Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0473

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/473 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards dwar il-bażijiet tad-data għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord

    C/2020/248

    ĠU L 100, 1.4.2020, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/473/oj

    1.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 100/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/473

    tal-20 ta’ Jannar 2020

    li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards dwar il-bażijiet tad-data għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà u jiġu żgurati s-sikurezza tan-navigazzjoni u l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent, huwa essenzjali li l-membri tal-ekwipaġġ ikollhom ċertifikati li jagħtu prova tal-kwalifiki tagħhom. Biex jiksbu dawn iċ-ċertifikati, il-membri tal-ekwipaġġ jenħtieġ li jirreġistraw il-ħin tan-navigazzjoni tagħhom permezz ta’ entrati validi fil-ktieb tar-rekords tas-servizz tagħhom, liema entrati jistgħu jiġu vverifikati mal-entrati fil-ġurnali ta’ abbord tal-inġenji li l-membri tal-ekwipaġġ ikunu servew fuqhom.

    (2)

    Biex id-Direttiva (UE) 2017/2397 tiġi implimentata kif xieraq u biex tiġi evitata l-frodi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti li joħorġu ċertifikati skont dik id-Direttiva jiżguraw li, fi kwalunwe ħin, il-membri tal-ekwipaġġ ikollhom ċertifikat speċifiku wieħed biss. Fil-kuntest tal-identifikazzjoni ta’ membru tal-ekwipaġġ, fejn rilevanti, jenħtieġ li jitqies ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (3)

    Biex jikkontribwixxu għall-amministrazzjoni effiċjenti taċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 l-Istati Membri li joħorġu ċertifikati skont id-Direttiva (UE) 2017/2397 jenħtieġ li jistabbilixxu reġistri għar-reġistrazzjoni tad-data dwar iċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord kif ukoll dwar id-dokumenti rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    (4)

    Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni, tal-infurzar u tal-evalwazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2397, kif ukoll għall-finijiet ta’ statistika, għaż-żamma tas-sikurezza u għall-faċilità tan-navigazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli/jinkludu data dwar dawk id-dokumenti u l-istatus tagħhom, bl-użu ta’ bażi tad-data miżmuma mill-Kummissjoni.

    (5)

    Għall-finijiet tal-istess objettivi, din il-bażi tad-data jenħtieġ li sservi wkoll biex tingħata informazzjoni dwar dokumenti rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(2) jew (3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    (6)

    Il-fatt li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-kotba tar-rekords tas-servizz huma miżmuma mill-membri tal-ekwipaġġ filwaqt li l-ġurnal ta’ abbord huwa marbut mal-inġenji jesiġi l-ġestjoni separata ta’ dik id-data taħt żewġ oqfsa differenti. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li titqies l-eżistenza tal-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq stabbilita bid-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li tinkludi informazzjoni dwar inġenji tal-passaġġi fuq l-ilma interni għall-użu tal-awtorità kompetenti.

    (7)

    Jenħtieġ li jitqiesu b’mod xieraq l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tal-iskambju tad-data stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 (4) u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (5). Jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa wkoll biex, kemm jista’ jkun, dawn l-ispeċifikazzjonijiet jibqgħu teknoloġikament newtrali u miftuħa għal teknoloġiji innovattivi. Il-prinċipju ta’ “ta’ darba biss” u dak ta’ “interoperabbiltà b’mod awtomatiku” jenħtieġ li jiġu applikati.

    (8)

    Kull meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament delegat jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, jenħtieġ li dan jitwettaq f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fir-rigward tal-ipproċessar mill-Kummissjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) fir-rigward tal-ipproċessar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    (9)

    L-Istati Membri, irrappreżentati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, jiddeterminaw l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali fir-reġistri nazzjonali. Il-Kummissjoni, minħabba li żżomm il-bażi tad-data li qed tipprovdi s-soluzzjoni biex tiġi skambjata d-data fost l-Istati Membri, hija wkoll kontrollur. L-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni huma kontrolluri konġunti tad-data personali pproċessata fil-bażi tad-data tal-Unjoni. L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jimponu obbligu fuq il-kontrolluri konġunti biex jistabbilixxu, b’mod trasparenti, ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi skont dawk ir-Regolamenti. Dan ir-Regolament jiddetermina dawk ir-responsabbiltajiet rispettivi.

