrali fil-każ ta’ IFs).

    5.

    Fil-limiti tal-Artikoli 3(11), 6(6), 9(5), 12(5), 15(5) u 17(4), il-BĊNi jeħtiġilhom jikkoreġu żbalji ta’ rapportar fid-data tal-ammonti pendenti malli jiġu identifikati l-iżbalji. Idealment, il-korrezzjonijiet jeliminaw kompletament l-iżball mid-data, speċjalment fejn l-iżball jaffettwa perijodu wieħed jew medda ta’ żmien limitata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkun hemm l-ebda interruzzjoni fis-serje. Madankollu, meta l-iżball jaffettwa d-data storika u ma ssir l-ebda korrezzjoni ta’ data passata jew issir biss għal medda qasira ta’ żmien, ikun hemm interruzzjoni fis-serje bejn l-ewwel perijodu biċ-ċifra kkoreġuta u l-aħħar perijodu li jkun fih iċ-ċifra żbaljata. F’dan il-każ, il-BĊNi jeħtiġilhom jidentifikaw id-daqs tal-interruzzjoni u jdaħħlu aġġustament fl-“aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni”. Dan japplika wkoll għal bidliet fid-definizzjonijiet tal-istatistika li jaffettwaw id-data rapportata u l-interruzzjonijiet li jistgħu jkunu dovuti għall-introduzzjoni, il-bidla jew l-abbandun ta’ metodi ta’ ingrossar.

    Taqsima 1.2. Każijiet ta’ aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni

    Bidliet fil-kompożizzjoni tal-popolazzjoni li tirrapporta

    6.

    Bidliet fil-kompożizzjoni tal-popolazzjoni li tirrapporta jistgħu jagħtu lok għat-trasferiment tan-negozju bejn il-fruntieri tas-settur ekonomiku. Dawn it-trasferimenti ma jirrappreżentawx tranżazzjonijiet u għalhekk huma ttrattati bħala aġġustament fir-“riklassifikazzjonijiet u aġġustamenti oħrajn”.

    7.

    Istituzzjoni li tingħaqad mas-settur li jirrapporta tista’ tittrasferixxi negozju fil-popolazzjoni li tirrapporta, filwaqt li istituzzjoni li titlaq minnu tista’ tittrasferixxi n-negozju barra mis-settur. Madankollu, sakemm l-istituzzjoni li tingħaqad tibda n-negozju tagħha ex novo wara li tkun ingħaqdet mas-settur li jirrapporta, dan jirrappreżenta tranżazzjoni finanzjarja li ma titneħħiex mit-tagħrif statistiku. Bl-istess mod, meta istituzzjoni li tkun se titlaq tnaqqas l-attivitajiet tagħha qabel ma tħalli s-settur li jirrapporta, dan jitqies bħala tranżazzjoni fit-tagħrif statistiku.

    8.

    L-effett nett ta’ min jidħol u min jitlaq fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet aggregati tas-settur li jirrapporta huwa kkalkulat billi jiġu aggregati l-ewwel assi u obbligazzjonijiet rapportati minn entranti ġodda u l-aħħar assi u obbligazzjonijiet rapportati minn dawk li jitilqu u, għal kull partita, tittieħed id-differenza bejn it-tnejn. Din iċ-ċifra netta tiddaħħal taħt l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni. F’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun hemm effett fuq ir-rapportar tal-kontropartijiet, li wkoll irid ikun inkluż fl-aġġustamenti bħala bidla fis-settur.

    Bidliet fl-istruttura tas-settur li jirrapporta

    9.

