Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0960

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/960 tat-30 ta’ April 2021 it-twaqqif ta’ Extreme Light Infrastructure — Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Extreme Light Infrastructure (ELI ERIC) (notifikata bid-dokument C(2021) 2923) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (It-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bl-Ungeriż, bit-Taljan u bil-Litwan biss huma awtentiċi)

    C/2021/2923

    ĠU L 212, 15.6.2021, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/960/oj

    15.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 212/3


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/960

    tat-30 ta’ April 2021

    it-twaqqif ta’ Extreme Light Infrastructure — Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Extreme Light Infrastructure (ELI ERIC)

    (notifikata bid-dokument C(2021) 2923)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (It-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bl-Ungeriż, bit-Taljan u bil-Litwan biss huma awtentiċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Iċ-Ċekja, l-Ungerija, l-Italja u l-Litwanja talbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-Extreme Light Infrastructure — Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Extreme Light Infrastructure (ELI ERIC). Il-Ġermanja u l-Bulgarija għarrfu d-deċiżjonijiet tagħhom li jipparteċipaw fl-ELI ERIC inizjalment bħala osservaturi. Huma qablu li r-Repubblika Ċeka se tkun l-Istat Membru ospitanti tal-ELI ERIC.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

    (3)

    Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (4)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Jitwaqqaf l-Extreme Light Infrastructure — Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Extreme Light Infrastructure (ELI ERIC).

    2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-ELI ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika tal-Litwanja u lill-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Mariya GABRIEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85)


    ANNESS

    ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-ELI ERIC

    Artikolu 1

    ISEM

    Għandu jkun hemm infrastruttura Ewropea ta’ riċerka b’sit wieħed b’faċilitajiet operazzjonali f’diversi pajjiżi membri tal-ELI ERIC, stabbilita bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 (1) u msemmija “L-Infrastruttura Ħafifa Ħafna ERIC” u komunement imsejħa “ELI ERIC”.

    Artikolu 2

    KOMPITI U ATTIVITAJIET

    1.   L-ELI ERIC għandu jopera l-faċilitajiet tal-laser b’potenza għolja deskritti fid-Deskrizzjoni Teknika u Xjentifika (Anness I) (il-“FAĊILITAJIET TAL-ELI”) bħala organizzazzjoni integrata waħda, b’governanza unifikata u bi struttura ta’ ġestjoni waħda. L-Assemblea Ġenerali tal-ELI ERIC (minn hawn ’il quddiem imsejħa “GA”) tista’ tirrikonoxxi u tinkludi FAĊILITAJIET TAL-ELI addizzjonali skont il-punt d) tal-Artikolu 25(9).

    2.   L-ELI ERIC għandu jimmaniġġja l-aċċess għall-FAĊILITAJIET TAL-ELI għall-utenti permezz ta’ sistema internazzjonali ta’ rieżami bejn il-pari. Sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, l-ELI ERIC għandu b’mod partikolari:

    a)

    Jisfrutta l-potenzjal xjentifiku sħiħ tal-FAĊILITAJIET TAL-ELI, billi jikkollabora mill-qrib mal-komunitajiet tal-utenti, jiżviluppa u jagħmel disponibbli sett ta’ sorsi u strumenti komplementari, jipprovdi servizzi effiċjenti u kundizzjonijiet ottimali għall-utenti, u billi jwettaq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għal utenti potenzjali ġodda;

    b)

    Isostni l-eċċellenza u jtejjeb il-valur, il-kwalità u l-effettività tal-komunitajiet ta’ riċerka tal-Membri permezz ta’ aċċess internazzjonali rieżaminat bejn il-pari;

    c)

    Jipprovdi pjattaforma unika għall-iżvilupp tal-għarfien lill-Membri billi jikkoordina r-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji rilevanti, jikkoordina t-taħriġ konġunt ta’ persunal xjentifiku u tekniku, u billi jippromwovi l-kollaborazzjoni bejn ċentri ta’ riċerka ewlenin u mal-industrija;

    d)

    Jiżviluppa u jimplimenta politika u strateġija għall-innovazzjoni, inklużi l-proprjetà intellettwali, l-isfruttament teknoloġiku, u l-appoġġ għall-iżvilupp industrijali;

    e)

    Jiżgura komunikazzjoni interna u esterna effiċjenti, jippromwovi l-attivitajiet tal-ELI ERIC u jxerred ir-riżultati xjentifiċi u tekniċi;

    f)

    Iwettaq kwalunkwe attività oħra b’appoġġ għall-objettivi tal-ELI ERIC.