    (10)

    Biex jiġu żgurati drittijiet ta’ aċċess ugwali abbażi tar-Regolament (UE) 2016/679 u tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni titqies bħala l-kontrollur tad-data personali relatata mal-ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għall-bażi tad-data tal-Unjoni.

    (11)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (12)

    Fl-interess tal-koerenza, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b’mod ġenerali mill-istess data prevista għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2397. Madankollu jenħtieġ li tkun prevista eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-operat tal-bażi tad-data mill-Kummissjoni matul il-fażi tal-ittestjar u r-rwol tagħha bħala kontrollur għall-ipproċessar tad-drittijiet ta’ aċċess,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistipula l-istandards li jistabbilixxu l-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-bażijiet tad-data għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord maħruġa skont id-Direttiva (UE) 2017/2397 u għad-dokumenti rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(2)-(3) tagħha.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “Bażi ta’ data tal-Unjoni” tfisser il-bażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 biex tiġi rreġistrata u skambjata data dwar ċertifikati ta’ kwalifika u kotba tar-rekords tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u dwar ċertifikati ta’ kwalifika u kotba tar-rekords tas-servizz rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(3) tagħha;

    (b)

    “Bażi tad-data Ewropea dwar il-buq (EHDB)” tfisser il-bażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 biex tiġi rreġistrata u skambjata d-data dwar il-ġurnali ta’ abbord imsemmija fl-Artikolu 25(1) ta’ dik id-Direttiva;

    (c)

    “Reġistri nazzjonali” tfisser ir-reġistri taċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, tal-kotba tar-rekords tas-servizz u tal-ġurnali ta’ abbord u, fejn rilevanti, tad-dokumenti rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397, li huma stabbiliti u miżmuma mill-Istati Membri skont l-Artikolu 25(1) ta’ dik id-Direttiva;

    (d)

    “numru ta’ identifikazzjoni ta’ membru tal-ekwipaġġ” (CID) tfisser numru ġġenerat mill-bażi tad-data tal-Unjoni li jidentifika membru tal-ekwipaġġ irreġistrat f’dik il-bażi tad-data u li huwa uniku għad-detentur;

    (e)

    “Status ‘attiv’” tfisser li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi huma validi;

    (f)

    “Status ‘skadut’” tfisser li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi ma għadhomx validi minħabba li l-perjodu ta’ validità ntemm jew għaliex ġew sostitwiti b’ċertifikazzjoni ġdida ta’ kwalifika jew b’awtorizzazzjoni ġdida speċifika wara li jkun hemm ħtieġa għal bidla fid-data amministrattiva jew wara li jintemm il-perjodu ta’ validità;

    (g)

    “Status ‘sospiż’” tfisser li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi ma għadhomx validi minħabba li ttieħdu miżuri mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397;

    (h)

    “Status ‘irtirat’” tfisser li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi ma għadhomx validi minħabba li ttieħdu miżuri mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397;

    (i)

    “Status ‘mitluf’” tfisser li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi jkunu ġew iddikjarati mitlufa lill-awtorità kompetenti;

    (j)

    “Status ‘misruq’” tfisser li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi ġew iddikjarati misruqa lill-awtorità kompetenti;

    (k)

    “Status ‘meqrud’” tfisser li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi ġew iddikjarati meqruda lill-awtorità kompetenti.

    (l)

    “metadata” tfisser data pproċessata fil-bażi tad-data tal-Unjoni għall-finijiet tat-trażmissjoni jew tal-iskambju ta’ kontenut ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; inkluża data użata biex jiġu ttraċċati u identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, data dwar fejn jinsab il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika, u d-data, il-ħin, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni.

