EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0752

Deċiżjoni (UE) 2021/752 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-30 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2021/21)

ĠU L 161, 7.5.2021, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/752/oj

7.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/1


DEĊIŻJONI (UE) 2021/752 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-30 ta’ April 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2021/21)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (1);

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510, (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-għodda, l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(2)

Fit-22 ta’ Lulju 2019, fit-twettiq tal-mandat tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u sabiex jiġu ppreżervati kundizzjonijiet ta’ tislif bankarju favorevoli u biex jappoġġja l-pożizzjoni aġevolanti tal-politika monetarja fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/21) (2). Din id-Deċiżjoni pprovdiet għat-tielet sensiela ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs-III) li għandhom jitwettqu matul il-perijodu minn Settembru 2019 sa Marzu 2021.

(3)

Fit-12 ta’ Marzu 2020, sabiex jappoġġa s-self mill-banek lil dawk l-aktar milquta mill-imxija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19), b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jbiddel ċerti parametri ewlenin tat-TLTROs-III. Barra minn hekk, fit-30 ta’ April 2020, sabiex ikompli jiġi appoġġat l-għoti ta’ kreditu lil unitajiet domestiċi u ditti quddiem it-tfixkil ekonomiku prevalenti u inċertezza kbira, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar ċerti bidliet ulterjuri għal dawn il-parametri. Id-Deċiżjoni (UE) 2020/407 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/13) (3) u d-Deċiżjoni (UE) 2020/614 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/25) (4) jimplimentaw dawn il-bidliet.

(4)

Fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jadotta miżuri addizzjonali ta’ politika monetarja bil-għan li jikkontribwixxi għall-preservazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal-pandemija, u b’hekk jappoġġa l-fluss ta’ kreditu lis-setturi kollha tal-ekonomija, filwaqt li jirfed l-attività ekonomika u jissalvagwardja l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju. Bħala parti minn dawn il-miżuri, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkalibra mill-ġdid u aktar il-kundizzjonijiet tat-TLTROs-III. B’mod partikolari, ittieħdet id-deċiżjoni biex jiġi estiż il-perjodu li matulu ser japplikaw termini konsiderevolment aktar favorevoli sa Ġunju 2022, li tliet operazzjonijiet addizzjonali ser jitwettqu bejn Ġunju u Diċembru 2021, u li jiżdied l-ammont totali li l-kontropartijiet tal-Eurosistema ser ikunu intitolati jissellfu fit-TLTROs-III minn 50 % għal 55 % tal-istokk tagħhom ta’ self eliġibbli. Sabiex jiġi pprovdut inċentiv għall-banek biex isostnu l-livell attwali ta’ self mill-banek, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li l-estensjoni tat-termini aktar favorevoli fuq it-TLTROs-III sa Ġunju 2022 se tkun disponibbli biss għall-banek li jilħqu mira ġdida tal-prestazzjoni tas-self. Id-Deċiżjoni (UE) 2021/124 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/3) implimentat dawn il-bidliet (5).

(5)

Is-sanzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi stabbiliti għas-sottomissjoni tar-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditur għandhom jiġu aġġustati biex jagħmlu r-reġim ta’ sanzjonijiet aktar proporzjonat filwaqt li xorta waħda jimmiraw li jiżguraw li l-parteċipanti jikkonformaw mal-iskadenzi stabbiliti. Barra minn hekk, il-każijiet li fihom il-parteċipanti jitħallew jaqilbu minn parteċipazzjoni individwali għal waħda fi grupp jew li jingħaqdu ma’ gruppi TLTRO-III eżistenti kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita f’tali każijiet għandhom jiġu ċċarati. Barra minn hekk, għandu jsir provvediment għal eżenzjoni mill-obbligu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni oħra ta’ awditur fir-rigward ta’ rapporti riveduti minħabba riorganizzazzjonijiet korporattivi jew bidliet fil-kompożizzjoni tal-gruppi TLTRO-III. Fl-aħħar, ir-rekwiżiti ta’ rapportar u l-kalkoli tar-rata ta' imgħax rilevanti f’każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp tat-TLTRO-III jew ta’ riorganizzazzjoni korporattiva li sseħħ bejn l-1 ta’ April 2021 u l-31 ta’ Diċembru, għandhom jiġu ċċarati.

