EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1094

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1094 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2008/376/KE dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm

ST/9400/2021/INIT

ĠU L 236, 5.7.2021, p. 69–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1094/oj

5.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/69


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1094

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2008/376/KE dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 37) dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Ottubru 2016, l-Unjoni rratifikat il-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Pariġi”). Il-Ftehim ta’ Pariġi jistieden lill-partijiet li rratifikawh biex isaħħu r-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima bl-għan li jillimitaw iż-żieda fit-temperatura globali għal ferm inqas minn 2 °C.

(2)

F’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, fil-11 ta’ Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jimpenjaha biex tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent u tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tistabbilixxi strateġija ta’ tkabbir ġdida, tirriferi għall-ħtieġa li jiġu appoġġati teknoloġiji rivoluzzjonarji tal-azzar nodfa, li jwasslu għal proċess ta’ produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet żero tal-karbonju sal-2030 u li jiġi esplorat jekk tistax tintuża parti mill-finanzjament likwidat taħt il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Il-Komunikazzjoni tgħid ukoll li l-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-Unjoni għandhom jiġbdu ħabel wieħed biex l-UE tikseb tranżizzjoni ġusta u li tkun suċċess lejn futur sostenibbli. F’konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara” msemmi fil-Komunikazzjoni, l-objettivi tal-Programm ta’ Riċerka tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar qed jiġu riveduti, sabiex ma jibqgħux ikopru l-attivitajiet li jkomplu jipperpetwaw l-estrazzjoni, l-ipproċessar u l-użu mhux imnaqqas tal-faħam.

(3)

L-Unjoni qed issegwi politika ambizzjuża dwar l-azzjoni klimatika u daħħlet fis-seħħ qafas regolatorju biex tikseb il-mira tagħha tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-bażi leġiżlattiva għal governanza affidabbli, inklużiva, kosteffettiva, trasparenti u prevedibbli tal-Unjoni tal-Enerġija u l-azzjoni klimatika li tiżgura l-kisba tal-objettivi u l-miri tal-2030 u dawk fit-tul tal-Unjoni tal-Enerġija f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

(4)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli u l-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE (3) wkoll bil-għan li tippermetti l-finanzjament ta’ proġetti rivoluzzjonarji kbar ta’ riċerka u innovazzjoni fil-produzzjoni nadifa tal-azzar kif ukoll attivitajiet ta’ riċerka fis-settur tal-faħam f’konformità mal-prinċipji tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta.

(5)

Barra minn hekk, ir-rapport dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (il-“Programm ta’ Riċerka”) jirrakkomanda li jiġu emendati l-objettivi tar-riċerka għall-faħam u l-azzar stipulati fit-Taqsimiet 3 u 4 tal-Kapitolu II tad-Deċiżjoni 2008/376/KE u li tiġi appoġġata r-riċerka rivoluzzjonarja fis-settur tal-azzar kif ukoll proġetti emblematiċi fis-settur tal-faħam.

(6)

Għalhekk, huwa meħtieġ li l-objettivi tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar jiġu allinjati ma’ ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll mal-objettivi xjentifiċi, teknoloġiċi u politiċi tal-Unjoni dwar in-newtralità klimatika sal-2050.

(7)

Intwera li s-sħubijiet koprogrammati huma effettivi biex jiġbru flimkien ir-riżorsi għal objettiv Ewropew komuni tar-riċerka. Bħala għajnuna sabiex tinkiseb ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-possibbiltà li jingħata appoġġ permezz ta’ sħubijiet Ewropej koprogrammati, flimkien ma’ programmi oħra u f’sekwenza magħhom. Sħubija Ewropea tista’ tkun strument ideali biex jinġabru flimkien ir-riżorsi biex tiġi appoġġata r-riċerka dwar teknoloġiji rivoluzzjonarji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 fis-settur tal-industrija tal-azzar.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/376/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/376/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Programm ta’ Riċerka għandu jipprovdi appoġġ għar-riċerka kollaborattiva fis-setturi tal-faħam u l-azzar. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jipprovdi wkoll appoġġ għal teknoloġiji rivoluzzjonarji tal-azzar nodfa li jwasslu għal proġetti ta’ produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u proġetti ta’ riċerka għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u l-infrastruttura relatata f’konformità mal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2003/76/KE. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jkun konsistenti mal-objettivi politiċi, xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni, u għandu jikkomplementa l-attivitajiet imwettqa fl-Istati Membri u fi ħdan il-Programm Qafas eżistenti tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (il-‘Programm Qafas ta’ Riċerka’).”;