    Bidliet fl-istruttura tas-settur li jirrapporta jinħolqu fil-kuntest ta’ riorganizzazzjonijiet jew fużjonijiet, akkwiżizzjonijiet u diviżjonijiet intragrupp. Dawn l-operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv tipikament iwasslu għal bidliet fil-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet finanzjarji; l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni jiddaħħlu biex jirriflettu dawn il-bidliet u b’hekk jippermettu li t-tranżazzjonijiet jiġu dderivati b’mod korrett. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet spiss iwasslu għat-trasferiment ta’ assi u obbligazzjonijiet finanzjarji mill-karta tal-bilanċ ta’ unità istituzzjonali għal oħra (bidla fis-sjieda). Il-limitu għat-trattament tat-trasferimenti tal-assi bħala tranżazzjonijiet huwa ddefinit mill-eżistenza ta’ żewġ unitajiet istituzzjonali separati li jaġixxu bi ftehim reċiproku. Madankollu, jekk it-trasferimenti jseħħu bħala riżultat tal-ħolqien jew l-għejbien ta’ unità istituzzjonali, dawn iridu jiġu ttrattati bħala aġġustamenti tar-riklassifikazzjonijiet. B’mod partikolari, jekk fużjoni jew akkwiżizzjoni twassal għall-għejbien ta’ unità istituzzjonali waħda jew aktar, il-pożizzjonijiet inkroċjati kollha li kienu jeżistu bejn l-istituzzjonijiet li jingħaqdu u li jiġu nnettjati fiż-żmien meta l-unitajiet ma jibqgħux jeżistu jgħibu mis-sistema u l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni jridu jiġu rrapportati kif xieraq. Id-diviżjonijiet korporattivi jiġu ttrattati b’mod simmetriku.

    Każijiet oħra ta’ aġġustamenti tar-riklassifikazzjonijiet

    10.

    Bidliet fil-klassifikazzjoni tas-settur jew fir-residenza tal-klijenti jwasslu għal riklassifikazzjoni tal-assi/obbligazzjonijiet vis-à-vis dawn il-kontropartijiet. Tali bidliet fil-klassifikazzjoni jseħħu għal għadd ta’ raġunijiet, eż. minħabba li entità governattiva tbiddel is-settur ekonomiku wara l-privatizzazzjoni, jew minħabba li l-fużjonijiet/id-diviżjonijiet ibiddlu l-attività prinċipali tal-korporazzjonijiet. Bl-istess mod, il-klassifikazzjoni tal-istrumenti tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tista’ tinbidel, pereżempju meta s-self isir negozjabbli u għalhekk jitqies bħala titoli ta’ dejn għal finijiet statistiċi. Peress li dawn ir-riklassifikazzjonijiet jirriżultaw f’bidliet fl-ammonti pendenti rapportati iżda ma jirrappreżentawx tranżazzjoni, irid jiġi introdott aġġustament biex jitneħħa l-impatt tagħhom mill-istatistika.

    Każ speċjali tal-istatistika tal-fondi ta’ investiment – bidliet fil-politika tal-investiment

    11.

    Bidliet fis-settur li jirrapporta tal-IF minħabba bidliet fil-politika ta’ investiment (eż. fond ta’ ekwità jinbidel f’fond imħallat) jiġu rreġistrati bħala tranżazzjoni finanzjarja u mhux bħala riklassifikazzjoni. Dan jirriżulta mill-fatt li kwalunkwe bidla fil-politika ta’ investiment trid tiġi miftiehma mill-investituri qabel il-bidla u għalhekk titqies bħala deċiżjoni ta’ investiment attiv. BĊN jista’ jiddevja minn dan l-approċċ awtomatiku u jirrapporta aġġustament tar-riklassifikazzjoni biss jekk ikollu informazzjoni ex ante li l-bidla fil-politika ma kinitx dovuta għal deċiżjoni konxja magħmula mill-investituri.

    12.

    Dan it-trattament japplika wkoll għall-aġenti li jirrapportaw li jiċċaqilqu mis-settur li jirrapporta tal-Fondi tas-Suq Monetarju (MMF) għas-settur li jirrapporta tal-IF u viċi versa, wara bidliet fil-politika ta’ investiment.

    Taqsima 2: Aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet kemm fil-prezz kif ukoll fir-rata tal-kambju

    Taqsima 2.1. Deskrizzjoni ġenerali

    13.

    L-“aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju” rapportati fil-kuntest tal-istatistika dwar l-IFs, l-ICs u l-PFs jinkludu (i) aġġustamenti għal tħassir/tniżżil fil-valur ta’ self, (ii) aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezzijiet u (iii) aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fir-rata tal-kambju.

    14.

    L-aġġustament għat-tħassir/tniżżil fil-valur jirreferi għall-impatt ta’ bidliet fil-valuri ta’ self reġistrat fuq il-karta ta’ bilanċ li jseħħu minħabba l-applikazzjoni tat-tħassir/tniżżil fil-valur tas-self.

    15.

