Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1406

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1406 tat-2 ta’ Ottubru 2020 li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti, l-ESMA, il-Kummissjoni u entitajiet oħra skont l-Artikoli 24(2) u 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/3102

    ĠU L 325, 7.10.2020, p. 7–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1406/oj

    7.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 325/7


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1406

    tat-2 ta’ Ottubru 2020

    li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti, l-ESMA, il-Kummissjoni u entitajiet oħra skont l-Artikoli 24(2) u 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(3) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25(9) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa biex twettaq dmirijietha, f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni bejniethom u mal-ESMA, mal-Kummissjoni (fir-rigward ta’ komoditajiet li huma prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat), mal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Agency for the Cooperation of Energy Regulators, ACER) u mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (fir-rigward ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa), u mal-awtoritajiet nazzjonali u ta’ pajjiżi terzi rilevanti responsabbli għas-swieq spot relatati, inkluż, fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet, mal-monitor tal-irkant u l-awtoritajiet kompetenti, amministraturi tar-reġistri, inkluż l-Amministratur Ċentrali, u korpi pubbliċi oħra inkarigati bis-superviżjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-gassijiet serra.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/292 (3) diġà stabbilixxa proċeduri u forom għall-iskambju ta’ informazzjoni u assistenza bejn awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Huwa mistenni li jiġu stabbiliti regoli separati fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżi terzi responsabbli għas-swieq spot relatati. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-ESMA skont l-Artikolu 24(2) ta’ dak ir-Regolament, u l-kooperazzjoni ma’ entitajiet oħra skont l-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

    (3)

    Jenħtieġ li normalment l-informazzjoni tiġi skambjata bil-miktub. Madankollu, jenħtieġ li f’każijiet xierqa jkunu possibbli komunikazzjonijiet orali, inkluż b’mod partikolari qabel tintbagħat talba bil-miktub għall-kooperazzjoni jew l-iskambju tal-informazzjoni, biex tingħata informazzjoni dwar dik it-talba li tkun se ssir għal kooperazzjoni jew biex jiġu diskussi xi kwistjonijiet li jistgħu jagħmluha diffiċli biex dik it-talba titwettaq. F’każijiet urġenti, jenħtieġ li jkun possibbli li talba għal kooperazzjoni tkun ikkomunikata oralment, dment li l-urġenza ma tkunx sempliċement minħabba dewmien min-naħa tal-parti li tagħmel it-talba.

    (4)

    Talba jenħtieġ li jkun fiha informazzjoni suffiċjenti dwar is-suġġett tal-kooperazzjoni, inklużi r-raġunijiet għat-talba u l-kuntest tagħha, sabiex l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista’ tipproċessa t-talba faċilment u b’mod effiċjenti. Li wieħed jindika l-fatti li jagħtu lok għal suspett ma għandhiex titqies bħala prekondizzjoni biex l-awtorità rikjedenti tirċievi assistenza fejn dik l-informazzjoni mitluba hija neċessarja biex dik l-awtorità twettaq l-obbligi tagħha.

    (5)

    Meta l-ESMA u l-ACER flimkien jispeċifikaw interfaċċa għal komunikazzjoni sigura li għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-ACER u mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jenħtieġ li jkun meħtieġ l-użu ta’ dik l-interfaċċa partikolari għall-iskopijiet rilevanti speċifikati.

    (6)

    Jenħtieġ li l-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni skambjata jew mibgħuta tibqa’ kunfidenzjali, u li jkun hemm konformità mar-regoli fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali.

    (7)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

    (8)

    L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implementazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-introduzzjoni ta’ proċeduri u formoli biex jintużaw mill-awtoritajiet u mill-entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament billi dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-ambitu u tal-impatt ta’ dan l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, meta wieħed iqis li dan ir-Regolament jaffettwa biss dawn l-awtoritajiet u l-entitajiet u ma jaffettwax il-parteċipanti fis-suq.

