EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0537

Deċiżjoni (UE) 2021/537 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/17/KE u 2005/834/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post u tal-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli mwettqa fir-Renju Unit (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/4/2021/REV/1

ĠU L 108, 29.3.2021, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/537/oj

29.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/4


DEĊIŻJONI (UE) 2021/537 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Marzu 2021

li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/17/KE u 2005/834/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post u tal-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli mwettqa fir-Renju Unit

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (3) tipprevedi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq ċerti uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u li, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet prodotta f’dawk il-pajjiżi terzi għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/834/KE (4) tistabbilixxi regoli dwar l-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet imwettqa f’ċerti pajjiżi terzi. Hija tipprevedi li l-kontrolli uffiċjali fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet imwettqa f’dawk il-pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni, għall-ispeċijiet koperti mid-Direttivi msemmija għal kull wieħed minn dawk il-pajjiżi terzi, għandhom jipprovdu l-istess garanziji bħal dawk imwettqa mill-Istati Membri.

(3)

Ir-Renju Unit ittraspona u implimenta b’mod effettiv id-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (5), 66/402/KEE (6), 2002/53/KE (7), 2002/54/KE (8), 2002/55/KE (9) u 2002/57/KE (10), kif ukoll l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dawk id-Direttivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jistabbilixxu r-regoli li fuq il-bażi tagħhom dawk id-Direttivi jirrikonoxxu l-ekwivalenza kkonċernata.

(4)

Il-liġi tal-Unjoni, inklużi d-Deċiżjonijiet 2003/17/KE u 2005/834/KE, kienet applikabbli għar-Renju Unit u fih, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (11) (il-‘Ftehim dwar il-Ħruġ’), u b’mod partikolari mal-Artikolu 126 u mal-Artikolu 127(1) tiegħu.

(5)

Fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit issottometta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza, mill-1 ta’ Jannar 2021, ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf, ta’ żerriegħa taċ-ċereali, ta’ żerriegħa tal-pitravi, ta’ żerriegħa tal-ħxejjex u ta’ żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Renju Unit għal żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf, għal żerriegħa taċ-ċereali, għal żerriegħa tal-pitravi, għal żerriegħa tal-ħxejjex u għal żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fl-Unjoni u f’konformità mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE.

(6)

Ir-Renju Unit talab ukoll ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza fir-rigward tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet imwettqa fir-Renju Unit skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, u wkoll skont id-Direttiva 2002/53/KE.

(7)

Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni tiegħu, li tittrasponi d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE mhijiex se tinbidel u tkompli tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, u kkonkludiet li l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa jitwettqu kif xieraq u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti xierqa tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE.

(9)

Għalhekk, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, huwa xieraq li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-rigward ta’ dawk iż-żrieragħ prodotti fir-Renju Unit u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tiegħu.

(10)

Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit u l-ekwivalenza tagħha mad-dispożizzjonijiet dwar il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet skont id-Direttivi 2002/53/KE u 2002/55/KE. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma ta’ dawk il-varjetajiet imwettqa fir-Renju Unit jagħtu l-istess garanziji bħal dawk imwettqa mill-Istati Membri.

(11)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet, kif previst fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, imwettqa fir-Renju Unit.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Renju Unit jiġi inkluż fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/17/KE u fl-Anness tad-Deċiżjoni 2005/834/KE, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet 2003/17/KE u 2005/834/KE jiġu emendati kif xieraq.

(14)

Fid-dawl tal-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ intemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li tapplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjonijiet 2003/17/KE u 2005/834/KE

1.   L-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/17/KE huwa emendat f’konformità mal-punt 1 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-Anness tad-Deċiżjoni 2005/834/KE huwa emendat f’konformità mal-punt 2 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  L-opinjoni tas-27 ta’ Jannar 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Marzu 2021.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tat-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuh tar-raba li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/834/KE tat-8 ta’ Novembru 2005 dwar l-ekwivalenza tal-kontrolli, rigward il-prattika għaż-żamma ta’ varjetajiet, imwettqa f’pajjiżi terzi u li temenda d-Deċiżjoni 2003/17/KE (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 51).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU L 125, 11.7.1966, p. 2298).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU L 125, 11.7.1966, p. 2309).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

(11)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


ANNESS

1.   

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/17/KE, it-tabella hija emendata kif ġej:

(1)

ir-ringiela li ġejja tiddaħħal bejn ir-ringieli “CL” u “IL”:

“GB (**)

Department for Environment, Food & Rural Affairs (DEFRA)

Eastbrook

Shaftesbury Road

Cambridge

CB2 8DU

66/401/KEE66/402/KEE2002/54/KE

2002/57/KE

(2)

fin-nota (*) f’qiegħ il-paġna, dak li ġej jiddaħħal bejn “CL— iċ-Ċilì,” u “IL — l-Iżrael,”:

“GB — Ir-Renju Unit,”.

2.   

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2005/834/KE, it-tabella hija emendata kif ġej:

(1)

ir-ringiela li ġejja tiddaħħal bejn ir-ringieli “CS” u “IL”:

“GB (**)

Department for Environment, Food & Rural Affairs (DEFRA)

Eastbrook

Shaftesbury Road

Cambridge

CB2 8DU

66/401/KEE66/402/KEE2002/54/KE

2002/55/KE

2002/57/KE

(2)

fin-nota (*) f’qiegħ il-paġna, dak li ġej jiddaħħal bejn “CS — Serbja u Montenegro,” u “IL — Iżrael,”.

“GB — Ir-Renju Unit,”.



Top