    L-aġġustament tar-rivalwazzjoni tal-prezzijiet ta’ assi u obbligazzjonijiet jirreferi għal flutwazzjonijiet fil-valwazzjoni ta’ assi u obbligazzjonijiet li jinħolqu minħabba bidla fil-prezz li bih l-assi u l-obbligazzjonijiet jiġu rreġistrati jew innegozjati. L-aġġustament jinkludi l-bidliet li jseħħu maż-żmien fil-valur tal-ammonti pendenti ta’ tmiem il-perijodu minħabba bidliet fil-valur ta’ referenza li fih l-assi u l-obbligazzjonijiet jiġu rreġistrati, jiġifieri qligħ/telf minn investimenti. Jista’ jkun jinkludi wkoll bidliet fil-valwazzjoni li jinħolqu minn tranżazzjonijiet f’assi/obbligazzjonijiet, jiġifieri qligħ/telf realizzat, waqt li jitqiesu prattiki nazzjonali diverġenti.

    16.

    Ċaqliq fir-rati tal-kambju kontra l-euro li jseħħu bejn id-dati tar-rapportar ta’ tmiem il-perijodu jagħtu lok għall-bidliet fil-valur ta’ assi u obbligazzjonijiet f’valuta barranija meta espressi f’euro. Peress li dawn il-bidliet jirrappreżentaw qligħ/telf minn investimenti u mhumiex tranżazzjonijiet finanzjarji, l-effetti tal-valwazzjoni jridu jiġu identifikati sabiex ikunu jistgħu jiġu esklużi mit-tranżazzjonijiet. L-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fir-rata tal-kambju jistgħu jinkludu wkoll bidliet fil-valwazzjoni li jinħolqu minn tranżazzjonijiet f’assi/obbligazzjonijiet, jiġifieri qligħ/telf realizzat, waqt li jitqiesu prattiki nazzjonali diverġenti;

    17.

    Sabiex jibagħtu tagħrif statistiku lill-BĊE, il-BĊNi jridu jiżguraw li l-pożizzjonijiet ta’ assi u obbligazzjonijiet denominati f’valuti barranin jinqalbu f’euro bir-rati tal-kambju tas-suq prevalenti fil-jum li miegħu tkun relatata d-data. Iridu jintużaw ir-rati tal-kambju ta’ referenza tal-BĊE (3).

    Taqsima 2.2. Rapportar ta’ aġġustamenti tar-rivalwazzjoni mill-BĊNi

    18.

    Ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), ir-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50) u r-Regolament (UE) 2018/231 (BĊE/2018/2) jippermettu flessibbiltà f'dak li jirrigwarda t-tip ta’ tagħrif statistiku meħtieġ għall-kalkolu tal-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet u l-forma kif din id-data tinġabar u tiġi kkumpilata. Id-deċiżjoni dwar il-metodu titħalla f’idejn il-BĊNi.

    19.

    Minn dan isegwi li sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-IFs, tal-ICs u tal-PFs relatati mal-“aġġustamenti ta’ rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju” speċifikati fl-Artikoli 3(4), 6(3) u 9(2) ta’ din il-Linja Gwida, il-BĊNi jistgħu jkunu meħtieġa jiksbu l-aġġustamenti minn tagħrif statistiku rapportat mill-popolazzjoni li tirrapporta fuq bażi ta’ titolu b’titolu jew partita b’partita jew minn tagħrif statistiku rapportat direttament dwar it-tranżazzjonijiet. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-BĊNi jagħmlu stima tal-aġġustamenti fir-rigward ta’ xi wħud mid-diżaggregazzjonijiet mhux rapportati mill-popolazzjoni li tirrapporta minħabba li dawn ma jitqisux bħala “rekwiżiti minimi”, jiġifieri fit-Tabella 3 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) u fit-Tabelli 3a u 3b tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50).

    Tagħrif statistiku rapportat fuq bażi ta’ titolu b’titolu/partita b’partita

    20.