    Artikolu 3

    Informazzjoni dwar iċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-kotba tar-rekords tas-servizz

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-bażi tad-data tal-Unjoni. Hija għandha tieħu ħsieb il-ġestjoni tagħha skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I. Għandha tkun responsabbli għall-operazzjonijiet tekniċi tagħha u għall-manutenzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tal-bażi tad-data tal-Unjoni.

    2.   L-Istati Membri li joħorġu ċertifikati skont id-Direttiva (UE) 2017/2397 għandhom jagħmlu disponibbli l-komunikazzjoni bejn magna u oħra għall-bażi tad-data tal-Unjoni r-reġistri msemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 rigward id-data msemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri maħtura bħala kontrollur għad-data pproċessata fir-reġistri nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom ikunu kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data personali fil-bażi tad-data tal-Unjoni. Ir-responsabbiltajiet għandhom jiġu allokati bejn il-kontrolluri konġunti skont l-Anness III.

    4.   Il-Kummissjoni għandha titqies bħala kontrollur għall-ipproċessar tad-data personali meħtieġa għall-għoti u l-ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għall-bażi tad-data tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    Informazzjoni dwar il-ġurnali ta’ abbord

    1.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-data dwar il-ġurnali ta’ abbord imsemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 fl-EHDB,

    2.   Il-kundizzjonijiet għall-użu tal-EHDB għall-fini tar-reġistrazzjoni tad-data relatata mal-ġurnali ta’ abbord skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 huma stabbiliti fl-Anness II.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-18 ta’ Jannar 2022, għajr għall-Artikoli 3(1) u (4) tiegħu, li għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament delegat għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 53.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73). Ara wkoll ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 tat-8 ta’ Settembru 2015 dwar il-qafas tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252 16.9.2016, p. 118).

    (4)  Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 - Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2016) 179 final).

    (5)  Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – L-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2017)134).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


    ANNESS I

    Rekwiżiti għall-bażi tad-data tal-Unjoni

    1.   Ġenerali

    1.1.

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tipprovdi ħarsa ġenerali kkonsolidata tad-data fiċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-kotba tar-rekords tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 li jinżammu fir-reġistri nazzjonali tal-Istati Membri stabbiliti u miżmuma skont l-Artikolu 25(1) ta’ dik id-Direttiva.

    1.2.

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dwar iċ-ċertifikati ta’ kwalifika u l-kotba tar-rekords tas-servizz rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(2) jew 10(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 meta l-Kummissjoni tkun tat aċċess għaliha lil awtorità ta’ pajjiż terz, skont l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    1.3.

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tipprovdi interfaċċa tal-utent (“il-portal web tal-bażi tad-data tal-Unjoni”) li permezz tagħha l-utenti awtorizzati jkunu jistgħu jaċċessaw id-data f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom.

    2.   L-utenti u d-drittijiet ta’ aċċess

    2.1.

    Il-Kummissjoni għandha tagħti d-drittijiet ta’ aċċess lill-utenti individwali li jikkorrispondu mal-profili ta’ utenti stabbiliti fit-Tabella 1, abbażi ta’ lista pprovduta mill-Istati Membri.

    2.2.

    Il-Kummissjoni tista’ wkoll tagħti aċċess għall-bażi tad-data tal-Unjoni lil organizzazzjonijiet u awtoritajiet internazzjonali ta’ pajjiż terz, f’konformità mal-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u, b’mod partikolari, dment li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1725 ikunu ssodisfati. Il-profili ta’ utenti msemmija fit-Tabella 1 jew id-drittijiet ta’ aċċess tagħhom jistgħu jiġu limitati skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi.

    Tabella 1.