(6)

Dawn il-bidliet għas-sanzjonijiet għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar u awditjar u d-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ riorganizzazzjonijiet korporattivi li jseħħu wara l-31 ta’ Marzu 2021 għall-fini tal-kalkolu tar-rati tal-imgħax TLTRO-III introdotti minn din id-Deċiżjoni għandhom jiġu mgħarrfa lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 (BĊE/2019/21) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 (BĊE/2019/21) hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1, il-punt 17 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘(17)

"parteċipant” tfisser kontroparti eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ suq miftuħ tal-politika monetarja tal-Eurosistema b’konformità mal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), li jagħmel offerti fi proċeduri tal-offerti tat-TLTRO-III jew fuq bażi individwali jew fuq bażi ta’ grupp bħala istituzzjoni prinċipali, u li huwa soġġett għad-drittijiet u l-obbligi kollha marbutin mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċeduri tal-offerta tat-TLTRO-III, eskluż istituzzjoni ta' kreditu li ħallset lura s-self TLTRO-III kollu;

2.

fl-Artikolu 3(2), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘(d)

il-kompożizzjoni u l-istituzzjoni prinċipali ta’ grupp tat-TLTRO-III għandhom jibqgħu l-istess għat-TLTROs-III kollha, bla ħsara għall-paragrafi 5, 5a, 6 u 6a ta' dan l-Artikolu.’;

3.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu (5a) huwa mibdul b’li ġej:

“5a.   F’każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li jippermetti lill-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fit-TLTROs-III fuq bażi individwali biex minflok jipparteċipaw fit-TLTROs-III futuri fuq bażi ta’ grupp billi jingħaqdu ma’ grupp TLTRO-III eżistenti jew billi jiffurmaw grupp ġdid tat-TLTRO-III Dak il-grupp TLTRO-III u kull wieħed mill-membri tiegħu għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.”;

4.

fl-Artikolu 3(6), il-frażi introduttorja fil-punt (b) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Jekk, fir-rigward tal-grupp TLTRO-III, istituzzjoni ta’ kreditu li mhijiex parteċipant jew membru ta’ grupp TLTRO-III tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3)(a)(i) jew (ii) b’effett wara, iżda mhux fi jew qabel, l-aħħar jum tax-xahar li jippreċedi l-applikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, il-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-III tista’ tinbidel biex tirrifletti ż-żieda ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu bħala membru ġdid, diment li:”;

5.

fl-Artikolu 3, għandu jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

‘6a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5a, istituzzjoni li tipparteċipa fit-TLTROs-III fuq bażi individwali tista’ minflok tipparteċipa fi TLTROs-III futuri fuq bażi ta’ grupp billi tifforma grupp TLTRO-III, diment li:

(a)

il-membri ta’ dak il-grupp TLTRO-III huma istituzzjonijiet ta’ kreditu li mhumiex jipparteċipaw fit-TLTROs-III fuq bażi individwali jew bħala membri ta’ grupp TLTRO-III ieħor u jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3)(a)(i) jew l-Artikolu 3(3)(a)(ii) b’effett wara, iżda mhux fi jew qabel, l-aħħar jum tax-xahar li jippreċedi l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3)(d); u

(b)

dak il-grupp TLTRO-III u kull wieħed mill-membri tiegħu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.’

6.

fl-Artikolu 3(7), il-frażi introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

‘Meta tibdil fil-kompożizzjoni ta’ grupp TLTRO-III jiġi aċċettat mill-Kunsill Governattiv skont il-paragrafu 5, jiġi kkreat grupp TLTRO-III ġdid skont il-paragrafu 5a jew il-paragrafu 6a, jew tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-gruppi TLTRO-III ikunu seħħew skont il-paragrafu 6, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jkunx iddeċieda mod ieħor, dan li ġej għandu japplika:

7.

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

‘Jekk minħabba l-eżerċizzju ta’ rimedji disponibbli għal BĊN skont l-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji tiegħu, parteċipant huwa meħtieġ li jħallas lura ammonti pendenti TLTRO-III fit-tmien TLTROs-III jew TLTROs-III sussegwenti qabel ma r-rata tal-imgħax li tirriżulta għall-perjodu ta’ referenza speċjali addizzjonali tkun ġiet ikkomunikata lill-parteċipant, ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-ammonti mislufa minn dak il-parteċipant taħt it-tmien TLTROs-III jew TLTROs-III sussegwenti u soġġett għal ħlas lura obbligatorju għandha tiġi stabbilita skont il-paragrafu 3c. Jekk tali ħlas lura jkun meħtieġ wara li d-data relatata mal-imgħax tal-perjodu ta’ referenza speċjali addizzjonali tkun ġiet ikkomunikata lill-parteċipant, ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-ammonti mislufa minn dak il-parteċipant taħt it-tmien TLTROs-III jew tat-TLTROs-III sussegwenti u soġġett għal ħlas lura obbligatorju għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-paragrafi 3b u 3c.’;