(2)

l-Artikoli 4 sa 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Appoġġ għat-tranżizzjoni ġusta tas-settur u r-reġjuni tal-faħam

1.   Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050, bl-objettiv li tiġi appoġġata l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili, jiġu żviluppati attivitajiet alternattivi fis-siti li qabel kienu minjieri u tiġi evitata jew indirizzata l-ħsara ambjentali mill-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, tal-minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel u tal-madwar tagħhom. Il-proġetti għandhom jiffokaw partikolarment fuq:

(a)

l-iżvilupp u l-ittestjar tat-teknoloġiji għall-qbid, l-użu u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju;

(b)

l-użu tal-enerġija ġeotermali fuq siti li qabel kienu tal-faħam;

(c)

l-użi mhux enerġetiċi u l-produzzjoni ta’ materja prima minn skart tal-minjieri u residwi minn minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minn dawk fil-proċess tal-għeluq, filwaqt li jiġi żgurat kif xieraq li l-impatt klimatiku, ambjentali u tas-saħħa tagħhom jiġi minimizzat u jkun aktar baxx minn soluzzjonijiet alternattivi;

(d)

l-għoti ta’ skop mill-ġdid lil dawk li qabel kienu minjieri tal-faħam u tal-linjite kif ukoll lill-infrastruttura marbuta mal-faħam, inkluż is-servizzi tal-provvista tal-elettriku, f’konformità ma’ tranżizzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;

(e)

il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ programmi effiċjenti ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema affettwati mill-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, inkluża riċerka dwar it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema impjegati jew li kienu impjegati qabel fis-settur tal-faħam.

2.   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tisħiħ tat-tmexxija Ewropea fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel u tal-infrastruttura marbuta mal-faħam permezz ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi u mhux teknoloġiċi, filwaqt li tappoġġa t-trasferiment teknoloġiku u mhux teknoloġiku. L-attivitajiet ta’ riċerka b’dawk l-objettivi għandhom jippreżentaw benefiċċji tanġibbli għall-klima u għall-ambjent f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050.

Artikolu 5

Titjib tas-saħħa u tas-sikurezza

1.   Il-kwistjonijiet dwar is-sikurezza tal-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u tal-minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel, bil-ħsieb li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, kif ukoll il-kwistjonijiet ambjentali li jagħmlu ħsara lis-saħħa, għandhom jitqiesu fil-proġetti li jkopru l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 6.

2.   Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jiffokaw fuq il-mard marbut mal-attivitajiet tal-estrazzjoni bl-għan li titjieb is-saħħa tan-nies li jgħixu f’reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jiżguraw ukoll li jkun hemm miżuri protettivi waqt l-għeluq tal-minjieri u f’minjieri li kienu joperaw qabel.

Artikolu 6

Minimizzar tal-impatti ambjentali tal-minjieri tal-faħam fi tranżizzjoni

1.   Il-proġetti ta’ riċerka għandhom ifittxu li jimminimizzaw l-impatti fuq l-atmosfera, l-ilma u l-ħamrija tal-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u tal-minjieri li kienu joperaw qabel. Ir-riċerka għandha tkun immirata lejn il-preżervazzjoni u r-restawr tar-riżorsi naturali għall-ġenerazzjonijiet futuri u l-minimizzar tal-impatt ambjentali tal-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u f’minjieri li kienu joperaw qabel.

2.   Għandha tingħata preferenza lil proġetti li jipprevedu waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

teknoloġiji ġodda u mtejba biex jiġi evitat it-tniġġis ambjentali, inkluż it-tnixxija tal-metan, tal-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, tal-minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel u tal-madwar tagħhom (inklużi l-atmosfera, l-art, il-ħamrija u l-ilma);

(b)

il-qbid, l-evitar u l-minimizzar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, b’mod partikolari l-metan, mid-depożiti tal-faħam fil-proċess tal-għeluq;

(c)

il-ġestjoni u l-użu mill-ġdid ta’ skart mill-minjieri, irmied li jtir u prodotti ta’ desulfurizzazzjoni minn minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u minn minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel, kif ukoll, fejn rilevanti, forom oħra ta’ skart;

(d)

is-sistemazzjoni tal-munzelli tal-iskart u l-użu ta’ residwi industrijali mill-produzzjoni u l-konsum tal-faħam f’reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni;

(e)

il-protezzjoni ta’ uċuħ tal-ilma ta’ taħt l-art u t-tisfija tal-ilma tad-drenaġġ tal-minjieri;

(f)

ir-restawr tal-ambjent ta’ dawk li kienu installazzjonijiet jew tal-installazzjonijiet li huma fil-proċess tal-għeluq li kienu jużaw il-faħam, u l-madwar tagħhom, b’mod partikolari l-ilma, l-art, il-ħamrija u l-bijodiversità;