    Profili ta’ utenti

    Definizzjonijiet

    Drittijiet ta’ aċċess

    Awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni

    Awtoritajiet kompetenti maħtura biex joħorġu, iġeddu jew jirtiraw ċertifikati ta’ kwalifika, awtorizzazzjonijiet speċifiċi u kotba tar-rekords tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    Qari u kitba fir-rigward tal-funzjonalitajiet 3.1 sa 3.5.

    Awtoritajiet responsabbli mis-sospensjoni

    Utenti awtorizzati fl-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-sospensjoni ta’ ċertifikati ta’ kwalifika u ta’ awtorizzazzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    Qari u kitba fir-rigward tal-funzjonalitajiet 3.3 u 3.4.

    Awtoritajiet ta’ infurzar

    Utenti awtorizzati fl-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jikxfu u jiġġieldu kontra l-frodi u l-prattiki illegali msemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    Qari biss fir-rigward tal-funzjonalitajiet 3.1, 3.2., 3.3. u 3.5.

    Depożitarji tar-reġistri

    Utenti awtorizzati fl-awtoritajiet kompetenti maħtura biex iżommu r-reġistri msemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    Qari u kitba fir-rigward tal-funzjonalitajiet 3.1 sa 3.5 jekk mhux eżerċitati minn awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni jew awtoritajiet responsabbli mis-sospensjoni

    Uffiċċji tal-istatistika

    Utenti awtorizzati f’uffiċċji nazzjonali jew internazzjonali responsabbli mill-ġbir tad-data statistika.

    Qari biss fir-rigward tal-funzjonalità 3.5.

    Organizzazzjonijiet internazzjonali

    Utenti awtorizzati f’organizzazzjonijiet internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess skont l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Aċċess ta’ qari biss li għandu jiġi determinat fir-rigward tal-funzjonalitajiet 3.2., 3.3. u 3.5. skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u l-konformità ma’ dan ir-Regolament

    Awtoritajiet minn pajjiżi terzi

    Utenti awtorizzati f’awtoritajiet kompetenti minn pajjiżi terzi li jkunu ngħataw aċċess skont l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Għandu jiġi determinat fir-rigward tal-funzjonalitajiet 3.1. sa 3.5. skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u l-konformità ma’ dan ir-Regolament

    Il-Kummissjoni

    Utenti awtorizzati tal-persunal tal-Kummissjoni

    1.

    responsabbli miż-żamma tal-bażi tad-data tal-Unjoni jew

    2.

    responsabbli mill-politiki dwar in-navigazzjoni interna.

    Fornitur ta’ soluzzjonijiet tekniċi għall-funzjonalitajiet kollha;

    Qari biss fir-rigward tal-funzjonalità 3.5.

    3.   Funzjonalitajiet

    Il-funzjonalitajiet li ġejjin, għandhom jiġu pprovduti permezz tal-bażi tad-data tal-Unjoni:

    3.1.

    Verifika tar-reġistrazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ fil-bażi tad-data tal-Unjoni:

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tippermetti lill-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni u ta’ infurzar biex jivverifikaw jekk membru tal-ekwipaġġ ikunx diġà rreġistrat fis-sistema. Dan għandu jsir jew abbażi tan-numru ta’ identifikazzjoni ta’ membru tal-ekwipaġġ (CID) jew tad-data li tinsab f’dokument tal-identità pprovdut mill-membru tal-ekwipaġġ. Fil-każ ta’ servizzi online, l-identifikazzjoni ta’ membru tal-ekwipaġġ għandha ssir bl-appoġġ tas-sett tad-data kif stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2015/1501.

    Dment li wara tfittxija fis-sistema minn awtorità taċ-ċertifikazzjoni, ma tinsab l-ebda persuna b’sett tad-data simili, il-membru tal-ekwipaġġ għandu jiġi rreġistrat fis-sistema.

    3.2.