8.

fl-Artikolu 6, għandu jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej:

“7a.   Meta l-ewwel rapport rivedut jiġi ppreżentat minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-III jew riorganizzazzjoni korporattiva skont il-punt (a) tal-paragrafu 7, tali bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-III jew fir-riorganizzazzjoni korporattiva għandha titqies fis-sottomissjoni tat-tieni u t-tielet rapporti skont il-paragrafu 1.

Meta l-ewwel rapport rivedut jiġi ppreżentat minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-III jew riorganizzazzjoni korporattiva skont il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 7, tali bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-III jew fir-riorganizzazzjoni korporattiva għandha titqies fis-sottomissjoni tat-tielet rapport skont il-paragrafu 1, u t-tieni rapport ma għandux jiġi rivedut.”;

9.

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 8a huwa mibdul b’li ġej:

“8a.   Parteċipant li jissottometti l-ewwel rapport rivedut skont il-paragrafu 7 għandu jiżgura li l-kwalità tad-data ppreżentata f’dak l-ewwel rapport rivedut tiġi evalwata minn awditur estern skont ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 6. Dik l-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport rivedut għandha tkun disponibbli għall-BĊN rilevanti kif ġej:

(a)

fejn ir-reviżjonijiet jikkonċernaw il-partiti supplimentari, l-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dawn l-entrati supplimentari għandha tiġi pprovduta flimkien mal-ewwel rapport rivedut;

(b)

meta l-parteċipant jissottometti l-ewwel rapport rivedut skont il-paragrafu 7 (a), l-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dawk ir-reviżjonijiet għandha tkun disponibbli għall-BĊN rilevanti sat-30 ta’ Lulju 2021, kif speċifikat fil-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE;

(c)

meta l-parteċipant jissottometti l-ewwel rapport rivedut skont il-paragrafu 7(b) jew il-paragrafu 7(c), l-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dawk ir-reviżjonijiet għandha tkun disponibbli għall-BĊN rilevanti sal-iskadenza speċifikata fil-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE għas-sottomissjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur għall-parteċipanti li jipparteċipaw għall-ewwel darba fit-tmien operazzjoni tat-TLTROs-III jew dawk sussegwenti.”;

10.

fl-Artikolu 6 għandu jiddaħħal il-paragrafu 8b li ġej:

“8b.   B’eċċezzjoni mill-paragrafu 8a, parteċipant li jkun għamel ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport disponibbli lill-BĊN rilevanti u sussegwentement jissottometti l-ewwel rapport rivedut skont il-paragrafu 7 m’għandux ikun meħtieġ iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-BĊN rilevanti evalwazzjoni tal-awditur ġdida ta’ dak l-ewwel rapport rivedut jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ir-riorganizzazzjoni korporattiva hija fużjoni jew akkwiżizzjoni li tinvolvi, waħda jew aktar, istituzzjoni ta’ kreditu akkwistata li huma kollha parteċipanti fit-TLTROs-III fuq bażi individwali jew tinvolvi istituzzjonijiet ta’ kreditu li tinkludi grupp sħiħ tat-TLTRO-III;

(b)

l-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport għal kull parteċipant akkwistat fuq bażi individwali jew għall-grupp TLTRO-III akkwistat saret disponibbli, separatament, lill-BĊN rilevanti qabel ma seħħet ir-riorganizzazzjoni korporattiva; u

(c)

ir-reviżjonijiet ma jikkonċernawx il-partiti supplimentari msemmija fl-ewwel rapport.”