    3.   L-ELI ERIC għandu jopera fuq bażi mhux ekonomika. L-ELI ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompiti prinċipali tiegħu, u ma jipperikolawx l-ilħuq ta’ dawn il-kompiti. Id-dettalji għandhom jiġu speċifikati fir-REGOLI FINANZJARJI.

    Artikolu 3

    SEDE STATUTORJA

    Is-Sede Statutorja tal-ELI ERIC għandha tkun f’Dolní Břežany, ir-Repubblika Ċeka.

    Artikolu 4

    DURATA U STRALĊ

    1.   L-ELI ERIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu inizjali ta’ 20 sena u jista’ jiġi estiż, soġġett għal deċiżjoni tal-GA f’konformità mal-punt f) tal-Artikolu 25(9).

    2.   L-istralċ tal-ELI ERIC għandu jirrikjedi deċiżjoni tal-GA f’konformità mal-punt k) tal-Artikolu 25(10) u jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009. Tali deċiżjoni għandha tinkludi mill-inqas:

    a)

    In-numru ta’ likwidaturi u regoli ta’ funzjonament tal-bord tal-likwidaturi f’każ ta’ pluralità tal-likwidaturi;

    b)

    Il-ħatra tal-likwidaturi u l-indikazzjoni tal-likwidatur li għandu jkun rappreżentant legali tal-istralċ tal-ELI ERIC;

    c)

    Il-kriterji għall-istralċ, inkluż it-trasferiment possibbli ta’ attivitajiet lil entità ġuridika oħra, u s-setgħat tal-likwidaturi.

    3.   Mingħajr dewmien żejjed wara l-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem wara tali għeluq, l-ELI ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan.

    4.   F’każ ta’ xoljiment, l-ELI ERIC għandu jibqa’ marbut fir-rigward tal-obbligi u l-impenji pendenti kollha fil-konfront ta’ partijiet terzi. Id-dekummissjonar u/jew l-użu mill-ġdid ta’ kull FAĊILITÀ TAL-ELI għandhom jiġu akkwistati mill-MEMBRU OSPITANTI rispettiv.

    Artikolu 5

    REĠIM TA’ OBBLIGAZZJONI

    1.   L-ELI ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

    2.   L-obbligazzjoni finanzjarja tal-MEMBRI għall-obbligi tal-ELI ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom lill-ELI ERIC fir-rigward tal-aħħar sena sħiħa ta’ operazzjonijiet.

    3.   L-ELI ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-operazzjonijiet tiegħu.

    Artikolu 6

    POLITIKA TA’ AĊĊESS GĦALL-UTENTI

    1.   L-ELI ERIC għandu joffri lill-UTENTI aċċess għall-FAĊILITAJIET TAL-ELI permezz ta’ proċess tal-għażla trasparenti bbażat fuq proċedura internazzjonali ta’ rieżami bejn il-pari ta’ proposti ġestiti permezz ta’ punt tad-dħul elettroniku komuni. Il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu bbażati fuq il-kwalità xjentifika u l-fattibbiltà tal-esperiment. L-aspetti etiċi involuti fl-evalwazzjoni tal-proposti jew fil-prestazzjoni tal-aċċess jenħtieġ li jiġu indirizzati bl-appoġġ tal-Kumitat Konsultattiv tal-Etika msemmi fl-Artikolu 29.

    2.   L-UTENTI li jirrikjedu u jaċċessaw servizzi tekniċi u/jew xjentifiċi barra mill-aċċess ibbażat fuq l-għażla tar-rieżami bejn il-pari għandhom iħallsu l-prezz xieraq tas-servizzi riċevuti, f’konformità mal-limiti kif imsemmi fl-Artikolu 2(3).

    3.   Il-prinċipji tal-POLITIKA TA’ AĊĊESS GĦALL-UTENTI huma deskritti fl-Anness I ta’ dawn l-Istatuti u għandhom jiġu ddefiniti u spjegati fid-dettall f’politika speċifika. Dik il-politika għandha tqis il-qafas ġuridiku Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data relatat mal-kondiviżjoni ta’ data personali tal-UTENTI fost il-MEMBRI.

    Artikolu 7

    POLITIKA TAL-EVALWAZZJONI XJENTIFIKA

    1.   L-ELI ERIC għandu jevalwa u jkejjel regolarment il-kwalità tal-attivitajiet xjentifiċi tiegħu permezz ta’ rieżami internazzjonali bejn il-pari, inkluża valutazzjoni perjodika tal-impatt tiegħu fuq iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, ir-reġjuni li jospitaw l-attivitajiet tiegħu u fil-livell internazzjonali.

