Vyberte si experimentálne prvky, ktoré chcete vyskúšať

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Dokument 32020R2179

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2179 tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2020/9381

    ĠU L 433, 22.12.2020, s. 33 – 36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Právny stav dokumentu Účinné

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/2179/oj

    22.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 433/33


    IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2179

    tas-16 ta’ Diċembru 2020

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dan il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Borża rettangolari li tikkonsisti fi struttura ffurmata ta’ elastomeri tas-silikonu. Għandha tul ta’ madwar 16,5 cm, għoli ta’ madwar 10 cm u wisa’ ta’ madwar 2,5 cm. Għandha manku f’forma ta’ ħolqa mehmuż magħha magħmul mill-istess materjal u sistema ta’ għeluq (żipp).

    L-oġġett huwa prodott f’pass wieħed, b’partijiet integrati (manku f’forma ta’ ħolqa u żipp), u ma għandu l-ebda fittings interni.

    L-oġġett huwa maħsub biex iġorr u jipproteġi diversi oġġetti żgħar.

    Ara l-istampi  (*1).

    3926 90 97

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 3926 , 3926 90 u 3926 90 97 .

    Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 4202 hija eskluża minħabba li dik l-intestatura tkopri biss l-oġġetti msemmija speċifikament fih u kontenituri simili (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) għall-intestatura 4202 , l-ewwel paragrafu).

    Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu (b’mod partikolari l-intern sempliċi u d-daqs żgħir), l-oġġett ma jitqiesx li huwa valiġġa, valiġetta għall-oġġetti tat-twaletta, valiġġa għad-dokumenti, briefcase, basket tal-iskola jew kontenitur simili tal-ewwel parti tal-intestatura 4202 . L-oġġett ma jitqiesx li huwa kontenitur simili tal-ewwel parti tal-intestatura 4202 billi ma għandux forma speċjali jew għandu xi fittings interni biex iżomm għodod partikolari bl-aċċessorji tagħhom jew mingħajrhom (ara wkoll in-NSSA tal-intestatura 4202 , it-tielet paragrafu, u d-disa’ paragrafu, il-punt (f)). Għaldaqstant, l-oġġett mhuwiex kopert mill-kliem tal-ewwel parti tal-intestatura 4202 .

    L-oġġetti koperti mit-tieni parti tal-intestatura 4202 iridu jkunu biss tal-materjali speċifikati fiha jew iridu jkunu kompletament jew parzjalment koperti minn dawn il-materjali jew mill-karta (ara wkoll in-NSSA tal-intestatura 4202 , ir-raba’ paragrafu).

    Meta wieħed iqis li l-oġġett huwa magħmul minn elastomeru tas-silikonu ffurmat, ma jistax jitqies bħala handbag b’superfiċe tal-folji tal-plastik. Għaldaqstant, l-oġġett mhuwiex kopert mill-kliem tat-tieni parti tal-intestatura 4202 .

    L-oġġett mhuwiex it-tip li normalment jinġarr fil-but jew fil-handbag, bħal cases għan-nuċċalijiet, cases għall-flus tal-karti, kartieri, portmonijiet, cases għaċ-ċwievet, cases għas-sigaretti, cases għas-sigarri, cases għall-pipi u boroż tat-tabakk (ara wkoll in-nota ta’ spjegazzjoni tas-subintestatura tas-Sistema Armonizzata tas-subintestaturi 4202.31, 4202.32 u 4202.39). Għaldaqtant, l-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat taħt is-subintestaturi 4202.31, 4202.32 u 4202.39.

    Konsegwentement, l-oġġett irid jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 3926 90 97 bħala oġġetti oħrajn tal-plastik.

    Image 1

    Image 2

    Image 3


    (*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta’ informazzjoni.


    Začiatok