    Konsultazzjoni tad-data dwar ċertifikati ta’ kwalifika u kotba tar-rekords tas-servizz:

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tipprovdi aċċess għall-qari tad-data dwar ċertifikati ta’ kwalifika u kotba tar-rekords tas-servizz kif magħmula disponibbli mir-reġistri nazzjonali.

    3.3.

    Konsultazzjoni u modifika tal-istatus taċ-ċertifikati ta’ kwalifika:

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tipprovdi aċċess għall-qari tad-data dwar l-istatus ta’ ċertifikati ta’ kwalifika u aċċess għall-kitba għar-reġistrazzjoni ta’ sospensjoni ta’ ċertifikat ta’ kwalifika fil-bażi tad-data tal-Unjoni.

    L-istatus standard taċ-ċertifikati huma dawn li ġejjin: “attiv”, “skadut”, “sospiż”, “irtirat”, “mitluf”, “misruq” jew “meqrud”.

    3.4.

    Trażmissjoni u wasla ta’ notifika:

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tippermetti li l-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni u l-awtoritajiet responsabbli mis-sospensjonijiet jiġu nnotifikati dwar modifiki jew dwar talbiet fir-reġistri li jikkonċernaw ċertifikati ta’ kwalifika jew awtorizzazzjoni speċifika li huma jkunu ħarġu jew issospendew.

    3.5.

    Ġenerazzjoni tal-istatistika:

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandu jkun fiha funzjonijiet li jipprovdu data għall-utenti awtorizzati biex iwettqu tfittxijiet għall-finijiet ta’ statistika.

    3.6.

    Aġġornament tal-metadata:

    Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-metadata tal-bażi tad-data tal-Unjoni meta tiġi notifikata dwar kwalunkwe modifika ta’ data korrispondenti f’reġistru nazzjonali.

    3.7.

    Informazzjoni dwar tranżazzjoni mhux kompluta:

    F’każ li s-sistema ma tkunx tista’ tagħmel tranżazzjoni kompluta, dan il-fatt u r-raġuni għalih għandhom jiġu nnotifikati lill-utent rilevanti. It-talba jew id-data għandhom jiġu bbaferjati temporanjament fil-bażi tad-data tal-Unjoni u t-tranżazzjoni għandha tiġi ripetuta awtomatikament sakemm jiġi indirizzat l-iżball jew in-nuqqas u sakemm it-tranżazzjoni tkun kompluta.

    3.8.

    Ġestjoni tal-aċċess tal-utent:

    L-utenti għandhom jaċċessaw il-bażi tad-data tal-Unjoni permezz tas-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-Kummissjoni (EU Login).

    3.9.

    Il-monitoraġġ ta’ logins u ta’ tranżazzjonijiet:

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni għandha tirreġistra l-informazzjoni kollha dwar il-logins u t-tranżazzjonijiet għall-finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ debugging u tippermetti l-ġenerazzjoni tal-istatistika dwar dawn il-logins u tranżazzjonijiet għall-ipproċessar mis-servizzi tal-Kummissjoni.

    4.   Id-data tal-bażi tad-data tal-Unjoni

    4.1.

    Sabiex il-bażi tad-data tal-Unjoni twettaq il-funzjonalitajiet tagħha, fiha għandha tinżamm id-data li ġejja:

    (a)

    metadata ta’ routing;

    (b)

    tabelli tad-drittijiet ta’ aċċess;

    (c)

    CIDs bi:

    (i)

    il-lista ta’ tipi ta’ ċertifikati u ta’ awtorizzazzjonijiet speċifiċi tad-detentur, bl-awtorità tal-ħruġ u l-istatus rispettivi tagħhom;

    (ii)

    in-numru tas-serje tal-ktieb tar-rekords tas-servizz attiv tad-detentur, fejn rilevanti;

    (iii)

    l-indikatur tar-reġistru nazzjonali li jospita d-data l-aktar reċenti relatata mal-identità personali tad-detentur.

    4.2.