    Jeżistu dawn iż-żewġ għażliet għad-derivazzjoni tal-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni msemmija fl-Artikoli 3(6), 6(4) u 9(3) għal titoli miġbura fuq bażi ta’ titolu b’titolu:

    Għażla 1: l-aġenti li jirrapportaw jirrapportaw lill-BĊNi tagħrif statistiku titolu b’titolu li jippermetti lill-BĊNi jiksbu aġġustamenti ta’ rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju:

    L-IFs jirrapportaw it-tagħrif statistiku s-b-s meħtieġ mill-paragrafi 1, 2 u 4 tat-Tabella 2 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38);

    L-ICs jirrapportaw it-tagħrif statistiku s-b-s meħtieġ mill-paragrafi 1, 2 u 4 tat-Tabelli 2.1 u 2.2 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50);

    Il-PFs jirrapportaw it-tagħrif statistiku s-b-s meħtieġ mill-paragrafi 1, 2 u 4 tat-Tabelli 2.1 u 2.2 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2).

    Dan it-tagħrif jippermetti lill-BĊNi jiksbu tagħrif preċiż dwar l-“aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju” li jrid jintbagħat lill-BĊE. Gwida dwar kif jinkisbu approssimazzjonijiet skont l-Artikolu 3(7), 6(4) u 9(3) ta’ din il-Linja Gwida hija disponibbli fil-“Manual on investment funds statistics” ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE.

    Għażla 2: l-aġenti li jirrapportaw jirrapportaw lill-BĊNi tranżazzjonijiet (jiġifieri l-ammonti akkumulati ta’ xiri u bejgħ ta’ titoli li seħħew matul il-perijodu ta’ referenza) fuq bażi ta’ titolu b’titolu kif ġej:

    L-IFs jirrapportaw skont il-paragrafi 1 u 3 tat-Tabella 2 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38);

    L-ICs jirrapportaw skont il-paragrafi 1 u 3 tat-Tabelli 2.1 u 2.2 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 (BĊE/2014/50);

    Il-PFs jirrapportaw skont il-paragrafi 1 u 3 tat-Tabelli 2.1 u 2.2 tal-Parti 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 (BĊE/2018/2).

    Il-BĊNi jikkalkulaw l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni billi jieħdu d-differenza bejn l-ammonti pendenti ta’ tmiem il-perijodu u jneħħu t-tranżazzjonijiet u l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni msemmija fit-Taqsima 1 tal-Parti 2 ta’ dan l-Anness, jekk ikun hemm. Il-BĊNi jissottomettu l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni lill-BĊE skont din il-Linja Gwida.

    21.

    Il-BĊNi jistgħu jsegwu approċċ simili għal assi minbarra titoli meta jiġbru tagħrif statistiku partita b’partita.

    Tagħrif statistiku rapportat fuq bażi aggregata

    22.

    Għall-assi u l-obbligazzjonijiet miġbura fuq bażi aggregata, jeżistu t-tliet għażliet li ġejjin biex jinkisbu aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju:

    Għażla 1: l-aġenti li jirrapportaw jirrapportaw aġġustamenti tar-rivalwazzjoni aggregati (4)

    Il-BĊNi li jagħżlu dan il-metodu jaggregaw l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni rapportati mill-aġenti li jirrapportaw biex jibagħtu d-data lill-BĊE.

    Għażla 2: l-aġenti li jirrapportaw jirrapportaw tranżazzjonijiet aggregati. L-aġenti li jirrapportaw jakkumulaw tranżazzjonijiet matul il-perijodu ta’ referenza u jibagħtu l-valur tax-xiri u tal-bejgħ lill-BĊN:

    Il-BĊNi li jirċievu tagħrif statistiku dwar it-tranżazzjonijiet jikkalkulaw l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni billi jieħdu d-differenza bejn l-ammonti pendenti ta’ tmiem il-perijodu u jneħħu t-tranżazzjonijiet u l-aġġustamenti tar-riklassifikazzjoni msemmija fit-Taqsima 1 tal-Parti 2 ta’ dan l-Anness, jekk ikun hemm. Il-BĊNi jissottomettu l-aġġustamenti tar-rivalwazzjoni lill-BĊE skont din il-Linja Gwida.

    Għażla 3: Il-BĊNi jidderivaw approssimazzjonijiet ibbażati fuq data provduta mill-aġenti li jirrapportaw.

    PARTI 3

    Regoli u adattamenti speċjali

    23.