11.

jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej:

‘Artikolu 6a

Kalkolu tar-rata ta' imgħax f’każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp tat-TLTRO-III jew ta’ riorganizzazzjoni korporattiva li sseħħ bejn l-1 ta’ April 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021

1.   Fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-III jew ta’ riorganizzazzjoni korporattiva li tinvolvi parteċipanti li jipparteċipaw fl-ewwel seba’ TLTROs-III fuq bażi individwali jew fuq bażi ta’ grupp fejn dik il-bidla sseħħ bejn l-1 ta’ April 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021, ir-rata ta’ imgħax applikabbli għal ammonti mislufa taħt kull wieħed mill-ewwel seba’ TLTROs-III għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

(a)

matul il-perjodu sat-23 ta’ Ġunju 2021, ir-rata tal-imgħax għandha tiġi kkalkulata abbażi tad-data relatata mar-rata tal-imgħax relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza u l-perjodu ta’ referenza speċjali filwaqt li titqies il-prestazzjoni tas-self individwali ta’ kull wieħed mill-parteċipanti, u filwaqt li jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-kalkolu tar-rata tal-imgħax;

(b)

matul il-perijodu li jibda fl-24 ta’ Ġunju 2021 u li jkompli sal-maturità, ir-rata tal-imgħax għandha tiġi kkalkolata abbażi tad-data relatata mar-rata tal-imgħax għall-perjodu ta’ referenza speċjali addizzjonali relatat mal-istituzzjoni li tirriżulta mir-riorganizzazzjoni korporattiva jew relatata mal-grupp TLTRO-III wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp (sakemm ma tkunx meħtieġa rata aktar favorevoli abbażi tad-data relatata mar-rata tal-imgħax relatata mat-tieni perijodu ta’ referenza u l-perijodu ta’ referenza speċjali skont il-prestazzjoni(jiet) ta’ self individwali tal-parteċipant) u filwaqt li jitqiesu ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-kalkolu tar-rata tal-imgħax.

2.   Fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-III jew ta’ riorganizzazzjoni korporattiva li tinvolvi parteċipanti li jipparteċipaw fl-ewwel seba’ TLTROs-III fuq bażi individwali jew fuq bażi ta’ grupp meta dik il-bidla sseħħ bejn l-1 ta’ April 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021, ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-ammonti mislufa taħt kull waħda mit-tmien TLTROs-III jew dawk sussegwenti għandha tiġi kkalkulata abbażi tad-data relatata mar-rata tal-imgħax għall-perjodu ta’ referenza speċjali addizzjonali relatat mal-istituzzjoni li tirriżulta mir-riorganizzazzjoni korporattiva jew li tirrigwarda l-grupp TLTRO-III wara t-tibdil fil-kompożizzjoni ta grupp.’;

12.

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 7

Nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar

1.   Meta parteċipant jonqos milli jissottometti rapport jew jikkonforma mar-rekwiżiti tal-verifika, jew fejn jiġu identifikati żbalji fid-data rapportata, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a)

jekk parteċiplant jonqos milli jagħmel disponibbli l-ewwel rapport lill-BĊN rilevanti sal-iskadenza rilevanti, il-limitu għas-self tiegħu għandu jiġi ffissat għal żero.

(b)

jekk parteċipant jonqos milli jagħmel ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport disponibbli lill-BĊN rilevanti sal-iskadenza rilevanti speċifikata fil-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

jekk l-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport tiġi riċevuta mill-BĊN rilevanti fi żmien il-perjodu ta’ 14-il jum tal-kalendarju li jibdew fil-jum wara li tagħlaq l-iskadenza rilevanti, il-parteċipant għandu jġarrab għal kull jum sakemm tali evalwazzjoni tiġi riċevuta penali ugwali għall-ammont pendenti totali meħud b’self mill-parteċipant taħt it-TLTROs-III diviż b’ 1 000 000 (jew jekk dak l-ammont ikun inqas minn EUR 1 000, penali ta’ EUR 1 000 għal kull jum sakemm tasal l-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport). Il-penali mġarrba kull jum għandhom jiġu akkumulati u imposti fuq il-parteċipant mill-BĊN rilevanti wara li tkun waslet l-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport;

(ii)

jekk l-evalwazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport ma tiġix riċevuta mill-BĊN rilevanti fil-perjodu ta’ 14-il jum kalendarju speċifikat fil-punt (i), il-parteċipant għandu jħallas lura l-ammonti pendenti meħuda b’self skont dawk l-operazzjonijiet TLTROs-III li b’referenza għalihom ġie kkalkulat il-provvediment għat-teħid b’self fuq il-bażi tal-ewwel rapport li għalih l-evalwazzjoni tal-awditur ma jkunx ġie riċevut. Il-parteċipant għandu jħallas lura dawn l-ammonti fil-jum ta’ saldu tal-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament li jmiss bir-rata medja fuq l-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament tul il-ħajja ta’ kull TLTRO-III rispettiv sal-jum tas-saldu tal-ħlas lura, ħlief matul il-perjodu tar-rata tal-imgħax speċjali u l-perjodu addizzjonali tar-rata tal-imgħax speċjali, meta għandha tapplika r-rata medja fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament matul kull tali perjodu nieqes 50 punt bażi;