    Il-bażi tad-data tal-Unjoni tista’ wkoll iżżomm id-data msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2017/2397 għal ċertifikati ta’ kwalifika u kotba tar-rekords tas-servizz rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(3) meta l-Kummissjoni tkun irrifjutat l-aċċess lil awtorità ta’ pajjiż terz, skont l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    5.   Komunikazzjoni bejn il-bażi tad-data tal-Unjoni u r-reġistri

    5.1.

    Il-konnessjoni bejn il-bażi tad-data tal-Unjoni u r-reġistri nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq is-servizz elettroniku ta’ konsenja reġistrat (CEF eDelivery) sigur tal-Kummissjoni.

    5.2.

    L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun ibbażat fuq metodi standard ta’ strutturar tad-data u għandu jiġi espress f’format XML.

    5.3.

    Is-servizz għandu jkun disponibbli 24/7, b’rata ta’ disponibbiltà tas-sistema ta’ mill-inqas 98 % eskluża l-manutenzjoni skedata.

    6.    Data ta’ referenza tal-bażi tad-data tal-Unjoni

    6.1.

    Id-data ta’ referenza (bħal listi ta’ kodiċijiet, vokabularji kkontrollati u glossarji) għandha tinżamm fis-Sistema Ewropea ta’ Ġestjoni ta’ Data ta’ Referenza (ERDMS), inkluż, fejn rilevanti, it-traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali tal-UE.

    7.   Protezzjoni tad-data personali

    7.1.

    Kwalunkwe pproċessar tad-data personali mill-utenti awtorizzati fl-Istati Membri għandu jsir f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    7.2.

    Il-Kummissjoni għandha twettaq l-ipproċessar kollu tad-data personali previst f’dan ir-Regolament skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

    7.3.

    Id-data personali msemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 għandha tiġi aċċessata u pproċessata biss għall-eżekuzzjoni tal-funzjonalitajiet imsemmija fit-taqsima 3 u mill-utenti awtorizzati.

    7.4.

    Id-data personali msemmija fit-taqsima 4 ma għandhiex tinħażen fil-bażi tad-data tal-Unjoni għal żmien itwal minn dak meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data personali u mhux wara l-irtirar tal-membri tal-ekwipaġġ. Il-lista ta’ tipi ta’ ċertifikati u ta’ awtorizzazz7jonijiet speċifiċi tad-detentur ma għandhiex tinkludi dawk iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet li jkunu skadew, li jkunu ġew irtirati jew meqruda, jew li jkunu ġew iddikjarati mitlufa jew misruqa, ladarba jkunu ġew sostitwiti b’ċertifikat ġdid jew awtorizzazzjoni ġdida.

    7.5.

    Id-data personali pproċessata għall-fini tal-funzjonalità deskritta fil-punt 3.9. ma għandhiex tinżamm fil-bażi tad-data tal-Unjoni għal aktar minn sitt (6) xhur.

    7.6.

    Id-data personali għajr dik imsemmija fil-punti 7.4. u 7.5. ma għandhiex tinżamm fil-bażi tad-data tal-Unjoni għal aktar minn kemm ikun strettament meħtieġ biex it-tranżazzjoni tiġi kompluta.

    7.7.

    Id-data disponibbli għal skopijiet ta’ statistika għandha tiġi anonimizzata u aggregata. L-informazzjoni statistika li tkun ġiet debitament anonimizzata u aggregata tista’ tinżamm indefinittivament.

    8.   Punti ta’ kuntatt uniċi

    8.1.

    Għall-finijiet relatati mal-operat tal-bażi tad-data tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha żżomm kuntatt mal-Istati Membri permezz ta’ punt ta’ kuntatt uniku maħtur minn kull Stat Membru fost l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 26(g) tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    ANNESS II

    Rekwiżiti għall-operat tal-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq (EHDB) għal informazzjoni dwar il-ġurnal ta’ abbord

    1.   

    Id-data relatata mal-ġurnali ta’ abbord għandha tiġi aċċessata u pproċessata biss mill-utenti awtorizzati msemmija fit-Tabella 1.

