Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1351

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1351 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Latvja biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    ĠU L 314, 29.9.2020, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/11/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1351/oj

    29.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/38


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1351

    tal-25 ta’ Settembru 2020

    li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Latvja biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Latvja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tagħha għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

    (2)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mil-Latvja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, kien mistenni li l-Latvja jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 7,3 % u 43,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Latvja huwa previst li jonqos b’7 % fl-2020.

    (3)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Latvja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda qawwija fin-nefqa pubblika mil-Latvja fir-rigward tal-iskema għall-kumpens taż-żmien inattiv tal-ħaddiema u l-iskemi ta’ appoġġ relatati – l-allowance għal waqfien u l-bonus għall-ħaddiema għat-tfal, skema ta’ sussidji tal-pagi għall-industrija tal-esportazzjoni, u pagamenti ta’ appoġġ għall-pagi għal professjonisti mediċi u dawk impjegati mill-industrija kulturali – kif ukoll nefqa relatata mas-saħħa fuq tagħmir personali protettiv u benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, kif stabbilit fil-premessi (4) sa (7).

    (4)

    "Ir-Regolament tal-Kabinett Nru 179 (Adottat fil-31 ta’ Marzu 2020) “Regolamenti rigward l-Għotja għall-Inattività għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom affettwati mill-firxa tal-COVID-19” u “Ir-Regolament Nru 165 (Adottat fis-26 ta’ Marzu 2020) “Regolamenti rigward l-impjegaturi affettwati mill-kriżi kkawżata mill-COVID-19 li huma eliġibbli għall-għotja għall-inattività u diviżjoni tat-taxxa li tħallset tard fi ħlasijiet parzjali jew differiment tagħhom għal sa tliet snin””, imsemmija fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċew skema għall-kumpens taż-żmien inattiv tal-ħaddiema. L-iskema tħallas pagi lill-impjegati ta’ kumpaniji tas-settur privat li huma assenti bil-permess. Din tkopri bejn 50% u 75% tas-salarji tal-impjegati, skont id-daqs tan-negozju, b’limitu massimu ta’ EUR 700 għal kull impjegat fix-xahar. Marbuta mal-iskema tal-kumpens għal żmien inattiv tal-ħaddiema hemm l-iskema relatata ta’ għotja għal żmien ta' waqfien mix-xogħolu l-bonus tal-ħaddiema għal tfal. Abbażi tar-"Regolament tal-Kabinett Nru 236 "Regolamenti Rigward l-Għotja ta' Assistenza għall-Inattività għall-Impjegati jew għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom affettwati mill-firxa tal-COVID-19"", imsemmija fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-iskema ta’ għotja għaż-żmien ta' waqfien mix-xogħol tipprovdi benefiċċju minimu għall-ħaddiema impjegati assenti bil-permess jew għal dawk li jaħdmu għal rashom li jew ma jikkwalifikawx għal appoġġ skont l-iskema għall-kumpens ta’ żmien inattiv tal-ħaddiema minħabba raġunijiet mhux relatati magħhom, jew jirċievu inqas minn EUR 180 minnha. Il-benefiċċju jiżgura livell minimu ta’ appoġġ, u jiżgura li l-impjegati kollha jew il-persuni li jaħdmu għal rashom jirċievu benefiċċju ta’ mhux inqas minn EUR 180 fix-xahar.

    Il-bonus għall-iskema tat-tfal jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-impjegati assenti bil-permess li għandhom ulied dipendenti fuqhom. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li tipprovdi appoġġ għad-dħul għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li se jgħin ikopri l-ispejjeż tal-indukrar tat-tfal matul l-għeluq tal-iskejjel u b’hekk jgħin lill-ġenituri biex ikomplu jaħdmu, u r-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx f’riskju.

    (5)

    Ir-“Rapport ta’ informazzjoni dwar miżuri biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku” stabbilixxa skema ta’ sussidji fuq il-pagi għall-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni, li hija kontinwazzjoni tal-iskema għall-kumpens għaż-żmien inattiv tal-ħaddiema mmirata speċifikament lejn l-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni.. Il-miżura tiddependi fuq min jirċievi l-prova li r-riżorsi se jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tas-salarji.

    (6)

    L-awtoritajiet introduċew żewġ pagamenti ta’ appoġġ għall-paga mmirati lejn il-professjonisti mediċi u dawk impjegati mill-industrija kulturali. Abbażi tal-“Liġi dwar miżuri għall-prevenzjoni u t-trażżin tat-theddida għall-istat u l-konsegwenzi tagħha għall-firxa tal-COVID-19", u għal-'Liġi dwar it-Trażżin tal-Konsegwenzi tal-Firxa tal-Infezzjoni tal-COVID-19” u l-“Ordni tal-Kabinett Nru 303 "Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji mill-Programm tal-Programm tal-Baġit tal-Istat "Fondi ta' Kontinġenza""'” rispettivament, imsemmija fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, il-pagamenti ta’ appoġġ għall-paga jipprovdu għotjiet lill-industriji mediċi u kulturali sabiex jappoġġaw il-ħlas tal-pagi filwaqt li l-ħaddiema huma assenti bil-permess. Iż-żewġ skemi jiddependu fuq l-użu ta’ dawn l-għotjiet biex ikopru l-ispejjeż tas-salarji.

