Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0726

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/726 tas-27 ta’ Mejju 2020 li tiċħad talba għall-protezzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Commune de Champagne (IĠP)) (notifikata bid-dokument C(2020) 3323) (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

    C/2020/3323

    ĠU L 170, 2.6.2020, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/726/oj

    2.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 170/15


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/726

    tas-27 ta’ Mejju 2020

    li tiċħad talba għall-protezzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Commune de Champagne (IĠP))

    (notifikata bid-dokument C(2020) 3323)

    (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    B’konformità mal-Artikolu 97 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat it-talba għall-protezzjoni tal-isem “Commune de Champagne” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, mibgħuta mill-Communauté de la vigne et du vin de la Commune de Champagne, Canton de Vaud, l-Iżvizzera (CVVCCVDCH) u l-membri tagħha (l-applikant) nhar it-3 ta’ Novembru 2015.

    (2)

    Bi tweġiba għal xi talbiet għal kjarifiki mibgħuta mill-Kummissjoni, speċifikament fuq il-protezzjoni tal-isem “Commune de Champagne”, is-CVVCCVDCH bagħtet verżjoni ġdida tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kif ukoll sommarju u informazzjoni supplimentari, fl-1 ta’ Diċembru 2016 u fis-7 ta’ April 2017.

    (3)

    Il-Kummissjoni nnutat li l-isem “Commune de Champagne” ma jidhirx fost id-denominazzjonijiet irreġistrati fir-repertorju Żvizzeru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollati miżmum mill-Office Fédéral de l’Agriculture, skont l-Artikolu 25 tal-Ordonnance sur la viticulture et l’importation du vin, 916.140, tal-14 ta’ Novembru 2007.

    (4)

    Barra minn hekk, wara eżami tad-dokumentazzjoni mibgħuta mis-CVVCCVDCH, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-isem “Commune de Champagne” ma jistax ikun protett b’mod validu fl-Iżvizzera. Minn banda, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli (2), speċifikament l-Artikolu 8 tal-Anness 7 tiegħu, jistipula l-obbligu li l-Konfederazzjoni Żvizzera tipproteġi u tirriżerva fuq it-territorju Żvizzeru l-isem “Champagne”, billi dan jirreferi għal inbid li joriġina mill-Unjoni Ewropea. Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 32 tar-Règlement sur les vins vaudois tas-27 ta’ Mejju 2009 (Canton de Vaud, il-Konfederazzjoni Żvizzera) jirrigwarda d-dritt li tintwera referenza lokali fuq l-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata rreġistrata u taħt ċerti kundizzjonijiet. Dak l-istess Artikolu jistipula regoli għat-tikkettar tal-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata, f’dan il-każ “Bonvillars”, fis-sens illi jippermetti li titwaħħal ir-referenza għall-muniċipalità li minnha joriġina l-għeneb. Ma jagħtix, fih innifsu, il-protezzjoni tal-isem “Commune de Champagne” bħala indikazzjoni ġeografika.

    (5)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-applikant ma tax prova li l-isem ikkonċernat huwa protett b’mod validu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Il-kundizzjoni tal-Artikolu 94(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 b’hekk mhijiex issodisfata.

    (6)

    Minn dan jirriżulta li mhumiex issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fit-Titolu II, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2, is-Subtaqsima 2, “Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi” tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (7)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li t-talba għall-protezzjoni tal-isem “Commune de Champagne” bħala indikazzjoni ġeografika protetta tiġi miċħuda, skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (8)

    Il-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-talba biex jiġi rreġistrat l-isem “Commune de Champagne” hija miċħuda.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Communauté de la vigne et du vin de la Commune de Champagne, Canton de Vaud, l-Iżvizzera (CVVCCVDCH).

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Janusz WOJCIECHOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.


    Top