Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0443

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/443 tal-25 ta’ Marzu 2020 li jawtorizza t-tibdil tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “Estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina (Triticum aestivum)” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/1798

ĠU L 92, 26.3.2020, pp. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/443/oj

26.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/443

tal-25 ta’ Marzu 2020

li jawtorizza t-tibdil tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “Estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina (Triticum aestivum)” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq tal-Unjoni u dwar l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni.

(4)

Fis-6 ta’ Diċembru 2017, il-kumpanija TLL The Longevità Labs GmbH (“l-applikant”), għarrfet lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), dwar l-intenzjoni tagħha li tqiegħed l-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina (Triticum aestivum) fis-suq bħala ingredjent ta’ ikel ġdid. Għaldaqstant, l-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina kien inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid.

(5)

Fis-6 ta’ Awwissu 2019, l-applikant għamel talba lill-Kummissjoni biex tibdel l-ispeċifikazzjonijiet tal-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikant talab biex il-livell ta’ kadaverina jiżdied minn dak kurrenti ta’ < 0,1 μg/g għal ≤ 16,0 μg/g.

(6)

L-applikant iġġustifika t-talba billi indika li l-bidla hi meħtieġa biex tirrifletti l-livelli naturali ta’ kadaverina, sa ≤ 16,0 μg/g, li tista’ ssir detezzjoni analitika tagħhom, fis-sufara tal-qamħ tal-pjanta Triticum aestivum. Il-livell attwalment awtorizzat ta’ < 0,1 μg/g ta’ kadaverina fl-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina, jirrappreżenta l-limitu ta’ detezzjoni bil-metodu analitiku li l-applikant kien niżżel bi żball fin-notifika inizjali bħala l-limitu ta’ speċifikazzjoni tal-kadaverina, u li tniżżel sussegwentement fl-ispeċifikazzjonijiet tal-lista tal-Unjoni ta’ dan l-ikel ġdid.

(7)

Il-kadaverina hija diammina li flimkien mal-istamina, mat-tirammina u mal-putrexxina jagħmlu parti mill-klassi tal-ammini bijoġeniċi li jifformaw b’mod naturali b’riżultat tal-metaboliżmu batteriku tal-proteini.

(8)

Ir-riskji għas-saħħa tal-ammini bijoġeniċi ġew evalwati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-2011 (4). Fl-opinjoni xjentifika, l-Awtorità osservat li t-tagħrif analitiku u d-data dwar il-konsum tal-ikel mill-Istati Membri wrew li l-kadaverina tinstab f’ikel differenti (xorb alkoħoliku, kondimenti, ħut u prodotti tal-ħut, laħam, prodotti tal-ħalib, ħxejjex u prodotti tal-ħxejjex) f’livelli medji li jistgħu jilħqu l-184 mg/kg ta’ ikel b’konsegwenza li d-doża tista’ tilħaq il-116,1 mg kadaverina kuljum.

(9)

Meta jitqies li l-livelli massimi proposti tal-kadaverina fl-ikel ġdid u d-doża li tirriżulta minnu abbażi tal-kundizzjonijiet awtorizzati tal-użu tal-ikel ġdid se jkunu mill-inqas tliet ordnijiet ta’ kobor inqas mil-livelli ta’ kadaverina li jiġu kkunsmati f’dieta normali, il-Kummissjoni tqis li l-bidliet proposti fil-livelli tal-kadaverina fl-ispeċifikazzjonijiet tal-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tas-sikurezza li appoġġaw l-awtorizzazzjoni ta’ dan l-ikel ġdid, u li evalwazzjoni tas-sikurezza tal-applikazzjoni attwali mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283 mhix meħtieġa. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet tal-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina bħala ikel ġdid, bil-livell ta’ kadaverina kif mitlub mill-applikant.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-entrata fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283, u inkluża fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, li tirreferi għall-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina (Triticum aestivum) bħala ikel ġdid, hija emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(4)   EFSA Journal 2011;9(10):2393


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata għal “Estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina (Triticum aestevium )” fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina (Triticum aestivum)

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-estratt tas-sufara tal-qamħ li fih ħafna spermidina jinkiseb mis-sufara tal-qamħ li mhux iffermentata u li ma tkunx qed tinbet (Triticum aestivum) permezz tal-proċess ta’ estrazzjoni solidu-likwidu li jimmira speċifikament, iżda mhux esklużivament, il-poliammini.

Spermidina:(N- (3-amminopropil)butan-1,4-diammina): 0,8–2,4 mg/g

Spermina: 0,4-1,2 mg/g

Triklorur tal-ispermidina < 0,1 μg/g

Putrexxina: < 0,3 mg/g

Kadaverina: ≤ 16,0 μg/kg

Mikotossini:

Aflatossini (total): < 0,4 μg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Batterji aerobiċi totali: < 10 000 CFU/g

Ħmira u moffa: < 100 CFU/g

Escherichia coli: < 10 CFU/g

Salmonella: Assenti f’25 g

Listeria monocytogenes: Assenti f’25 g”


Top