    (9)

    L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kooperazzjoni u għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-korpi li ġejjin (imsemmija f’dan ir-Regolament bħala “korpi speċifikati”) skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA skont l-Artikolu 24(2) jew l-Artikolu 25(1), (5) jew (7) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (b)

    bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward ta’ komoditajiet li huma prodotti agrikoli;

    (c)

    bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 25(3) jew (5) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

    (d)

    bejn l-ESMA u l-ACER jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 25(3) u (5) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

    (e)

    bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti responsabbli għas-swieq spot relatati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(8) ta’ dak ir-Regolament;

    (f)

    bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(8) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet.

    Artikolu 2

    Definizzjoni

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “mezzi elettroniċi” huma mezzi ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħżin u t-trasmissjoni ta’ data, li jkunu jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kwalunkwe mezz elettromanjetiku ieħor.

    Artikolu 3

    Punti ta’ kuntatt

    1.   Sas-26 ta’ Novembru 2020, l-ESMA għandha titlob lil kull wieħed mill-korpi speċifikati biex jipprovdilha d-dettalji ta’ punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar deżinjat minn dak il-korp għall-finijiet ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, u jżomm lill-ESMA informata dwar bidliet sussegwenti f’dawk id-dettalji.

    2.   Mill-inqas darba fis-sena, l-ESMA għandha tistaqsi lil kull wieħed mill-korpi speċifikati biex jikkonferma jew jaġġorna d-dettalji li jkun ipprovda skont il-paragrafu 1.

    3.   L-ESMA għandha żżomm lista aġġornata tad-dettalji pprovduti jew aġġornati skont il-paragrafi 1 u 2, flimkien mad-dettalji tal-punti ta’ kuntatt ta’ ESMA stess deżinjati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, u għandha tiċċirkola l-lista aġġornata lil kull wieħed mill-korpi speċifikati.

    4.   Il-lista l-aktar reċenti ċċirkolata skont il-paragrafu 3 għandha tintuża mill-korpi speċifikati għall-finijiet ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Mezzi ta’ komunikazzjoni

    1.   Ħlief fejn iddikjarat mod ieħor f’dan ir-Regolament, kull komunikazzjoni li ssir għall-finijiet ta’ kooperazzjoni jew skambji ta’ informazzjoni fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandha ssir bil-posta, b’faks jew b’mezzi elettroniċi.

    2.   Meta jiġu ddeterminati l-mezzi l-aktar xierqa ta’ komunikazzjoni f’każ partikolari, għandhom jitqiesu b’mod dovut il-kunsiderazzjonijiet tal-kunfidenzjalità, il-ħin neċessarju għall-korrispondenza, il-volum tal-materjal li se jiġi kkomunikat u l-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni.

    3.   Mingħajr ma tiġi limitata n-natura ġenerali tal-paragrafu 2, fejn jintużaw mezzi elettroniċi, il-mezz elettroniku għandu jkun dak li jiżgura l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni waqt it-trażmissjoni tagħha.

    4.   Jekk l-ESMA u l-ACER flimkien jispeċifikaw l-użu ta’ sistema elettronika partikolari għall-komunikazzjonijiet mal-ACER u mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, għandha tintuża dik is-sistema għall-iskopijiet speċifikati.

    Artikolu 5

    Talbiet għal informazzjoni jew kooperazzjoni

    1.   Meta jitlob kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni li jaqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-korp li jagħmel it-talba għandu juża l-forma stabbilita fl-Anness I u għandu:

    (a)

    jispeċifika d-dettalji tal-informazzjoni jew tal-kooperazzjoni li qed ifittex; u

    (b)

    jidentifika, fejn xieraq, kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni li tista’ tinkiseb.

    2.   Il-korp rikjedenti jista’ jehmeż mat-talba kwalunkwe dokument jew materjal ta’ appoġġ li jqis meħtieġ insostenn tat-talba.

    3.   F’każijiet urġenti, il-korp rikjedenti jista’ jagħmel it-talba oralment. Sakemm il-korp speċifikat li ssirlu t-talba orali (“il-korp li ssirlu t-talba”) ma jaqbilx mod ieħor, it-talba orali għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub mingħajr dewmien żejjed.

