Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1092

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1092 tal-11 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-kriterji u l-proċedura għan-notifika tad-differenzi dwar l-istandards internazzjonali adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni

    ST/8507/2021/REV/1

    ĠU L 236, 5.7.2021, p. 51–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1092/oj

    5.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 236/51


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1092

    tal-11 ta’ Ġunju 2021

    li tistabbilixxi l-kriterji u l-proċedura għan-notifika tad-differenzi dwar l-istandards internazzjonali adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li ġiet iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 u tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”).

    (2)

    L-Istati Membri tal-Unjoni huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u Stati Kontraenti għall-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

    (3)

    Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta standards internazzjonali (“standards”) u prattiki rakkomandati għall-avjazzjoni u jiddeżinjahom bħala Annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago (“Annessi tal-ICAO”), b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

    (4)

    Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Anness tal-ICAO jew kwalunkwe emenda għal Anness tal-ICAO għandha ssir effettiva fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fl-aħħar ta’ tali perijodu itwal ta’ żmien li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, dment li sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati Kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.

    (5)

    Ladarba jiġu adottati u jkunu effettivi, l-istandards ikunu vinkolanti għall-Istati Kontraenti kollha tal-ICAO, inkluż l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fi ħdan il-limiti stabbiliti fiha.

    (6)

    Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat Kontraenti tal-ICAO li jsibha imprattikabbli li jikkonforma fl-aspetti kollha ma’ kwalunkwe standard jew li jġib ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu stess f’konformità sħiħa ma’ kwalunkwe standard wara emenda ta’ dan tal-aħħar, jew li jqis li huwa meħtieġ li jadotta regolamenti jew prattiki li jvarjaw fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn ir-regolamenti jew il-prattika tiegħu stess u dawk stabbiliti mill-istandard. Fil-każ ta’ emendi għall-istandards, kwalunkwe Stat li ma jagħmilx l-emendi xierqa għar-regolamenti jew il-prattiki tiegħu stess għandu jinnotifika lill-Kunsill tal-ICAO fi żmien sittin jum mill-adozzjoni tal-emenda għall-istandard, jew jindika l-azzjoni li jipproponi li jieħu.

    (7)

    Ir-regoli interni tal-ICAO, b’mod partikolari l-iskadenzi stabbiliti mill-ICAO għall-Istati Kontraenti tal-ICAO biex jiġu notifikati d-differenzi fir-rigward tal-istandards, kif ukoll l-għadd ta’ differenzi fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni li għandu jiġu notifikati kull sena, jagħmluha diffiċli biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 218(9) tat-Trattat fi żmien xieraq biex tiġi notifikata kull differenza. Barra minn hekk, l-istandards adottati mill-Kunsill tal-ICAO fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni fil-parti l-kbira jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk huwa effiċjenti u xieraq li jiġi stabbilit qafas għall-kriterji u l-proċedura li għandhom jiġu segwiti għan-notifika tad-differenzi fir-rigward tal-istandards fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    (8)

    Minħabba l-ispeċifiċità tas-settur tas-sikurezza tal-avjazzjoni meta mqabbel ma’ setturi oħra ttrattati mill-ICAO, b’mod partikolari l-għadd kbir ta’ standards adottati f’dak is-settur mill-Kunsill tal-ICAO u l-għadd ta’ differenzi li għandhom jiġu notifikati kull sena, din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss id-dominju tas-sikurezza tal-avjazzjoni sabiex jiġu simplifikati l-proċessi u jiġu trattati bosta notifiki b’mod effiċjenti. Fil-livell tal-ICAO, l-istandards tas-sikurezza tal-avjazzjoni jinsabu prinċipalment fl-Annessi 1, 6, 8, 14, 18 u 19 tal-ICAO. Fil-livell tal-Unjoni, ir-rekwiżiti li jinsabu f’dawk l-istandards huma prinċipalment riflessi fir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u fl-atti ta’ implimentazzjoni u ta’ delega adottati abbażi tiegħu, b’mod partikolari fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2), (UE) Nru 748/2012 (3), (UE) Nru 965/2012 (4), (UE) Nru 139/2014 (5), (UE) Nru 452/2014 (6)u (UE) Nru 1321/2014 (7), (UE) 2015/640 (8), (UE) Nru 139/2014, kif ukoll fir-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005 (9) u (UE) Nru 376/2014 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (9)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun limitata għall-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ICAO f’oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    (10)

    Id-differenzi fl-istandards adottati mill-Kunsill tal-ICAO jistgħu jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni minħabba l-adozzjoni ta’ standard ġdid jew emendat minn dak il-Kunsill jew minħabba modifika għal-liġi tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ tali differenzi, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni fi żmien debitu lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni.

