EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0152

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/152 tat-3 ta’ Frar 2020 li tipprojbixxi lir-Rumanija milli terġa’ tagħti l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva clothianidin jew imidacloprid għall-użu fuq Brassica napus kontra Phyllotreta spp. jew Psylloides spp. (notifikata bid-dokument C(2020) 458) (It-test Rumen biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/458

ĠU L 33, 5.2.2020, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/152/oj

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/16


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/152

tat-3 ta’ Frar 2020

li tipprojbixxi lir-Rumanija milli terġa’ tagħti l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva clothianidin jew imidacloprid għall-użu fuq Brassica napus kontra Phyllotreta spp. jew Psylloides spp.

(notifikata bid-dokument C(2020) 458)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(3)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013 (2) emenda l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi thiamethoxam, clothianidin u imidacloprid, li jappartjenu għall-klassi tan-neonikotinojdi. L-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament ipprojbixxa l-bejgħ u l-użu taż-żrieragħ ta’ ċerti għelejjel ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi, bl-eċċezzjoni taż-żrieragħ użati fis-serer. L-Istati Membri kellhom b’hekk jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi.

(2)

Mit-28 ta’ Frar 2014, abbażi tad-deroga prevista fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, ir-Rumanija tat kontinwament awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza li jkopru t-trattament taż-żrieragħ, il-bejgħ u ż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra ġew debitament innotifikati b’dawn l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza.

(3)

Fl-20 ta’ Marzu 2017, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni b’erba’ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza fis-seħħ mill-1 ta’ Frar 2017 sas-16 ta’ Mejju 2017 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi imidacloprid (NUPRID AL 600 FS u Seedoprid 600 FS), thiamethoxam (Cruiser 350 FS) u clothianidin (PONCHO 600 FS) għall-użu kemm fuq Helianthus annuus u kemm fuq Zea mays kontra Agriotes spp. u Tanymecus dilatilacols. Fit-13 ta’ Settembru 2017, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni b’żewġ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza fis-seħħ mill-21 ta’ Lulju 2017 sas-16 ta’ Ottubru 2017 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi imidacloprid (NUPRID AL 600 FS) u clothianidin (MODESTO 480 FS) għall-użu fuq Brassica napus kontra Phyllogreta spp. u Psylliodes spp.

(4)

Fil-15 ta’ Settembru 2017, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex tivvaluta l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għal diversi Stati Membri, inklużi tar-Rumanija, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi clothianidin, imidacloprid u thiametoxam għall-użi li ma għadhomx approvati permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 485/2013, fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza stabbiliti fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

Fit-18 ta’ Mejju 2018, ir-Rumanija nnotifikat mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti MODESTO 480 FS u NUPRID AL 600 FS, li fihom is-sustanzi attivi clothianidin u imidacloprid għat-trattament taż-żrieragħ u ż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati, għall-użu fuq Brassica napus var. napobrassica kontra Phyllotresta spp. u Psylliodes spp.

(6)

Fir-rigward tat-tliet sustanzi attivi kkonċernati, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 (3), (UE) 2018/784 (4) u (UE) 2018/785 (5) ikkonfermaw ir-restrizzjonijiet imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 485/2013. Dawn komplew jillimitaw l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi imidacloprid, clothianidin u thiamethoxam u jippermettu biss l-awtorizzazzjoni li jintużaw bħala insettiċidi f’serer permanenti jew għat-trattament ta’ żrieragħ maħsuba biex jintużaw biss f’serer permanenti. Barra minn hekk, l-għelejjel li jirriżultaw iridu jibqgħu fis-serer permanenti matul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom.

(7)

Fir-rapport tekniku li ġie ppreparat fuq talba tal-Kummissjoni li għalih hemm referenza fil-premessa 4 u li ġie ppubblikat fil-21 ta’ Ġunju 2018 (6) dwar is-sitt kombinazzjonijiet ta’ għelejjel/pesti, li għalihom ir-Rumanija tat l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza, l-Awtorità kklonkludiet li għal tliet kombinazzjonijiet ta’ għelejjel/pesti kien hemm prodott li fih sustanza attiva alternattiva awtorizzata bl-istess mod ta’ azzjoni, li huma Brassica napus/Phyllotreta atra., Brassica napus/Psylliodes chrysocephala, u Zea mays/Tanymecus dilaticollis. Barra minn hekk, erba’ prodotti koprew mhux biss Zea mays/Tanymecus dilaticollis, li għalihom kien hemm alternattiva diġà eżistenti, iżda saħansitra intużaw fl-istess ħin biex ikopru kombinazzjonijiet ta’ għelejjel/pesti oħrajn, b’mod partikolari Zea mays/Agriotes spp., Helianthus annuus/Agriotes spp. u Helianthus annuus/Tanymecus dilaticollis, li ma kien hemm l-ebda prodott b’sustanza alternattiva disponibbli għalihom.

(8)

Għalhekk, abbażi tal-valutazzjoni mill-Awtorità, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ma ġewx issodisfati fir-Rumanija fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għal MODESTO 480 FS li fih is-sustanza attiva clothianidin u għal NUPRID AL 600 FS li fih is-sustanza attiva imidacloprid għall-użu għall-kombinazzjonijiet tal-għelejjel/pesti Brassica napus/Phyllosteta spp. u Brassica napus/Psylliodes spp. hekk kif dawn l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza jkopru kombinazzjoni ta’ għelejjel/pesti li għalihom ġie awtorizzat prodott ieħor, li fih sustanza attiva alternattiva bl-istess mod ta’ azzjoni. Il-prodotti li jkopru Zea mays/Tanymecus dilaticollis, li għalihom kien awtorizzat prodott ieħor, li fih sustanza attiva alternattiva bl-istess mod ta’ azzjoni, kopra wkoll pest ieħor għall-istess għalla li għaliha ma kien hemm l-ebda alternattiva disponibbli, u, konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ dawn il-prodotti huwa aċċettabbli fuq Zea mays, dan għaliex jenħtieġ li l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti multipli fuq l-istess għelejjel biex jiġu indirizzati pesti differenti ma jiġix imħeġġeġ meta dan jista’ jiġi evitat.

(9)

B’hekk, permezz tal-ittra tas-16 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni talbet lir-Rumanija biex tikkonferma li ma terġax tagħti l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti MODESTO 480 FS, li fih is-sustanza attiva clothianidin u NUPRID AL 600 FS, li fih is-sustanza attiva imidacloprid għall-użu fuq kombinazzjonijiet tal-għelejjel/pesti Brassica napus/Phyllotreta spp. u Brassica napus/Psylliodes spp. Fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Settembru 2018, ir-Rumanija kienet tal-fehma li l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza rispettivi kienu ġġustifikati.

(10)

Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn tiddeċiedi li r-Rumanija ma tistax terġa’ tagħti l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li fihom is-sustanza attiva clothianidin u/jew imidacloprid, għall-użu fuq il-kombinazzojnijiet tal-għelejjel/parassiti Brassica napus/Phyllotreta spp., jew Brassica napus/Psylliodes spp..

(11)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stipulat mill-President tiegħu. Att ta’ implimentazzjoni tqies bħala neċessarju u l-president issottometta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat tal-appell ma tax opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Rumanija ma tistax terġa’ tagħti l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi clothianidin jew imidacloprid għall-użu fuq Brassica napus kontra l-parassiti Phyllotreta spp. jew Psylloides spp..

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013 tal-24 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa trattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi (ĠU L 139, 25.5.2013, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva imidakloprid (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 31).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 35).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 40).

(6)  Pubblikazzjonijiet ta’ sostenn tal-EFSA 2018:EN-1416.


Top