    2.   

    Il-Kummissjoni għandha tagħti drittijiet ta’ aċċess lill-utenti li jikkorrispondu mal-profili ta’ utenti stabbiliti fit-Tabella 1, abbażi ta’ lista pprovduta mill-Istati Membri permezz tal-punti ta’ kuntatt uniku msemmija fir-Regolament Delegat 2020/474 (1), kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, skont l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    3.   

    Għandhom japplikaw l-istruzzjonijiet tal-Anness III u l-Anness IV dwar l-aċċess sħiħ u l-aċċess għall-qari biss u l-ipproċessar tad-data fl-EHDB tar-Regolament Delegat 2020/474 dwar l-EHDB.

    4.   

    Kwalunkwe pproċessar tad-data personali minn utenti awtorizzati għandu jsir f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    5.   

    Il-Kummissjoni għandha twettaq l-ipproċessar kollu tad-data personali previst f’dan ir-Regolament skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Tabella 1.

    Profili ta’ utenti

    Definizzjonijiet

    Drittijiet ta’ aċċess

    Awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni

    Utenti awtorizzati fl-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-ħruġ tal-ġurnali ta’ abbord skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    Aċċess sħiħ

    Awtoritajiet ta’ infurzar

    Utenti awtorizzati fl-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jikxfu u jiġġieldu kontra l-frodi u l-prattiki illegali skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

    Qari biss

    Uffiċċji tal-istatistika

    Utenti awtorizzati f’uffiċċji nazzjonali jew internazzjonali responsabbli mill-ġbir tad-data statistika.

    Qari biss

    Organizzazzjonijiet internazzjonali

    Utenti awtorizzati f’organizzazzjonijiet internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess għall-EHDB skont l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Aċċess għall-qari biss li għandu jiġi determinat skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi

    Awtoritajiet minn pajjiżi terzi

    Utenti awtorizzati f’awtoritajiet kompetenti minn pajjiżi terżi li jkunu ngħataw aċċess skont l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Għandu jiġi determinat skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi


    (1)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/474 tal-20 ta’ Jannar 2020 dwar il-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq (ĠU L 100, 1.4.2020, p. 12).


    ANNESS III

    Allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-kontrolluri konġunti

    1.   

    L-Istati Membri, irrappreżentati mill-awtoritajiet kompetenti, jiddeterminaw l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali fir-reġistri nazzjonali. Il-Kummissjoni, li żżomm/tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-bażi tad-data tal-Unjoni u tipprovdi għall-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri, hija wkoll kontrollur. L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data personali fil-bażi tad-data tal-UE.

    2.   

    Kull wieħed mill-kontrolluri konġunti għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali li għaliha huwa soġġett il-kontrollur rispettiv.

    3.   

    Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli milli:

    (a)

    tiżgura li l-bażi ta’data tal-Unjoni tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni tal-Kummissjoni, inklużi dawk dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-data dwar is-sigurtà tal-ipproċessar (1). Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju tas-sigurtà tal-informazzjoni u tiżgura livell xieraq ta’ sigurtà;

    (b)

    tirrispondi għat-talbiet tas-suġġetti tad-data indirizzati direttament lilha fir-rigward tal-bażi tad-data tal-Unjoni u tippubblika avviż ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni. Fejn xieraq u b’mod partikolari meta t-talba tikkonċerna r-rettifika u t-tħassir tad-data personali, il-Kummissjoni għandha tressaq it-talba tas-suġġett tad-data lill-punt(i) ta’ kuntatt uniku/uniċi rilevanti li għandu/għandhom jindirizzaha/jindirizzawha. F’każijiet fejn it-talba tkun indirizzata direttament lill-Kummissjoni, din għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar is-segwitu li jingħata għat-talba;

