Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1901

    Regolament Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1901 tas-7 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward ta’ livelli massimi ta’ ċitrinina fis-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra Monascus purpureus (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 293, 14.11.2019, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1901/oj

    14.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/2


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1901

    tas-7 ta’ Novembru 2019

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward ta’ livelli massimi ta’ ċitrinina fis-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra Monascus purpureus

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċitrinina fis-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamraMonascus purpureus.

    (2)

    Wara talba mill-Kummissjoni biex tingħata opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa miċ-ċitrinina fl-ikel u fl-għalf, fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adotta opinjoni dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali marbuta mal-preżenza taċ-ċitrinina fl-ikel u fl-għalf (3). Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti kkonkluda li, fuq il-bażi tad-data disponibbli, ma setax jeskludi li ċ-ċitrinina, minkejja li ma tikkawżax tħassib fir-rigward tan-nefrotossiċità, ma tikkawżax tħassib fir-rigward tal-ġenotossiċità u l-karċinoġeniċità.

    (3)

    Id-data disponibbli dwar il-preżenza taċ-ċitrinina f’ċerti preparazzjonijiet tar-ross iffermentat bil-ħmira ħamra żvelat livelli għoljin ta’ ċitrinina f’dawk il-preparazzjonijiet. Għalhekk, ġie stabbilit livell massimu ta’ ċitrinina fil-preparazzjonijiet tar-ross iffermentat bil-ħmira ħamra fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006. Minħabba n-nuqqasijiet fl-għarfien fir-rigward tal-preżenza taċ-ċitrinina fil-preparazzjonijiet tar-ross iffermentat bil-ħmira ħamra u f’oġġetti tal-ikel oħra, u minħabba l-inċertezzi li għad fadal fir-rigward tal-karċinoġeniċità u tal-ġenotossiċità tagħha, tqies li kien xieraq li jsir rieżami tal-livell massimu.

    (4)

    Fl-2015, l-Awtorità ppubblikat sejħa għall-proposti biex tinvestiga l-konċentrazzjonijiet taċ-ċitrinina f’kampjuni ta’ ikel b’enfasi speċjali fuq il-ħbub u l-prodotti bbażati fuq l-ħbub minn reġjuni ġeografiċi differenti fl-Ewropa. Ir-rapport li jiddeskrivi l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet “Occurrence of citrinin in food” [“L-okkorrenza taċ-ċitrinina fl-ikel”] (4) ġie ppubblikat fl-2017. Inkisbet data rappreżentattiva dwar l-okkorrenza taċ-ċitrinina fl-ikel fl-Ewropa, prinċipalment fiċ-ċereali u fil-prodotti taċ-ċereali u fis-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra.

    (5)

    Id-data l-ġdida dwar l-okkorrenzi taċ-ċitrinina tindika li ma hemmx bżonn li jiġu stabbiliti l-livelli massimi taċ-ċitrinina fl-ikel, apparti fis-supplimenti tar-ross iffermentat bil-ħmira ħamra. Madankollu, għaċ-ċitrinina fis-supplimenti tal-ikel li fihom il-ħmira ħamra Monascus purpureus, id-data rappreżentattiva miksuba dwar l-okkorrenza tixhed li l-livell massimu jenħtieġ li jitbaxxa. Ma kien hemm l-ebda data ġdida disponibbli dwar it-tossiċità taċ-ċitrinina, li tirrikjedi aġġornament tal-valutazzjoni li saret mill-Awtorità dwar ir-riskji taċ-ċitrinina għas-saħħa pubblika. Għalhekk, l-inċertezzi fir-rigward tal-ġenotossiċità u tal-karċinoġeniċità taċ-ċitrinina għadhom hemm. Għalhekk f’ġieħ il-protezzjoni tas-saħħa pubblika jeħtieġ li l-livelli taċ-ċitrinina fl-ikel ikunu baxxi kemm jista’ jkun. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra billi d-data tixhed livelli għoljin ħafna ta’ ċitrinina f’ċerti kampjuni ta’ dawn il-prodotti, li jirriżultaw f’esponiment għoli għaċ-ċitrinina għall-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti. Fl-istess ħin, mid-data disponibbli feġġ li, permezz ta’ applikazzjoni ta’ proċessi ta’ manifattura tajbin, jistgħu jinksbu livelli baxxi ta’ citrinina fis-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra Monascus purpureus. Meta jitqiesu l-inċertezzi li għad fadal fir-rigward tat-tossiċità taċ-ċitrinina u fir-rigward ta’ kemm huwa fattibbli li jinkisbu livelli baxxi ta’ ċitrinina billi jiġu applikati prattiki ta’ manifattura tajbin, huwa xieraq li jitnaqqas il-livell massimu ta’ ċitrinina fis-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra Monascus purpureus biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    (6)

    Jenħtieġ li jingħata perjodu ta’ żmien raġonevoli li jippermetti lill-Istati Membri u lill-operaturi tan-negozji tal-ikel jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Is-supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra Monascus purpureus li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima jew sad-data ta’ skadenza tagħhom.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ April 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

    (3)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM); Scientific Opinion on the risks for public and animal health related to the presence of citrinin in food and feed. [Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali marbuta mal-preżenza taċ-ċitrinina fl-ikel u fl-għalf.] EFSA Journal 2012;10(3):2605. [82 pp.] Disponibbli online fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal.

    (4)  López P, de Nijs M, Spanjer M, Pietri A, Bertuzzi T, Starski A, Postupolski J, Castellari M u Hortós M, 2017. Generation of occurrence data on citrinin in food [Ġenerazzjoni ta’ data dwar l-okkorrenza taċ-ċitrinina fl-ikel]. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2017:EN-1177. 47 pp.


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fit-Taqsima 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, l-entrata 2.8.1 li ġejja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Oġġetti tal-Ikel (1)

    Livelli massimi (µg/kg)

    2.8

    Ċitrinina

     

    2.8.1

    Supplimenti tal-ikel ibbażati fuq ir-ross iffermentat bil-ħmira ħamra Monascus purpureus

    100”

    (2)

    In-nota f’qiegħ il-paġna “(*) Il-livell massimu għandu jiġi rivedut qabel l-1 ta’ Jannar 2016 fid-dawl ta’ tagħrif dwar l-esponiment għaċ-ċitrinina minn oġġetti oħra tal-ikel u informazzjoni aġġornata dwar it-tossiċità taċ-ċitrinina b’mod partikolari fir-rigward tal-karċinoġeniċità u l-ġenotossiċità” hija mħassra.


    Top