(g)

il-protezzjoni tal-infrastruttura fuq wiċċ l-art kontra l-effetti taċ-ċediment tal-art u tal-movimenti tal-art f’terminu qasir u twil.”;

(3)

l-Artikolu 7 jitħassar;

(4)

l-Artikoli 8 sa 10 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Proċessi ġodda, sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-produzzjoni u l-finitura tal-azzar

Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku għandu jkollhom l-għan li jiżviluppaw, juru u jtejbu l-proċessi ta’ produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tal-prodott u tiżdied il-produttività. It-tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet, tal-konsum tal-enerġija, tal-impronta tal-karbonju u tal-impatti ambjentali oħra kif ukoll il-konservazzjoni tar-riżorsi, għandhom jiffurmaw parti integrali mill-attivitajiet imfittxija. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a)

proċessi u operazzjonijiet rivoluzzjonarji ġodda u mtejba tal-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero, b’attenzjoni partikolari għall-evitar dirett tal-karbonju jew għall-użu intelliġenti tal-karbonju, jew għat-tnejn li huma;

(b)

l-ottimizzazzjoni tal-proċess u tal-katina tal-proċess tal-azzar (inkluż it-tnaqqis u t-tnaqqis ta’ qabel il-mineral tal-ħadid, il-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar, il-proċessi bbażati fuq it-tidwib tar-ruttam tal-metall irriċiklat, il-metallurġija sekondarja, l-ikkastjar, l-operazzjonijiet ta’ rrolljar, finitura u kisi) permezz tal-istrumentazzjoni, tad-detezzjoni tal-proprjetajiet ta’ prodotti intermedji u finali, l-immudellar, il-kontroll u l-awtomatizzazzjoni inkluż id-diġitalizzazzjoni, l-applikazzjoni tal-Big Data, l-intelliġenza artifiċjali u kwalunkwe teknoloġija avvanzata oħra;

(c)

l-integrazzjoni tal-proċess tal-azzar u l-effiċjenza tal-proċess fil-produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero;

(d)

il-manutenzjoni u l-affidabilità tal-għodod tal-produzzjoni tal-azzar;

(e)

tekniki li jżidu r-riċiklabbiltà, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-azzar u l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari;

(f)

tekniki li jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-produzzjoni tal-azzar permezz tal-irkupru ta’ sħana residwa, il-prevenzjoni tat-telf tal-enerġija, tekniki tat-tisħin ibridi u soluzzjonijiet tal-ġestjoni tal-enerġija;

(g)

teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi għall-proċessi tal-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar li jippromwovu attivitajiet transsettorjali, proġetti ta’ dimostrazzjoni li jintegraw produzzjoni tal-enerġija b’emissjonijiet żero tal-karbonju jew li jikkontribwixxu għal ekonomija tal-idroġenu nadifa.

Artikolu 9

Gradi u applikazzjonijiet tal-azzar avvanzati

Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku għandhom jiffokaw fuq l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-utenti tal-azzar biex jiġu żviluppati prodotti ġodda b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u jinħolqu opportunitajiet fis-suq ġodda filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatti ambjentali. Fil-kuntest tat-teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 8, il-proġetti ta’ riċerka għandhom jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin, bl-objettiv li jwasslu għal proċessi tal-produzzjoni tal-azzar sostenibbli u b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero fl-Unjoni:

(a)

gradi tal-azzar ġodda u avvanzati;

(b)

titjib fil-proprjetajiet tal-azzar bħal proprjetajiet mekkaniċi u fiżiċi, idoneità għal ipproċessar ulterjuri, idoneità għal applikazzjonijiet varji, u diversi kundizzjonijiet tax-xogħol;

(c)

tiżdied il-ħajja tas-servizz tal-prodott, b’mod partikolari billi tiġi żviluppata r-reżistenza tal-azzar u tal-istrutturi tal-azzar għas-sħana u għall-korrużjoni, għar-reħja mekkanika u termali u għal effetti ta’ deterjorament oħrajn;

(d)

mudelli ta’ simulazzjoni ta’ tbassir dwar il-mikrostrutturi, il-proprjetajiet mekkaniċi u l-proċessi ta’ produzzjoni;

(e)

teknoloġiji relatati mal-iffurmar, l-iwweldjar u t-twaħħil tal-azzar u materjali oħrajn;

(f)

standardizzazzjoni tal-metodi tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni;

(g)

azzar ta’ prestazzjoni għolja għal applikazzjonijiet bħall-mobbiltà, inkluż is-sostenibbiltà, il-metodi tal-ekodisinn, il-modifiki retroattivi, id-disinji li jħaffu l-piż u soluzzjonijiet tas-sikurezza.