    2.   L-ELI ERIC għandu jiżgura li r-riċerka mwettqa mill-UTENTI tiegħu tissodisfa l-ogħla standards ta’ kwalità u eċċellenza u għandu jippromwovi t-taħriġ u l-iskambji tal-aħjar prattiki. L-aspetti etiċi jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-Kumitat Konsultattiv tal-Etika msemmi fl-Artikolu 29. L-ELI ERIC għandu jivvaluta l-impatt u l-effettività tal-politika ta’ riċerka u t-tfassil tal-programm tiegħu, kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex jiġu appoġġati dawn l-istandards.

    Artikolu 8

    POLITIKA DWAR IT-TIXRID

    1.   Il-kompiti u l-attivitajiet tal-ELI ERIC għandhom l-għan li jsaħħu r-riċerka, l-iżvilupp tat-teknoloġija, u l-innovazzjoni fl-Ewropa u madwar id-dinja. B’mod partikolari, l-ELI ERIC se jwettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ tixrid biex jappoġġa dak l-għan, bl-użu ta’ varjetà ta’ pjattaformi biex jilħaq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u lill-pubbliku ġenerali.

    2.   L-ELI ERIC għandu jippromwovi t-tixrid lill-komunità tar-riċerka, lill-industrija, u lill-pubbliku ġenerali tal-attivitajiet xjentifiċi, tar-riżultati, tal-pubblikazzjonijiet, u tal-għarfien xjentifiku u tekniku li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu. B’mod konsistenti mal-Artikolu 6, fejn l-aċċess huwa miftuħ, u mogħti abbażi ta’ eċċellenza xjentifika, l-ELI ERIC għandu jsegwi wkoll politika ta’ aċċess miftuħ għal settijiet ta’ data u metadata ĠUSTI, kif imsemmi fl-Artikolu 13, kif ukoll għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi derivati minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi mwettqa fl-ELI ERIC.

    Artikolu 9

    POLITIKA DWAR ID-DRITTIJIET TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI

    1.   It-terminu “Proprjetà Intellettwali” għandu jinftiehem f’konformità mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.

    2.   Soġġett għat-terminu ta’ kwalunkwe kuntratt bejn l-ELI ERIC u l-utenti, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali maħluqa, miksuba jew żviluppati mill-utenti għandhom ikunu proprjetà ta’ dawk l-utenti.

    3.   L-ELI ERIC għandu jadotta Politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali u proċessi u proċeduri speċifiċi f’konformità mal-punt e) tal-Artikolu 25(10).

    Artikolu 10

    POLITIKA TAL-IMPJIEGI

    1.   L-ELI ERIC għandu jiżgura trattament u opportunitajiet ugwali għall-persunal tiegħu u għandu jappoġġa l-mobbiltà bl-għan li jrawwem taħriġ professjonali u żvilupp tal-persunal.

    2.   Il-politika ta’ reklutaġġ u ta’ ġestjoni tal-persunal għandha tiġi ddefinita mid-Direttur Ġenerali tal-ELI ERIC (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “DĠ”) u approvata mill-GA. Il-politika tal-impjiegi għandha tapplika proċeduri ta’ għażla u ta’ evalwazzjoni fil-livell internazzjonali, kif ukoll prinċipji ta’ remunerazzjoni li għandhom l-għan li jattiraw u jżommu persunal bi kwalifiki għoljin b’mod kompetittiv. Il-proċeduri tal-għażla għall-karigi tal-persunal tal-ELI ERIC għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji u jirrispettaw l-opportunitajiet ugwali. Ir-reklutaġġ u l-impjieg ma għandhomx ikunu diskriminatorji.

    3.   L-ELI ERIC għandu jkollu politika tal-impjiegi waħda definita f’konformità mal-liġijiet tal-pajjiżi li fihom ikun impjegat il-persunal.

    Artikolu 11

    POLITIKA TAL-AKKWIST

    Id-DĠ tal-ELI ERIC għandu jiddefinixxi politika tal-akkwist li għandha tiġi approvata mill-GA. Din il-politika tal-akkwist għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tar-rikonoxximent reċiproku, tat-trattament ugwali, tal-kompetizzjoni u tan-nondiskriminazzjoni.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal- 25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1).


    Top