    Artikolu 6

    Konferma tar-riċevuta

    Fil-perjodu speċifikat fit-talba bil-miktub jew fil-konferma bil-miktub li tikkonferma talba orali magħmula f’konformità mal-Artikolu 5 jew, fejn ma huwa speċifikat l-ebda perjodu, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara r-riċevuta tat-talba bil-miktub jew tal-konferma bil-miktub, il-korp li ssirlu t-talba għandu jikkonferma r-riċevuta lill-korp rikjedenti. Il-konferma tar-riċevuta għandha ssir billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness II u, fejn ikun possibbli, għandha tinkludi indikazzjoni tad-data mistennija biex tingħata tweġiba għat-talba.

    Artikolu 7

    Tweġiba għal talba

    1.   Jekk il-korp li ssirlu t-talba jirrikjedi kjarifika għal talba magħmula skont l-Artikolu 5, dan għandu jfittex il-kjarifika mill-korp rikjedenti, mingħajr dewmien żejjed, billi juża kwalunkwe mezz xieraq, kemm jekk oralment jew bil-miktub. Il-korp rikjedenti għandu jipprovdi l-kjarifika mingħajr dewmien żejjed.

    2.   Meta jeżegwixxi talba magħmula f’konformità mal-Artikolu 5, il-korp li ssirlu t-talba għandu:

    (a)

    juża l-formola stabbilita fl-Anness III;

    (b)

    jieħu l-passi raġonevoli kollha fis-setgħa tiegħu biex jipprovdi l-kooperazzjoni jew l-informazzjoni mitluba; u

    (c)

    jaġixxi mingħajr dewmien u b’mod li jiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja neċessarja tista’ tipproċedi mingħajr dewmien waqt li titqies il-kumplessità tat-talba kkonċernata u jekk huwiex meħtieġ li jiġu involuti terzi persuni.

    3.   Jekk il-korp li ssirlu t-talba huwa awtorità kompetenti li f’waħda miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali elenkati fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tirrifjuta għalkollox jew parzjalment li tissodisfa t-talba, din l-awtorità għandha tinforma lill-korp rikjedenti mingħajr dewmien bl-użu ta’ kwalunkwe mezz xieraq, kemm oralment jew bil-miktub. Sussegwentement għandha tikkonferma d-deċiżjoni tagħha bil-miktub, billi tindika fuq liema ċirkostanzi eċċezzjonali qed tibbaża r-rifjut tagħha.

    Artikolu 8

    Proċeduri għall-ipproċessar ta’ talbiet pendenti

    1.   Jekk il-korp li ssirlu t-talba jsir jaf b’ċirkustanzi li jistgħu jwasslu biex id-data mistennija tat-tweġiba jkollha tiġi differita b’aktar minn għaxart ijiem tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-korp rikjedenti mingħajr dewmien żejjed.

    2.   Fejn xieraq, il-korp li ssirlu t-talba għandu jipprovdi lill-korp rikjedenti aġġornamenti regolari dwar il-progress f’talba pendenti, inklużi l-istimi riveduti tad-data fil-mira għat-tweġiba.

    3.   Jekk it-talba tkun immarkata bħala urġenti, il-korp li ssirlu t-talba għandu jikkonsulta mal-korp rikjedenti dwar il-frekwenza tal-aġġornamenti li huma meħtieġa.

    4.   Il-korpi speċifikati għandhom jikkooperaw bejniethom biex isolvu kwalunkwe diffikultajiet li jaf jinqalgħu fl-eżekuzzjoni ta’ talba.

    Artikolu 9

    Kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni mhux mitluba

    1.   Għall-finijiet ta’ kwalunkwe kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, li ma jkunux soġġetti għal talba speċifika, inkluż kwalunkwe komunikazzjoni sussegwenti relatata, għandha tintuża l-formola stabbilita fl-Anness IV.

    2.   F’każ ta’ skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 25(3), (5) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jekk l-awtorità kompetenti temmen li l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta b’mod urġenti, din tista’ tibgħat l-informazzjoni oralment dment li sussegwentement l-informazzjoni tintbagħat bil-miktub mingħajr dewmien żejjed bl-użu tal-formola li tinsab fl-Anness IV.

