This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1427
Commission Implementing Decision (EU) 2021/1427 of 21 May 2021 on a pilot project to implement the administrative cooperation provisions relating to refusals to grant authorisations set out in Directive (EU) 2021/555 of the European Parliament and of the Council by means of the Internal Market Information System (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1427 tal-21 ta’ Mejju 2021 dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati mar-rifjuti li jingħataw l-awtorizzazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1427 tal-21 ta’ Mejju 2021 dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati mar-rifjuti li jingħataw l-awtorizzazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/3401
ĠU L 307, 1.9.2021, pp. 20–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
1.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 307/20 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1427
tal-21 ta’ Mejju 2021
dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati mar-rifjuti li jingħataw l-awtorizzazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“l-IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 hija applikazzjoni tas-softwer aċċessibbli bl-użu tal-Internet u ġiet żviluppata mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex tgħin lill-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti relatati mal-iskambju tal-informazzjoni stabbiliti fl-atti tal-Unjoni billi tipprovdi mekkaniżmu ċentralizzat ta’ komunikazzjoni biex jiffaċilita l-iskambju transfruntier tal-informazzjoni u l-assistenza reċiproka. |
|
(2) |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jippermetti lill-Kummissjoni twettaq proġetti pilota biex tivvaluta kemm l-IMI tkun effettiva fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti f’atti tal-Unjoni li mhumiex elenkati fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Id-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tipprevedi l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar. L-Artikolu 18 ta’ dik id-Direttiva jeħtieġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għal skambju sistematiku, permezz ta’ mezzi elettroniċi, tal-informazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1423 (3) li jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju sistematiku tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu dwar ir-rifjuti li jingħataw l-awtorizzazzjonijiet. L-IMI tista’ tkun għodda effettiva fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament Delegat. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik id-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tkun is-suġġett ta’ proġett pilota skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-IMI tipprovdi l-funzjonalità teknika, inkluż l-istabbiliment ta’ repożitorju, biex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/1423. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-IMI tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri billi tippermettilhom ifittxu fir-repożitorju tal-IMI sabiex jivverifikaw jekk individwu partikolari jkunx ġie prekluż milli jakkwista jew milli jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar. Sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tal-individwi li dwarhom ikun hemm data rreġistrata fir-repożitorju, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jikkonsultaw biss l-informazzjoni relatata ma’ individwu partikolari. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jfittxu bi kriterji oħra, pereżempju r-rifjuti kollha għal perjodu partikolari jew għal Stat Membru partikolari. |
|
(6) |
Biex jiġi żgurat li d-data personali skambjata bħala parti mill-proġett pilota tiġi mblukkata hekk kif ma tkunx aktar meħtieġa skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, jenħtieġ li tiġi indikata b’mod ċar id-data ta’ meta t-tali data trid titqies li ma tkunx aktar meħtieġa għall-finijiet ta’ dak l-Artikolu. Jenħtieġ li dik id-data tkun taqbel mad-data stabbilita skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1423 bħala d-data ta’ meta l-informazzjoni relatata mad-deċiżjoni ta’ rifjut ma tridx tibqa’ aċċessibbli fl-IMI. Huwa xieraq ukoll li jiġi ċċarat li, ladarba d-data tkun imblukkata, din trid titħassar awtomatikament fl-IMI tliet snin wara mingħajr il-ħtieġa ta’ għeluq formali. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, il-Kummissjoni trid tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa xieraq li tiġi speċifikata d-data sa meta jenħtieġ li tiġi ppreżentata l-evalwazzjoni. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proġett pilota
Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2021/555, sakemm l-iskambju tal-informazzjoni msemmi f’dak il-paragrafu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1423, għandu jkun soġġett għal proġett pilota biex tiġi implimentata d-dispożizzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva stabbilita f’dak il-paragrafu, kif spjegat aktar fid-dettall f’dak ir-Regolament Delegat, permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”).
Artikolu 2
Awtoritajiet kompetenti
Għall-finijiet tal-proġett pilota, l-awtoritajiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 18(3) tad-Direttiva (UE) 2021/555 għandhom jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 3
Kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti
Għall-finijiet tal-proġett pilota, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalitajiet li ġejjin:
|
(a) |
repożitorju għall-ħżin u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar ir-rifjuti skont ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1423; |
|
(b) |
faċilità ta’ tiftix li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jfittxu fir-repożitorju sabiex jivverifikaw jekk dan jinkludix informazzjoni dwar ir-rifjuti fir-rigward ta’ individwu speċifiku; |
|
(c) |
faċilità li tippermetti li l-entrati jitneħħew u jiġu aġġornati skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1423; |
|
(d) |
sistema biex jintbagħtu tfakkiriet regolari bil-posta elettronika lill-awtoritajiet kompetenti biex dawn jitfakkru jirrieżaminaw ċerti entrati skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1423. |
Artikolu 4
Żamma tad- data personali
Għall-finijiet tal-imblukkar, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, ta’ data personali li tkun inħażnet u tkun ġiet kondiviża fir-repożitorju bħala parti mill-proġett pilota, id-data li, għal kull deċiżjoni ta’ rifjut, għandha titqies bħala d-data meta d-data personali ma għandhiex bżonn tibqa’ tinħażen u tiġi kondiviża b’dak il-mod għandha tkun id-data meta l-informazzjoni relatata ma’ dik id-deċiżjoni ta’ rifjut ma għandhiex tibqa’ aċċessibbli skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1423. Id-data mblukkata għandha titħassar awtomatikament fl-IMI tliet snin wara d-data li fiha tkun ġiet imblukkata d-data.
Artikolu 5
Monitoraġġ u rappurtar
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri bi statistika dwar l-għadd ta’ entrati rreġistrati fir-repożitorju. It-tali rappurtar ma għandux jinkludi informazzjoni dwar deċiżjonijiet individwali ta’ rifjut.
Artikolu 6
Evalwazzjoni
L-evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [... ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data li hija tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni].
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU L 115, 6.4.2021, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1423 tal-21 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati skont id-Direttiva (UE) 2021/555 għall-iskambju sistematiku, b’mezzi elettroniċi, ta’ informazzjoni dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-akkwist jew il-pussess ta’ ċerti armi tan-nar (Ara l-paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).