This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D0750
Council Decision (CFSP) 2021/750 of 6 May 2021 on the participation of the United States of America in the PESCO project Military Mobility
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/750 tas-6 ta’ Mejju 2021 dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/750 tas-6 ta’ Mejju 2021 dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari
ST/7559/2021/INIT
ĠU L 160, 7.5.2021, p. 112–114
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
7.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 160/112 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/750
tas-6 ta’ Mejju 2021
dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li qed jieħdu sehem fi proġett jixtiequ jistiednu biex jieħu sehem f’dak il-proġett, jissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill. |
(2) |
Fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 (3). L-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li proġett intitolat “Mobbiltà Militari” (il-“Proġett PESCO Mobbiltà Militari”) għandu jiġi żviluppat taħt il-PESCO minn 24 membru tal-proġett, inkluż in-Netherlands bħala koordinatur tal-proġett. |
(3) |
Fil-5 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li stabbiliet il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO. L-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li, abbażi ta’ notifika mill-koordinatur jew il-koordinaturi ta’ proġett tal-PESCO, u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat terz f’dak il-proġett tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. |
(4) |
Fit-23 ta’ Frar 2021, l-Istati Uniti tal-Amerka (l-“Istati Uniti”) bagħtu lill-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari t-talba tagħhom għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-membri tal-proġett imbagħad ivvalutaw, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Uniti, jekk huma jikkonformawx mal-kondizzjonijiet ġenerali, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dik id-Deċiżjoni. |
(5) |
Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari innotifika lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li l-membri ta’ dak il-proġett kienu qablu b’mod unanimu f’dik id-data li jixtiequ jistiednu lill-Istati Uniti biex jipparteċipaw f’dak il-proġett. Il-membri tal-proġett qablu b’mod unanimu wkoll dwar l-ambitu, il-forma u l-istadji rilevanti tal-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti f’dak il-proġett, u li l-Istati Uniti jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni. |
(6) |
Fit-30 ta’ Marzu 2021, il-KPS qabel dwar opinjoni dwar in-notifika rigward it-talba mill-Istati Uniti biex jipparteċipaw fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari. B’mod partikolari, il-KPS ħa nota tad-deskrizzjoni ta’ dak il-proġett kif ipprovduta fin-notifika, inkluż l-objettivi, l-organizzazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu kif ukoll l-oqsma ta’ prijorità ta’ ħidma tiegħu. Il-KPS innota wkoll li l-ebda informazzjoni klassifikata jew sensittiva tal-UE ma tiġi kondiviża f’dak il-proġett u li l-proġett mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Barra minn hekk, il-KPS innota li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija u li ma jinvolvix entitajiet, investimenti, finanzjament mill-Istati Membri parteċipanti tal-PESCO, jew talbiet għal finanzjament mill-Unjoni għal attivitajiet tal-proġett. |
(7) |
Fl-opinjoni tiegħu, il-KPS qabel ukoll mal-ambitu, il-forma u l-firxa proposti tal-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari kif deskritti fin-notifika. Huwa rrikonoxxa li l-Istati Uniti kienu esprimew li huma jappoġġaw bis-sħiħ l-ambitu ta’ dak il-proġett kif definit fin-notifika. |
(8) |
Fl-istess opinjoni, il-KPS ikkonferma l-fehma maqbula b’mod unanimu mill-membri tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari li l-Istati Uniti jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, kif ġej:
|
(9) |
Il-KPS irrakkomanda fl-opinjoni tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2021 li l-Kunsill jieħu deċiżjoni pożittiva dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. |
(10) |
Il-Kunsill għandu għalhekk jiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Sussegwentament, il-koordinatur tal-proġett għandu jibgħat stedina għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett lill-Istati Uniti, f’isem il-membri tal-proġett. L-Istati Uniti għandhom jingħaqdu ma’ dak il-proġett fid-data speċifikata fl-arranġament amministrattiv li għandhom jidħlu fih il-membri tal-proġett u l-Istati Uniti, skont l-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, u għandhom ikollhom id-drittijiet u l-obbligi ddeterminati f’dak l-arranġament, f’konformità mal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-Kunsill għandu jeżerċita s-sorveljanza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, u fil-każ li jseħħu ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 6(2) jew (3) ta’ dik id-Deċiżjoni il-Kunsill jista’ jieħu deċiżjonijiet ulterjuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.
(2) ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).
(4) Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka dwar is-Sigurtà ta’ Informazzjoni Klassifikata (ĠU L 115, 3.5.2007, p. 30).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 37).