(c)

jekk parteċipant f’wieħed mill-ewwel seba’ TLTROs-III jonqos milli jagħmel id-data relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ dik id-data mill-awditur disponibbli lill-BĊN rilevanti sal-iskadenza rilevanti speċifikata fil-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

jekk jew id-data relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data tasal għand il-BĊN rilevanti fil-perjodu ta’ 14-il jum tal-kalendarju li jibda fil-jum wara li tkun għaddiet l-iskadenza rilevanti, il-parteċipant għandu jġarrab għal kull jum sakemm tiġi riċevuta penali ugwali għall-ammont pendenti totali meħud b’self mill-parteċipant taħt it-TLTROs-III diviż b’ 1 000 000 (jew jekk dak l-ammont ikun inqas minn EUR 1 000, penali ta’ EUR 1 000 għal kull jum sakemm tiġi riċevuta). Il-penali mġarrba kull jum għandhom jiġu akkumulati u imposti fuq il-parteċipant mill-BĊN rilevanti wara li jirċievi d-data kollha relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data. Id-data relatata mar-rata tal-imgħax relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza għandha tiġi kkommunikata mill-BĊN rilevanti lill-parteċipant fl-1 ta’ Ottubru 2021;

(ii)

jekk jew id-data relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data ma jiġux riċevuti mill-BĊN rilevanti fil-perijodu ta’ 14-il jum kalendarju speċifikat fil-punt (i), ir-rata medja fuq l-operazzjoni prinċipali ta’ rifinanzjament matul il-ħajja ta’ kull TLTRO-III rispettiv għandha tapplika għall-ammonti meħudin b’self minn dak il-parteċipant taħt it-TLTROs-III, ħlief matul il-perjodu ta’ rata tal-imgħax speċjali u l-perjodu addizzjonali ta’ rata tal-imgħax speċjali, meta għandha tapplika r-rata medja fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament matul kull tali perjodu nieqes 50 punt bażi, sakemm il-parteċipant ma jingħatax rata aħjar bħala riżultat tal-prestazzjoni tas-self tiegħu matul it-tielet perjodu ta’ referenza. Jekk hija d-data relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza fit-tieni rapport li ma tiġix riċevuta mill-BĊN rilevanti fil-perijodu ta’ 14-il jum kalendarju speċifikat fil-punt (i), il-parteċipant għandu jeħel ukoll penali ta’ EUR 5 000 li għandha tiġi imposta fuq il-parteċipant mill-BĊN rilevanti wara li jirċievi d-data kollha relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza fit-tieni rapport.

Minkejja l-paragrafu preċedenti ta’ dan il-punt (ii), jekk il-parteċipant jipprovdi biss id-data għall-perjodu ta’ referenza speċjali tat-tieni rapport u l-evalwazzjoni tal-awditur ta’ din id-data, u s-self nett eliġibbli tal-parteċipant matul il-perjodu ta’ referenza speċjali huwa daqs jew jaqbeż il-kriterju ta' referenza tiegħu ta' self nett, ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-ammonti meħuda b’self mill-parteċipant għandha tiġi kkalkolata skont l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 5(3a) soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3a) u l-Artikolu 6(3b) rispettivament.

(d)

jekk parteċipant f’wieħed mill-ewwel seba’ TLTROs-III jonqos milli jagħmel id-data relatata mal-perijodu ta’ referenza speċjali fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditu ta’ dik id-data disponibbli lill-BĊN rilevanti sal-iskadenza rilevanti speċifikata fil-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