    Artikolu 10

    Proċeduri ta’ kooperazzjoni

    1.   Sabiex tiġi żgurata azzjoni koordinata skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar każijiet transfruntiera li jinvolvu strumenti finanzjarji relatati ma’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipparteċipaw, meta jintalbu jagħmlu dan mill-ACER, fi grupp investigattiv transfruntier stabbilit skont l-Artikolu 16(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    2.   Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-infurzar tar-regoli rilevanti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u r-Regolament (UE) Nru 1227/2011, irrispettivament mill-eżistenza ta’ każ speċifiku, l-ESMA u l-ACER għandhom jikkonsultaw bejniethom regolament.

    3.   Jekk l-ESMA tintalab, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, biex tikkoordina investigazzjoni jew spezzjoni b’effett transfruntier, l-ESMA tista’ tistabbilixxi grupp temporanju fuq bażi ad hoc biex tinkludi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri affettwati mill-investigazzjoni jew mill-ispezzjoni.

    Artikolu 11

    Rinviju lill-ESMA skont l-Artikolu 25(7)

    Ir-rinviju lill-ESMA skont l-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ta’ rifjut jew nuqqas ta’ azzjoni fi żmien raġonevoli għandu jsir bil-miktub u għandu jinkludi:

    (a)

    kopja tat-talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni u kwalunkwe tweġiba rċevuta;

    (b)

    ir-raġunijiet għar-rinviju tar-rifjut jew tan-nuqqas ta’ azzjoni lill-ESMA.

    Artikolu 12

    Restrizzjonijiet u l-użi permissibbli ta’ informazzjoni

    1.   Meta jintużaw il-formoli fl-Annessi, il-korpi speċifikati għandhom jinkludu twissija ta’ kunfidenzjalità xierqa f’konformità mal-formola rilevanti.

    2.   Il-korp li ssirlu t-talba ma għandux jiżvela l-eżistenza u l-kontenut ta’ talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ħlief jekk il-korp rikjedenti jagħti l-kunsens tiegħu għal tali żvelar. Jekk dan il-kunsens ma jingħatax u fejn ma jkunx raġonevolment prattikabbli li t-talba tiġi ssodisfata mingħajr ma tiġi żvelata l-eżistenza jew il-kontenut tagħha, il-korp rikjedenti għandu jirtira jew jissospendi t-talba tiegħu sakemm il-korp rikjedenti jkun jista’ jagħti tali kunsens għall-iżvelar.

    3.   L-informazzjoni rċevuta mill-korp speċifikat bħala parti minn talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għat-twettiq ta’ dmirijietu u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew l-infurzar tiegħu jew, fejn applikabbli, tar-Regolament (UE) 1227/2011, inkluż fost l-oħrajn l-inizjar, it-twettiq jew l-assistenza fi proċedimenti kriminali, amministrattivi, ċivili jew dixxiplinari li jirriżultaw minn ksur ta’ dawk ir-Regolamenti.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/292 tas-26 ta’ Frar 2018 li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta’ informazzjoni u assistenza bejn awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq (ĠU L 55, 27.2.2018, p. 34).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Formola għal talba għal assistenza

    TALBA GĦAL ASSISTENZA

    Image 1

    Image 2

    Image 3

    Image 4

    Image 5


    ANNESS II

    Formola għall-konferma tar-riċevuta ta’ talba għal assistenza

    KONFERMA TA’ RIĊEVUTA TA’ TALBA GĦAL ASSISTENZA

    Image 6


    ANNESS III

    Formola għat-tweġiba għal talba għal assistenza

    TWEĠIBA GĦAL TALBA GĦAL ASSISTENZA

    Image 7

    Image 8


    ANNESS IV

    Formola għall-iskambju mhux mitlub ta’ informazzjoni

    SKAMBJU MHUX MITLUB TA’ INFORMAZZJONI

    Image 9

    Image 10


    Top