    (7)

    Fl-aħħar nett, il-Latvja introduċiet żewġ miżuri relatati mas-saħħa. Abbażi tal-"Ordni tal-Kabinett Nru 79, 118 u 220 "L-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji mill-programm tal-baġit tal-istat 'fondi għall-emerġenzi'"", imsemmija fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet żiedu n-nefqa relatata mas-saħħa fit-tagħmir ta' protezzjoni personali u provvisti mediċi oħra biex jiżguraw is-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati tas-settur pubbliku, b’mod partikolari, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, abbażi ta’ “09.06.2020. Regolament tal-Kabinett Nru 380 "Regolamenti dwar ir-riżorsi biex tiġi żgurata s-sikurezza epidemjoloġika meħtieġa għall-istituzzjonijiet inklużi fil-lista ta’ istituzzjonijiet u ħtiġijiet ta’ prijorità"”, imsemmi fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet tal-gvern ħallsu l-benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, filwaqt li l-gvern ħallas l-appoġġ tal-liv tal-mard li ttieħed minħabba l-ħtieġa għal awtoiżolament jew awtokwarantina. Normalment, parti mill-benefiċċji tal-mard ikollha titħallas minn min iħaddem, filwaqt li skont din l-iskema l-Istat ħallas l-ispejjeż kollha.

    (8)

    Il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Latvja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 212 808 280 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-ammont miżjud relatat direttament mal-iskema għall-kumpens taż-żmien inattiv tal-ħaddiema u skemi ta’ appoġġ relatati, l-iskema tas-sussidji tal-pagi għall-industrija tal-esportazzjoni, il-professjonisti mediċi u l-industrija kulturali. Din tikkostitwixxi żieda għal għarrieda qawwija minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Latvja. Il-Latvja biħsiebha tiffinanzja EUR 20 108 280 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tagħha stess.

    (9)

    Il-Kummissjoni kkonsultat lil-Latvja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda qawwija fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (10)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Latvja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

    (11)

    Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista' ssir, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

    (12)

    Jenħtieġ li l-Latvja tinforma lill-Kummissjoni regolarment dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Latvja implimentat dik in-nefqa.

    (13)

    Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Latvja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    Artikolu 2

    1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Latvja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 192 700 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

    2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

    3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil-Latvja f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rrispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

    4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    5.   Il-Latvja għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

    Artikolu 3

    Il-Latvja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    l-iskema għall-kumpens ta’ żmien inattiv tal-ħaddiema, kif previst fir-"Regolamenti tal-Kabinett Nru 179 (Adottat fil-31 ta’ Marzu 2020) "Regolamenti rigward l-Għotja għall-Inatttività għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom affettwati mill-firxa tal-COVID-19" u Nru 165 (adottat fis-26 ta’ Marzu 2020) "Regolamenti rigward l-impjegaturi affettwati mill-kriżi kkawżata mill-COVID-19 li huma eliġibbli għall-għotja għall-inattività u diviżjoni tat-taxxa li tħallset tard fi Ħlasijiet Parzjali jew Differiment Tagħhom għal sa Tliet Snin"";

    (b)

    l-għotja għal żmien ta' waqfien mix-xogħol, kif previst abbażi tar-"Regolament tal-Kabinett Nru 236 "Regolamenti Rigward l-Għotja ta' Assistenza għall-Inattività għall-Impjegati jew għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom affettwati mill-firxa tal-COVID-19"";

    (c)

    il-bonus tal-ħaddiema għat-tfal, kif previst fl-"Ordni tal-Kabinett Nru 178 "Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji għall-Programm tal-Baġit tal-Istat 'Fondi għal Emerġenzi Nazzjonali"";

    (d)

    l-iskema għas-sussidji tal-pagi għall-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni, kif previst fir-"Rapport ta’ informazzjoni dwar miżuri biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku";

    (e)

    pagamenti ta’ appoġġ għall-paga għal professjonisti mediċi u dawk impjegati mill-industrija kulturali, kif previst fil-"Liġi dwar il-Miżuri għall-Prevenzjoni u t-Trażżin ta’ Theddid għall-Istat u l-Konsegwenzi Tagħha Minħabba l-Firxa tal-COVID-19", u l-"Liġi dwar it-Trażżin tal-Konsegwenzi tal-Infezzjoni tal-COVID-19" u l-"Ordni tal-Kabinett Nru 303 "Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji mill-Programm tal-Programm tal-Baġit tal-Istat "Fondi ta’ Kontinġenza'"", rispettivament;

    (f)

    in-nefqa relatata mas-saħħa fit-tagħmir ta' protezzjoni personali, kif previst fl-"Ordnijiet tal-Kabinett Nru 79, 118 u 220 "Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji mill-Programm tal-Baġit tal-Istat 'fondi għall-emerġenzi"";

    (g)

    benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, kif previst fi "9 ta ’Ġunju 2020. Ir-Regolament tal-Kabinett Nru 380 minn 9 ta ’Ġunju 2020"Regolamenti dwar ir-riżorsi biex tiġi żgurata s-sikurezza epidemjoloġika meħtieġa għall-istituzzjonijiet inklużi fil-lista ta’ istituzzjonijiet u ħtiġijiet ta’ prijorità"".

    Artikolu 4

    Il-Latvja għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara dan dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.


    Top