jekk jew id-data relatata mal-perijodu ta’ referenza speċjali fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data tasal għand il-BĊN rilevanti fil-perijodu ta’ 14-il jum tal-kalendarju li jibda fil-jum wara li tkun għaddiet l-iskadenza rilevanti, il-parteċipant għandu jġarrab għal kull jum sakemm tiġi riċevuta penali ugwali għall-ammont pendenti totali meħud b’self mill-parteċipant taħt it-TLTROs-III diviż b’ 1 000 000 (jew jekk dak l-ammont ikun inqas minn EUR 1 000 kuljum, penali ta’ EUR 1 000 għal kull jum sakemm tiġi riċevuta). Il-penali mġarrba kull jum għandhom jiġu akkumulati u imposti fuq il-parteċipant mill-BĊN rilevanti wara li jirċievi d-data kollha relatata mal-perjodu ta’ referenza speċjali fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data. Id-data relatata mar-rata tal-imgħax relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza għandha tiġi kkommunikata mill-BĊN rilevanti lill-parteċipant fl-1 ta’ Ottubru 2021;

(ii)

jekk jew id-data relatata mal-perjodu ta’ referenza speċjali fit-tieni rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data ma jiġux riċevuti mill-BĊN rilevanti fil-perijodu ta’ 14-il jum kalendarju speċifikat fil-punt (i), is-self nett eliġibbli tal-parteċipant matul il-perijodu ta’ referenza speċjali għandu jitqies bħala inqas mill-kriterju ta’ referenza tiegħu ta’ self nett u l-parteċipant ma jistax jieħu vantaġġ mir-rata tal-imgħax stabbilita fl-Artikolu 5(1);

(e)

jekk il-penali finanzjarja skont il-punt (c)(i) tiġi imposta mill-BĊN rilevanti, il-penali finanzjarja skont il-punt (d)(i) ma għandhiex tiġi imposta. Bl-istess mod, jekk il-penali finanzjarja skont il-punt (d)(i) tiġi imposta mill-BĊN rilevanti, il-penali finanzjarja skont il-punt (c)(i) ma għandhiex tiġi imposta;

(f)

jekk parteċipant jonqos milli jagħmel id-data relatata mat-tielet rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur tad-data relatata mat-tielet rapport disponibbli lill-BĊN rilevanti sal-iskadenza rilevanti speċifikata fil-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

jekk jew id-data relatata mat-tielet rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data tasal għand il-BĊN rilevanti fi żmien il-perjodu ta’ 14-il jum tal-kalendarju li jibdew fil-jum wara li tkun għaddiet l-iskadenza rilevanti, il-parteċipant, għal kull jum sakemm jiġi riċevut, għandu jġarrab penali ugwali għall-ammont pendenti totali meħud b’self mill-parteċipant taħt it-TLTROs-III diviż b’ 1 000 000 (jew jekk dak l-ammont ikun inqas minn EUR 1 000, penali ta’ EUR 1 000 għal kull jum sakemm jasal). Il-penali mġarrba kull jum għandhom jiġu akkumulati u imposti fuq il-parteċipant mill-BĊN rilevanti wara li jirċievi d-data kollha relatata mat-tielet rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data. Id-data relatata mar-rata tal-imgħax relatata mat-tieni perjodu ta’ referenza għandha tiġi kkommunikata mill-BĊN rilevanti lill-parteċipant fl-1 ta’ Lulju 2022;

(ii)

jekk jew id-data relatata mat-tielet rapport jew ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur ta’ dik id-data ma jiġux riċevuti mill-BĊN rilevanti fil-perijodu ta’ 14-il jum tal-kalendarju speċifikat fil-punt (i), ir-rata tal-imgħax ikkalkulata skont l-Artikolu 5(1)(b), 5 (2)(b) jew 5 (3)(b) (jekk il-parteċipant ikun diġà pparteċipa f’wieħed mill-ewwel seba’ TLTROs-III), jew skont l-Artikolu 5(3c)(a) (jekk il-parteċipant ikun ipparteċipa fit-tmien TLTROs-III jew dawk sussegwenti), għandha tapplika matul il-perjodu tar-rata tal-imgħax speċjali addizzjonali għall-ammonti meħuda b’self minn dak il-parteċipant taħt dawk it-TLTROs-III, filwaqt li matul il-perjodu ta’ wara l-perjodu tar-rata tal-imgħax speċjali, ir-rata għandha tiġi kkalkulata skont Artikoli 5(1)(c), 5(2)(c), 5(3)(c) jew 5(3c)(b). Jekk hija d-data relatata mat-tielet rapport li ma tiġix riċevuta mill-BĊN rilevanti fil-perjodu ta’ 14-il jum tal-kalendarju speċifikat fil-punt (i), il-parteċipant għandu jeħel ukoll penali ta’ EUR 5 000, li għandha tiġi imposta fuq il-parteċipant mill-BĊN rilevanti wara li jirċievi d-data kollha relatata mat-tielet rapport.;