    L-imgħax fuq id-depożiti, is-self u t-titoli ta’ dejn maħruġa u miżmuma jiġi rreġistrat fuq bażi tad-dovuti u jiġi rreġistrat bħala tranżazzjoni sakemm jitħallas. Madankollu, il-gwida dwar l-istrument li bih jiġi rreġistrat l-imgħax dovut fit-tagħrif statistiku mibgħut mill-BĊNi lill-BĊE tvarja għall-istatistika dwar l-IFs, l-ICs, il-PFs u l-FVCs.

    24.

    Fil-każ tal-istatistika dwar l-IFs, l-imgħax dovut fuq depożiti/self jiġi rreġistrat taħt “assi li jifdal” jew “obbligazzjonijiet li jifdal”, kif xieraq. L-imgħax dovut fuq titoli ta’ dejn miżmuma jiġi rreġistrat bl-istrument ikkonċernat. It-titoli ta’ dejn maħruġa ma jiġux irreġistrati bħala partita separata u jiġu inklużi fl-obbligazzjonijiet li jifdal.

    25.

    Fil-każ tal-istatistika dwar l-ICs, l-imgħax dovut jiġi rreġistrat bl-istrument ikkonċernat fil-każijiet kollha.

    26.

    Fil-każ tal-istatistika dwar il-PFs, l-imgħax dovut jiġi rreġistrat bl-istrument ikkonċernat, fuq bażi tal-aħjar stima, fil-każijiet kollha.

    27.

    Fil-każ tal-istatistika dwar l-FVCs, l-imgħax dovut jiġi rreġistrat taħt “assi li jifdal” jew “obbligazzjonijiet li jifdal”, kif xieraq.

    GLOSSARJU

    Fergħat huma entitajiet mhux inkorporati, mingħajr status legali indipendenti, li jkunu għalkollox proprjetà tal-kumpanija omm.

    Fondi f'bonds huma fondi ta' investiment (IFs) li jinvestu primarjament f'titoli ta’ dejn. Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta' fondi ta' investiment f'fondi f'bonds jinkisbu mill-prospett pubbliku, ir-regoli tal-fond, strumenti ta' inkorporazzjoni, statuti ta’ assoċjazzjoni stabbiliti, dokumenti ta' sottoskrizzjoni jew kuntratti ta' investiment, dokumenti ta' kummerċjalizzazzjoni, jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra b'effett simili.

    Fondi ħeġġ, għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida, tfisser kwalunkwe impriża ta’ investiment kollettiv irrispettivament mill-istruttura legali tagħha taħt il-liġijiet nazzjonali, li tapplika strateġiji ta’ investiment relattivament mingħajr restrizzjoni sabiex tikseb redditi assoluti pożittivi, u li l-maniġers tagħha, minbarra t-tariffi ta’ ġestjoni, jitħallsu skont il-prestazzjoni tal-fond. Għal dak l-iskop, il-fondi ħeġġ ftit għandhom restrizzjonijiet fir-rigward tat-tip ta’ strumenti finanzjarji li fihom jistgħu jinvestu u b'hekk jistgħu jużaw b'mod flessibbli varjetà wiesgħa ta' tekniki finanzjarji, li jinvolvu ingranaġġ, bejgħ ta’ pożizzjoni qasira jew kwalunkwe teknika oħra. Din id-definizzjoni tkopri wkoll fondi li jinvestu, bis-sħiħ jew parzjalment, f'fondi ħeġġ oħrajn sakemm jissodisfaw id-definizzjoni mod ieħor. Dawn il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ fondi ħeġġ għandhom jiġu vvalutati skont il-prospett pubbliku kif ukoll ir-regoli tal-fond, statuti ta’ assoċjazzjoni, dokumenti ta’ sottoskrizzjoni jew kuntratti ta’ investiment, dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra b’effett simili fir-rigward tal-fond.

    Fondi mħallta huma fondi ta’ investiment li jinvestu kemm f’ekwità kif ukoll f’bonds mingħajr ebda politika prevalenti favur xi strument jew l-ieħor. Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ fondi ta’ investiment f'fondi mħallta jinkisbu mill-prospett pubbliku, ir-regoli tal-fond, l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni, statuti ta’ assoċjazzjoni stabbiliti, dokumenti ta’ sottoskrizzjoni jew kuntratti ta’ investiment, dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra b’effett simili.

