Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1357

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1357 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Slovakka biex jittaffew r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    ĠU L 314, 29.9.2020, p. 63–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1357/oj

    29.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/63


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1357

    tal-25 ta’ Settembru 2020

    li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Slovakka biex jittaffew r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-6 ta’ Awwissu 2020, is-Slovakkja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

    (2)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mis-Slovakkja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha mistennija jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, is-Slovakkja kienet mistennija jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 8,5 % u 59,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tas-Slovakkja huwa projettat li jonqos b’9,0 % fl-2020.

    (3)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fis-Slovakkja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika fis-Slovakkja fir-rigward tal-iskema nazzjonali tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif stipulat fil-premessa (4).

    (4)

    B’mod aktar speċifiku, l-“Att Nru 5/2004 Coll. dwar is-Servizz għall-Impjiegi”, imsemmi fit-talba tas-Slovakkja tas-6 ta’ Awwissu 2020, kien il-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, inkluża skema għall-appoġġ tal-impjegaturi li kellhom jagħtu assenzi bil-permess lill-impjegati bejn Marzu 2020 u Diċembru 2021. Tali impjegaturi jistgħu jitolbu rimborż tal-ispejjeż tal-paga li jasal sa 80 % tas-salarju gross tas-soltu tal-impjegat assenti bil-permess, sa mhux aktar minn EUR 880 fix-xahar, dment li l-impjegat jinżamm. Barra minn hekk, ġie introdott għadd ta’ miżuri akkumpanjatorji: (a) kontribuzzjoni b’ammont fiss għal kull impjegat minn Marzu sa tmiem Settembru 2020 li tiddependi fuq tnaqqis fil-bejgħ ta’ mill-inqas 20 % (b’appoġġ kull xahar li jmur minn EUR 180 għal EUR 540, skont it-tnaqqis fil-bejgħ); (b) kontribuzzjoni b’ammont fiss sa tmiem Settembru 2020 pagabbli lil dawk li jaħdmu għal rashom li għandhom assigurazzjoni soċjali obbligatorja li tiddependi fuq tnaqqis fil-bejgħ ta’ mill-inqas 20 % (appoġġ ta’ kull xahar ta’ bejn EUR 180 u EUR 540, skont it-tnaqqis fil-bejgħ); (c) rimborż ta’ 80 % tas-salarju gross tal-impjegat (sa massimu ta’ EUR 1 100) sa tmiem Settembru 2020 għall-impriżi magħluqa b’digriet; u (d) għotja b’rata fissa ta’ EUR 210 fix-xahar sa tmiem Settembru 2020 għall-ħaddiema li jaħdmu b’kuntratt, kumpaniji b’persuna waħda, u dawk li jaħdmu għal rashom. L-għotja b’rata fissa tista’ titqies li hija miżura li tixbah l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, minħabba li għandha l-mira li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis jew telf tal-introjtu.

    (5)

    Is-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Is-Slovakkja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 1 077 457 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din tikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li l-miżuri jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fis-Slovakkja. Is-Slovakkja beħsiebha tiffinanzja EUR 390 262 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni u EUR 56 311 400 permezz tal-finanzjament tagħha stess.

    (6)

    Il-Kummissjoni kkonsultat lis-Slovakkja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (7)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li s-Slovakkja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

    (8)

    Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma teliminax il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

    (9)

    Jenħtieġ li s-Slovakkja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn is-Slovakkja implimentat dik in-nefqa.

    (10)

    Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tas-Slovakkja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    Artikolu 2

    1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-Slovakkja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 630 883 600. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

    2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għas-Slovakkja f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

    4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    5.   Is-Slovakkja għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

    Artikolu 3

    Is-Slovakkja tista’ tiffinanzja l-iskema nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u l-miżuri akkumpanjatorji kif previst fl-Artikolu 54(1)(e) tal-“Att Nru 5/2004 Coll. dwar is-Servizz għall-Impjiegi”.

    Artikolu 4

    Is-Slovakkja għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.


    Top