(g)

jekk parteċipant jonqos milli b’mod ieħor jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(6), (7) jew (8a), ir-rata medja fuq l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin matul il-ħajja ta’ kull TLTRO-III rispettiv għandha tapplika għall-ammonti meħuda b'self minn dak il-parteċipant taħt it-TLTROs-III, ħlief matul il-perjodu tar-rata tal-imgħax speċjali u l-perjodu addizzjonali tar-rata tal-imgħax speċjali meta għandha tapplika r-rata medja fuq l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin nieqes 50 punt bażi matul kull perjodu bħal dan;

(h)

jekk parteċipant, jew fir-rigward tal-verifika msemmija fl-Artikolu 6(6) u 6(8a) jew b’xi mod ieħor, jidentifika żbalji fid-data sottomessa fir-rapporti, inklużi ineżattezzi jew inkompletezza, għandu jinnotifika lill-BĊN rilevanti bihom fl-iqsar żmien possibbli. Meta l-BĊN rilevanti ikun ġie nnotifkat b'dawn l-iżbalji, ineżattezzi jew omissjonijiet, jew fejn dawn l-iżbalji, ineżattezzi jew omissjonijiet jaslu għall-attenzjoni tiegħu mod ieħor: (i) il-parteċipant għandu jipprovdi kull informazzjoni addizzjonali mitluba mill-BĊN rilevanti fl-iqsar żmien possibbli biex jgħin fil-valutazzjoni tal-impatt tal-iżbalji, ineżattezzi jew omissjonijiet ikkonċernati; u (ii) il-BĊN rilevanti jista' jieħu l-azzjoni xierqa, li tista' tinkludi kalkolu mill-ġdid tal-valuri rilevanti li, min-naħa tagħhom jistgħu jaffettwaw ir-rata tal-imgħax applikata lis-self tal-parteċipant taħt it-TLTROs-III u rekwiżit għall-ħlas lura tal-ammonti mislufa li, minħabba l-iżball, ineżattezza jew ommissjoni jaqbżu l-limitu fuq is-self tal-parteċipant. Il-parteċipanti għandhom juru li kwalunkwe nuqqas identifikat mill-verifika msemmija fl-Artikoli 6(6) u 6(8a) ġie indirizzat fid-data rrapportata lill-BĊNi skont il-perjodu ta’ żmien mitlub mill-BĊN rilevanti u, fejn in-nuqqasijiet jiġu identifikati mill-evalwazzjoni tal-awditur tat-tieni rapport jew it-tielet rapport, sa data ta’ skadenza li tippermetti l-komunikazzjoni fil-ħin ta’ data relatata mar-rata tal-imgħax mill-BĊN rilevanti abbażi tad-data rispettiva skont il-kalendarju indikattiv fuq is-sit web tal-BĊE.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe sanzjoni li tista’ tiġi imposta skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/10 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*1) fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33).

3.   Sabiex jiġi evitat kull dubju, ir-rekwiżiti ta’ rapportar u s-sanzjonijiet relatati f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw biss jekk il-parteċipant jipparteċipa fit-TLTROs-III.

(*1)  Deċiżjoni BĊE/2010/10 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Awwissu 2010 dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rapportar tal-istatistika (ĠU L 226, 28.8.2010, p. 48).’;"

13.

fl-Anness II, il-punt (3) fit-tielet inċiż (Riklassifikazzjonijiet (3.2C)) tal-punt (c) (ii) tat-Taqsima 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(3)

L-aġġustamenti li jirriżultaw mill-korrezzjoni ta' żbalji ta' rapportar, skont l-istruzzjonijiet riċevuti mill-BĊN rilevanti skont il-punt (h) tal-Artikolu 7(1);’.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-30 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Lulju 2019 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/21) (ĠU L 204, 2.8.2019, p. 100).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2020/407 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2020/13) (ĠU L 80, 17.3.2020, p. 23).

(4)  Deċiżjoni (UE) 2020/614 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-30 ta’ April 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2020/25) (ĠU L 141, 5.5.2020, p. 28).

(5)  Deċiżjoni (UE) 2021/124 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Jannar 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2021/3) (ĠU L 38, 3.2.2021, p. 93).


Top