    (11)

    Id-differenzi fl-istandards adottati mill-Kunsill tal-ICAO fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni jistgħu jirriżultaw ukoll minn miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2018/1139 fil-każ ta’ ċirkostanzi imprevedibbli urġenti, fejn dawk il-miżuri jkunu differenti mill-istandards u, għalhekk, jeħtieġu n-notifika tad-differenzi lill-ICAO skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Huwa għalhekk xieraq ukoll li tiġi definita f’din id-Deċiżjoni l-proċedura li għandha tiġi segwita għad-definizzjoni ta’ tali differenzi. Jenħtieġ li dik il-proċedura tiddependi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata tal-miżuri nazzjonali adottati, f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, u jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jikkonformaw mingħajr dewmien mal-obbligi internazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Jenħtieġ li dik il-proċedura tkun mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet u l-proċedura stipulati fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    (12)

    Id-differenzi li għandhom jiġu notifikati lill-ICAO jenħtieġ li jkunu bbażati b’mod partikolari fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139, fejn applikabbli. Jenħtieġ li d-differenzi jsegwu l-format definit mill-ICAO fil-Formola dwar in-Notifika ta’ Konformità jew Differenzi tagħha jew fis-sistema tal-Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi, fejn meħtieġ mill-ICAO. Fejn, skont din id-Deċiżjoni, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni tkun stabbilita f’dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, jenħtieġ li tali dokument, fejn xieraq u fuq bażi ta’ każ b’każ, jindika jekk jenħtieġx li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri għan-notifika tad-differenzi inkwistjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tibda tħejji tali dokument kemm jista’ jkun malajr sabiex tippermetti biżżejjed ħin għal tali tħejjija, inkluż kwalunkwe konsultazzjoni xierqa li għandha titwettaq fil-livell tal-esperti.

    (13)

    Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma tinvolvix ksur tal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni jew l-obbligi internazzjonali tagħhom taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-iskadenza għan-notifika tad-differenzi lill-ICAO.

    (14)

    Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika għal perijodu limitat ta’ żmien, jiġifieri sa wara s-sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO wara l-Assemblea tal-ICAO li jmiss, sabiex il-Kunsill ikun jista’ jivvaluta l-effettività ta’ din id-Deċiżjoni u jiddeċiedi, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, jekk jestendix jew le l-applikazzjoni tagħha jew inkella jemendaha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) fir-rigward tan-notifika tad-differenzi fir-rigward tal-istandards li jinsabu fl-Annessi 1, 6, 8, 14, 18 u 19 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, sa fejn tali standards jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, għandha tiġi stabbilita skont il-kriterji u l-proċedura stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Fejn il-liġi tal-Unjoni tkun differenti mill-istandards imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u n-notifika lill-ICAO tad-differenzi fir-rigward ta’ dawk l-istandards tkun b’hekk meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kummissjoni għandha, fi żmien debitu u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tippreżenta lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument bil-miktub, ibbażat b’mod partikolari fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) f’konformità mal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139, fejn applikabbli, li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li għandhom jiġu notifikati lill-ICAO.

    Artikolu 3

    1.   Fejn Stat Membru jadotta, f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2018/1139, miżuri nazzjonali li jagħtu eżenzjonijiet li jikkonċernaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi individwali jew b’durata totali li ma taqbiżx tmien xhur, u fejn dawk il-miżuri nazzjonali jkunu differenti mill-istandards imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u li jeħtieġu n-notifika tad-differenzi għal dawk l-istandards f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dak l-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe differenza notifikata.

    2.   Fejn l-eżenzjonijiet mogħtija f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2018/1139 ikunu ta’ applikazzjoni ġenerali u d-durata totali tagħhom taqbeż tmien xhur, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifikaha b’dawk l-eżenzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, tippreżenta lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument bil-miktub, ibbażat b’mod partikolari fuq l-informazzjoni pprovduta mill-EASA f’konformità mal-Artikolu 90(4) ta’ dak ir-Regolament kif ukoll informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 71 ta’ dak ir-Regolament, li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li għandhom jiġu notifikati lill-ICAO.

    Artikolu 4

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhiex tinvolvi ksur tal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni jew l-obbligi internazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    Artikolu 5

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-ICAO għandha tiġi espressa mill-Istati Membri.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni tapplika sat-30 ta’ Novembru 2022. Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jestendi l-applikazzjoni tagħha jew inkella jemendaha.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. P. MATOS FERNANDES


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 tad-29 ta’ April 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 12).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/640 tat-23 ta’ April 2015 dwar l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal tip partikolari ta’ operazzjonijiet u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 18).

    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rapportar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).


    Top