Artikolu 10

Il-konservazzjoni tar-riżorsi, il-protezzjoni tal-ambjent u l-ekonomija ċirkolari

Kemm fil-produzzjoni tal-azzar kif ukoll fl-utilizzazzjoni tiegħu, il-konservazzjoni tar-riżorsi, il-preżervazzjoni tal-ekosistemi, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u l-kwistjonijiet ta’ sikurezza għandhom ikunu parti integrali mill-ħidma tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tekniki sabiex jiġi rriċiklat l-azzar li ma għadux jintuża u l-prodotti sekondarji minn diversi sorsi u t-titjib tal-kwalità tar-ruttam tal-azzar;

(b)

it-trattament tal-iskart u l-irkupru ta’ materji primi sekondarji ta’ valur, inkluż il-gagazzi, ġol-impjant tal-azzar u barra minnu;

(c)

il-kontroll tat-tniġġis u l-protezzjoni tal-ambjent fil-post tax-xogħol u fl-impjant tal-azzar u madwarhom (l-emissjonijiet gassużi, solidi jew likwidi, il-ġestjoni tal-ilma, l-istorbju, l-irwejjaħ, it-trab, eċċ.);

(d)

id-disinn tal-gradi tal-azzar u tal-istrutturi assemblati sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru faċli tal-azzar għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid;

(e)

l-użu ta’ gassijiet tal-proċess u l-eliminazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet ta’ skart mill-produzzjoni tal-azzar;

(f)

il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u l-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja għall-produzzjoni u l-użu tal-azzar.”;

(5)

fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Ġestjoni tal-forza tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp u t-tixrid tal-kompetenzi biex jinżamm il-pass ma’ proċessi ġodda ta’ produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero, bħad-diġitalizzazzjoni u biex jiġi rifless il-prinċipju tat-tagħlim tul il-ħajja;

(b)

it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż is-saħħa, is-sikurezza u l-ergonomija fil-post tax-xogħol u madwaru.”;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

Sħubijiet Ewropej

1.   Parti tal-Programm ta’ Riċerka, jiġifieri r-riċerka dwar teknoloġiji rivoluzzjonarji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 fis-settur tal-industrija tal-azzar, tista’ tiġi implimentata permezz ta’ Sħubijiet Ewropej koprogrammati stabbiliti f’konformità mar-regoli stipulati fl-Artikolu 10 u fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, Sħubija Ewropea koprogrammata tfisser inizjattiva mħejjija bl-involviment bikri tal-Istati Membri, fejn l-Unjoni, flimkien ma’ sħab privati jew pubbliċi jew mat-tnejn li huma (bħall-industrija, universitajiet, organizzazzjonijiet tar-riċerka, korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inkluż fondazzjonijiet u NGOs), jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw b’mod konġunt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka. Is-Sħubijiet Ewropej koprogrammati huma stabbiliti abbażi ta’ memoranda ta’ qbil jew arranġamenti kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u tali sħab privati jew pubbliċi, jew it-tnejn li huma, li jispeċifikaw l-objettivi tas-sħubija, l-impenji relatati għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura, jew għat-tnejn li huma, tas-sħab, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u tal-impatt, u l-eżiti li għandhom jinkisbu. Dawn jinkludu l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka komplementari u li huma implimentati mis-sħab u mill-Programm ta’ Riċerka.

3.   Fil-qafas tas-Sħubijiet Ewropej koprogrammati, il-Programm ta’ Riċerka jista’ jipprovdi finanzjament għall-attivitajiet eliġibbli taħt din it-taqsima, fil-forma prevista skont l-Artikolu 30. Barra minn hekk, jista’ jipprovdi finanzjament fil-forma ta’ premjijiet.";

4.   Il-finanzjament għall-attivitajiet skont din it-taqsima għandu jsegwi s-sejħiet apposta għal proposti msemmija fl-Artikolu 25(2) u 25(3).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).”;"

(7)

l-Artikolu 39 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Ħatra ta’ esperti indipendenti u ferm ikkwalifikati

Għall-ħatra ta’ esperti indipendenti u ferm ikkwalifikati msemmija fl-Artikolu 18, l-Artikolu 28(2) u l-Artikolu 38, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 237 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(8)

fl-Artikolu 41, jitħassar il-punt (c).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  L-opinjoni tad-19 ta’ Mejju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE tad-29 ta’ April 2008 dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm (ĠU L 130, 20.5.2008, p. 7).


Top