    Fondi negozjati fil-borża (ETFs) tfisser “ETF tal-UCITS” kif definit fil-paragrafu 3 subparagrafu 4 tal-Linja Gwida (ESMA/2012/832) tal-ESMA tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ETFs u ħruġ ieħor tal-UCITS. L-ESMA tiddefinixxi ETF tal-UCITS bħala UCITS li ta' mill-inqas unità jew klassi ta’ sehem waħda minnha tiġi nnegozjata matul il-ġurnata fuq ta’ mill-inqas suq regolat wieħed jew Faċilità ta’ Negozjar Multilaterali waħda ma’ ta’ mill-inqas ġeneratur tas-suq wieħed li jieħu azzjoni biex jiżgura li l-valur tal-borża tal-unitajiet jew ishma tiegħu ma jvarjax b’mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tiegħu u fejn applikabbli mill-Valur Nett tal-Assi Indikattiv tiegħu. Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida, non-UCITs li jikkonformaw mad-definizzjoni ta' ETF tal-ESMA għandhom jiġu inklużi hawnhekk.

    Fondi oħrajn huma fondi ta’ investiment minbarra fondi ta’ bonds, fondi ta’ ekwità, fondi mħallta, fondi ta’ proprjetà immobbli jew fondi ħeġġ.

    Fondi ta' ekwità huma fondi ta' investiment li jinvestu primarjament f'ekwità. Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta' fondi ta’ investiment f'fondi ta’ ekwità jinkisbu mill-prospett pubbliku, mir-regoli tal-fond, strumenti ta' inkorporazzjoni, statuti ta’ assoċjazzjoni stabbiliti, dokumenti ta’ sottoskrizzjoni jew kuntratti ta' investiment, dokumenti ta' kummerċjalizzazzjoni, jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra b'effett simili.

    Fondi ta' ekwità privata (PEFs) huma fondi ta’ investiment mhux ingranati li jinvestu b’mod predominanti fi strumenti ta’ ekwità u strumenti li huma ekonomikament simili għal strumenti ta’ ekwità maħruġa minn kumpaniji mhux elenkati. Subkategorija ta’ PEFs huma fondi ta’ kapital ta’ riskju (venture capital funds – VCFs), li jinvestu f'kumpaniji ġodda. Il-PEFs (inklużi l-VCFs) huma normalment ikkostitwiti bħala fondi magħluqa jew bħala soċjetajiet limitati ġestiti minn kumpanija ta' ekwità privata (Private Equity Company – PEC) jew minn kumpanija ta' kapital ta’ riskju (venture capital company - VCC) fil-każ ta' VCFs. Waqt li l-PEFs (inklużi l-VCFs) huma kklassifikati bħala fondi ta’ investiment skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), il-PECs u l-VCCs huma kklassifikati bħala awżiljari finanzjarji (ESA 2010 kategorija S.126) jekk jiġġestixxu unikament l-assi ta' PEFs u VCFs; u bħala intermedjarji finanzjarji oħrajn (ESA 2010 kategorija S.125) jekk jinvestu f'isimhom stess f’ekwità privata.

    Fondi ta' fondi huma fondi ta’ investiment li jinvestu primarjament f'ishma jew unitajiet ta' fondi ta' investiment. Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ fondi ta’ investiment f’fondi ta’ fondi jinkisbu mill-prospett pubbliku, mir-regoli tal-fond, strumenti ta’ inkorporazzjoni, statuti jew regolamenti stabbiliti, dokumenti ta’ sottoskrizzjoni jew kuntratti ta’ investiment, dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra b'effett simili.

    Fondi ta' investiment magħluqa huma IFs b'numru fiss ta’ ishma maħruġa li l-azzjonisti tagħhom ikollhom iħallsu jew ibiegħu ishma eżistenti sabiex jidħlu fil-fond jew joħorġu minnu.

    Fondi ta’ investiment miftuħa huma fondi ta’ investiment li l-unitajiet jew ishma tagħhom ikunu, fuq talba tad-detenturi, mixtrija mill-ġdid jew mifdija direttament jew indirettament mill-assi tal-impriża.

    Fondi ta' proprjetà immobbli huma IFs li jinvestu primarjament fi proprjetà immobbli. Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ fondi ta’ investiment f’fondi ta’ proprjetà immobbli jinkisbu mill-prospett pubbliku, ir-regoli tal-fond, strumenti ta’ inkorporazzjoni, statuti ta’ assoċjazzjoni stabbiliti, dokumenti ta’ sottoskrizzjoni jew kuntratti ta’ investiment, dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra b’effett simili.