    (c)

    tikkomunika kwalunkwe ksur tad-data personali fil-bażi tad-data tal-Unjoni lill-punti ta’ kuntatt uniċi msemmija fit-taqsima 8.1. tal-Anness I, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-individwi rilevanti meta jkun hemm riskju għoli f’konformità mal-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament (UE) 1725/2018;

    (d)

    tidentifika l-kategoriji tal-persunal u ta’ individwi oħra li lilhom jista’ jingħata aċċess għall-bażi tad-data tal-Unjoni u tiżgura li l-aċċess minn dawk kollha kkonċernati jkun konformi mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

    (e)

    tiżgura li l-persunal tal-Kummissjoni li jkollu aċċess għad-data personali tal-membri tal-ekwipaġġ fil-bażi tad-data tal-Unjoni jkun imħarreġ kif xieraq biex tiżgura li dak il-persunal iwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità mar-regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali, u li jkun soġġett għall-obbligu ta’ segretezza professjonali skont id-dritt tal-Unjoni.

    4.   

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli milli:

    (a)

    jiġbru u jipproċessaw id-data personali tal-applikanti, u jipproċessaw id-data personali li jiksbu minn/jiskambjaw permezz tal-bażi tad-data tal-Unjoni. Il-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali għandhom isiru f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari biex jiġi żgurat il-ġbir legali tad-data, tiġi pprovduta informazzjoni xierqa, tinżamm id-data preċiża (inkluż it-tħassir tad-data jew profili skaduti, fejn rilevanti) u tiġi żgurata s-sigurtà xierqa tad-data fir-reġistru/i nazzjonali.

    (b)

    jaġixxu bħala l-punt ta’ kuntatt għall-membri tal-ekwipaġġ, inkluż meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, filwaqt li jwieġbu għat-talbiet tal-membri tal-ekwipaġġ u jiżguraw li l-membri tal-ekwipaġġ li d-data tagħhom tiġi pproċessata permezz tal-bażi tad-data tal-Unjoni u r-reġistri nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. F’dan il-kuntest, huma għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn permezz tal-punti ta’ kuntatt uniċi u mal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati b’mod xieraq it-talbiet tas-suġġetti tad-data indirizzati lilha, lil Stati Membri oħra jew lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu rċevew it-talba tas-suġġett tad-data għandhom jinfurmaw lis-suġġett tad-data dwar is-segwitu li jingħata għat-talba;

    (c)

    jikkomunikaw kwalunkwe ksur tad-data personali fir-rigward tad-data tal-membri tal-ekwipaġġ ipproċessata permezz tal-bażi tad-data tal-Unjoni lill-Kummissjoni, lill-punt ta’ kuntatt uniku msemmi fit-taqsima 8.1. tal-Anness I, lill-awtorità superviżorja kompetenti fil-livell nazzjonali u, fejn meħtieġ, lill-membri tal-ekwipaġġ rilevanti, f’konformità mal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew jekk mitlub mill-Kummissjoni;

    (d)

    jidentifikaw, f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess lill-utenti li jikkorrispondu mal-profili ta’ utenti stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness I, il-persunal li għandu jingħata aċċess għad-data personali tal-membri tal-ekwipaġġ fil-bażi tad-data tal-Unjoni u li jikkomunika din id-data lill-Kummissjoni;

    (e)

    jiżguraw li l-persunal tagħhom li jkollu aċċess għad-data personali tal-membri tal-ekwipaġġ fil-bażi ta’data tal-Unjoni jkun imħarreġ kif xieraq biex jiżgura li dak il-persunal iwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità mar-regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali, u li jkun soġġett għall-obbligu ta’ segretezza professjonali skont id-dritt jew ir-regoli nazzjonali stabbiliti mill-awtorità kompetenti nazzjonali.


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13.12.2017 li tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għall-Artikoli 3, 5, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 14, 15 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2017/46 dwar is-sigurtà tas-sistemi tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni fil-Kummissjoni (ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40).


    Top