    Gvern ċentrali tfisser “gvern ċentrali” (subsettur S.1311) kif iddefinit fil-paragrafu 2.114 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013.

    Impriżi ta’ Investimenti Kollettivi f’Titoli Trasferibbli (UCITS) tfisser fondi ta’ investiment li ġew stabbiliti skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Korporazzjonijiet finanzjarji involuti f’għoti b’self (FCLs), klassifikati bħala OFIs, huma korporazzjonijiet finanzjarji speċjalizzati prinċipalment f'finanzjament ta’ assi għal unitajiet domestiċi u korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Korporazzjonijiet li jispeċjalizzaw f’lokazzjoni finanzjarja, fatturament, self b’ipoteka u self lil konsumaturi huma inklużi f’din il-kategorija. Dawn il-korporazzjonijiet finanzjarji jistgħu joperaw taħt il-forma legali ta’ soċjetà tal-bini, istituzzjoni tal-kreditu muniċipali, eċċ.

    Korporazzjonijiet finanzjarji speċjalizzati (subdiviżjoni tas-subsettur S.125) tfisser “korporazzjoni finanzjarja speċjalizzata” kif definit fil-paragrafu 2.93 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013;

    Il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni komposti huma korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni li jkunu ġew awtorizzati li jwettqu kemm attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja diretti kif ukoll attivitajiet tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja diretti. Fil-każ ta’ korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni soġġetti għad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dan ikopri korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni koperti mill-paragrafi 2 u 5 tal-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/138/KE. Il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni komposti jistgħu jkunu awtorizzati wkoll iwettqu attivitajiet ta’ riassigurazzjoni (attivitajiet ta’ riassigurazzjoni tal-ħajja u/jew mhux tal-ħajja, skont il-liġi nazzjonali).

    Korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja huma korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni li ġew awtorizzati jwettqu attivitajiet diretti tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, iżda ma ġewx awtorizzati jwettqu attivitajiet diretti tal-assigurazzjoni tal-ħajja. Il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja jistgħu jkunu awtorizzati wkoll iwettqu attivitajiet ta’ riassigurazzjoni (attivitajiet ta’ riassigurazzjoni tal-ħajja u/jew mhux tal-ħajja, skont il-liġi nazzjonali).

    Korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja huma korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni li ġew awtorizzati jwettqu attivitajiet diretti tal-assigurazzjoni tal-ħajja, iżda ma ġewx awtorizzati jwettqu attivitajiet diretti tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja. Il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja jistgħu jkunu awtorizzati wkoll iwettqu attivitajiet ta’ riassigurazzjoni (attivitajiet ta’ riassigurazzjoni tal-ħajja u/jew mhux tal-ħajja, skont il-liġi nazzjonali).

    Korporazzjonijiet tar-riassigurazzjoni huma korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni li ġew awtorizzati jwettqu attivitajiet tar-riassigurazzjoni iżda ma ġewx awtorizzati jwettqu attivitajiet diretti ta’ assigurazzjoni. L-attivitajiet tar-riassigurazzjoni jistgħu jinkludu attività tar-riassigurazzjoni tal-ħajja, attività tar-riassigurazzjoni mhux tal-ħajja jew taħlita ta’ attivitajiet tar-riassigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja.

    Lokazzjonijiet finanzjarji huma kuntratti li permezz tagħhom is-sid legali ta’ beni durabbli (iktar ’il quddiem il-“lokatur”) jisilfu lil parti terza (iktar ’il quddiem 'il-“lokatarju”) għall-biċċa l-kbira jekk mhux għall-ħajja kollha ekonomika tal-beni, bi skambju għal ħlasijiet bin-nifs li jkopru l-ispejjeż tal-beni flimkien ma’ ħlas tal-imgħax imputat. Il-lokatarju huwa fil-fatt stmat li jirċievi l-benefiċċji kollha li jistgħu jinkisbu mill-użu tal-beni u li jġarrab l-ispejjeż u r-riskji assoċjati mas-sjieda.

    Negozjanti tat-titoli u d-derivattivi (security and derivative dealers – SDDs) klassifikati bħala OFIs huma korporazzjonijiet finanzjarji awtorizzati biex jipprovdu servizzi ta’ investiment lil partijiet terzi billi jinvestu fi strumenti finanzjarji f’isimhom stess bħala n-negozju tagħhom u li jkunu involuti prinċipalment fl-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni finanzjarji li ġejjin:

    a)

    negozjar f'isimhom stess u/jew għar-riskju tagħhom stess, bħala “negozjanti ta' titoli u derivattivi”, fi strumenti finanzjarji ġodda jew pendenti permezz tal-akkwist u l-bejgħ ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji għall-iskop esklużiv li jibbenefikaw mill-marġni bejn il-prezz tal-akkwist u tal-bejgħ. Dan jinkludi wkoll attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq;

    b)

    sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod;

    c)

    l-għoti ta’ assistenza lil ditti fil-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji ġodda permezz tat-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji ġodda li jinvolvu jew impenn ta’ sottoskrizzjoni sod jew impenn temporanju lill-emittenti ta’ ħruġ ġdid.

    Riassigurazzjoni aċċettata tirrappreżenta l-ammont ta’ kapital li l-IC għandha sabiex tissodisfa l-pretensjonijiet futuri li jirriżultaw mill-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-ħajja tagħha.

    Riżervi ta’ rikonċiljazzjoni tfisser riżervi (bħal qligħ imfaddal) kif definit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2450 (7). Dawn jirriżultaw prinċipalment mid-differenzi bejn il-valwazzjoni tal-kontabbiltà u l-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 75 tad-Direttiva 2009/138/KE.

    Sussidjarji huma entitajiet inkorporati separati li fihom entità oħra jkollha l-maġġoranza tal-parteċipazzjoni jew parteċipazzjoni sħiħa.

    Titolizzazzjonijiet marbuta mal-assigurazzjoni huma titolizzazzjonijiet fejn ikun hemm trasferiment ta’ poloz tal-assigurazzjoni miksuba jew permezz tat-trasferiment tat-titolu legali jew tal-interess benefiċjarju lil FVC, jew inkella jkun hemm trasferiment ta’ riskji tal-assigurazzjoni minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni lil FVC li tiffinanzja totalment l-iskopertura tagħha għal dawk ir-riskji permezz tal-ħruġ ta’ strumenti ta’ finanzjament, u d-drittijiet ta’ ħlas lura tal-investituri f’dawk l-istrumenti ta’ finanzjament ikunu subordinati għall-obbligi ta’ riassigurazzjoni tal-FVC.

    Titolizzazzjonijiet sintetiċi huma titolizzazzjonijiet fejn ikun hemm trasferiment ta’ riskju ta’ kreditu ta’ assi jew ta’ ġabra ta’ assi miksuba bl-użu ta’ derivattivi ta’ kreditu, garanziji jew kwalunkwe mekkaniżmu simili.

    Titolizzazzjonijiet tradizzjonali huma titolizzazzjonijiet fejn ikun hemm trasferiment ta’ riskju ta’ kreditu ta’ assi jew ta’ ġabra ta’ assi miksuba jew bit-trasferiment ta’ titolu legali jew l-interess benefiċjarju tal-assi li jiġu titolizzati jew inkella permezz ta' sub-parteċipazzjoni.


    (1)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea(ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

    (2)  Il-kategorija “aġġustamenti tar-rivalwazzjoni minħabba bidliet fil-prezz u fir-rata tal-kambju” tinkludi tħassir/tniżżil fil-valur fuq self.

    (3)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tat-8 ta’ Lulju 1998“Setting-up of common market standards”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

    (4)  Fil-każ tal-istatistika dwar l-IFs u skont l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), il-BĊNi jew jiġbru d-data dwar ir-rivalwazzjonijiet minħabba bidliet fil-prezzijiet u r-rata tal-kambju mill-IFs jew, alternattivament, jiġbru biss id-data dwar ir-rivalwazzjonijiet minħabba bidliet fil-prezzijiet u d-data meħtieġa li tkopri, mill-inqas, diżaggregazzjoni skont il-valuta f’liri sterlini, dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u franki Żvizzeri, biex jinkisbu r-rivalwazzjonijiet minħabba bidliet fir-rati tal-kambju.

    (5)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

    (6)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

    (7)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2450 tat-2 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-formoli għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 31.12.2015, pg. 1)


    Top