Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1718

    Regolament Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1718 tal-14 ta’ Ottubru 2019 li jipproteġi t-termini tradizzjonali Opolo, Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP), Kvalitetno bates vino, Mlado vino, Vrhunsko pjenušavo vino u Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP) li jidentifikaw l-inbejjed prodotti fil-Kroazja

    C/2019/7230

    ĠU L 262, 15.10.2019, p. 13–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1718/oj

    15.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 262/13


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1718

    tal-14 ta’ Ottubru 2019

    li jipproteġi t-termini tradizzjonali “Opolo”, “Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP)”, “Kvalitetno bates vino”, “Mlado vino”, “Vrhunsko pjenušavo vino” u “Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP)” li jidentifikaw l-inbejjed prodotti fil-Kroazja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 115(2) u (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 (2) stabbilixxa ċerti regoli dettaljati rigward id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, it-termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid. Ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 tħassar bir-Regolament Delegat (UE) 2019/33 (3) fl-14 ta’ Jannar 2019.

    (2)

    Skont l-Artikolu 61(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33, ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 għandu jkompli japplika għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni u għall-proċeduri ta’ oġġezzjoni li jikkonċernaw termini tradizzjonali li għalihom kienet pendenti applikazzjoni għall-protezzjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33.

    (3)

    Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, fis-17 ta’ Mejju 2013, il-Kroazja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-ismijiet “Opol o”, “Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP )”, “Kvalitetno biser vin o”, “Mlado vin o”, “Vrhunsko pjenušavo vin o” u “Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP )” bħala termini tradizzjonali (minn hawn ’il quddiem “it-termini tradizzjonali Kroati”’ jew “it-termini tradizzjonali li għalihom il-Kroazja talbet il-protezzjoni’).

    (4)

    L-applikazzjoni għall-protezzjoni tat-termini tradizzjonali Kroati ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) fl-10 ta’ Frar 2018, u, fl-4 ta’ April 2018, il-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni għall-applikazzjoni għall-protezzjoni tat-termini tradizzjonali mill-Bożnija-Ħerzegovina, skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009.

    (5)

    Il-Kummissjoni eżaminat id-dikjarazzjoni motivata ta’ oġġezzjoni u d-dokumenti ta’ evidenza pprovduti mill-Bożnija-Ħerzegovina u sabet li l-oġġezzjoni hija ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 607/2009.

    (6)

    Il-Bożnija-Ħerzegovina oġġezzjonat għall-applikazzjoni għall-protezzjoni fuq il-bażi li t-termini tradizzjonali li għalihom il-Kroazja talbet il-protezzjoni huma rregolati mil-liġijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina bħala termini li jiddeskrivu ċerti nbejjed skont il-kwalità, il-kulur jew il-kontenut ta’ zokkor residwu tagħhom, u huma termini li tradizzjonalment jintużaw mill-produtturi tal-inbid tagħhom. Il-Bożnija-Ħerzegovina sostniet ukoll li dawk it-termini tradizzjonali li għalihom il-Kroazja talbet il-protezzjoni huma parti mill-wirt legali ta’ dik li qabel kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“SFRY”) u għalhekk ġew trasferiti fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi li rriżultaw mill-qsim ta’ dik li qabel kienet l-SFRY. Fl-aħħar nett, il-Bożnija-Ħerzegovina enfasizzat li l-lingwa Kroata hija waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Bożnija-Ħerzegovina, li tispjega l-eżistenza ta’ ċerti termini li huma omonimi ta’ termini użati fil-Kroazja biex jiddeskrivu nbejjed. Fuq dik il-bażi, il-Bożnija-Ħerzegovina talbet is-salvagwardja tad-dritt tal-produtturi tagħha li jkomplu jużaw dawk it-termini wara d-dħul fis-seħħ tal-att legali li jikkonferixxi protezzjoni fuq it-termini tradizzjonali Kroati.

    (7)

    Bl-ittra tat-28 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni bagħtet il-fajls relatati mal-oġġezzjoni lill-Kroazja u stednitha tippreżenta osservazzjonijiet fi żmien xahrejn mill-ħruġ tal-ittra tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009.

    (8)

    Bil-posta elettronika, il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzegovina kkomunikaw lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jiltaqgħu bil-ħsieb li jilħqu ftehim. Iż-żewġ pajjiżi talbu li l-Kummissjoni tkun preżenti għal-laqgħa.

    (9)

    Fil-laqgħa li saret fit-30 ta’ Jannar 2019, il-Kroazja rrikonoxxiet li t-termini tradizzjonali inkwistjoni kienu jintużaw f’diversi reġjuni ta’ dik li qabel kienet l-SFRY għal għexieren ta’ snin u assigurat lill-Bożnija-Ħerzegovina li l-Kroazja ma kinitx se titlob l-użu esklussiv tagħhom. Madankollu, il-Kroazja esprimiet it-tħassib tagħha rigward l-użu ta’ ċerti termini tradizzjonali li għalihom il-Kroazja talbet il-protezzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina biex jiddeskrivu nbejjed mingħajr denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta. Il-Bożnija-Ħerzegovina pprovdiet assigurazzjonijiet li l-allinjament kontinwu tal-leġiżlazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tat-termini tradizzjonali se jindirizza dan it-tħassib.

    (10)

    Iż-żewġ pajjiżi rrikonoxxew li huma mhux biss jaqsmu l-wirt legali ta’ dik li qabel kienet l-SFRY iżda li inevitabbilment jużaw ukoll l-istess kliem bażiku Slav bħala sinonimi ta’ termini bħal “denominazzjoni ta’ oriġini protetta”, “inbid ta’ kwalità”, “inbid bikri”. Iż-żewġ pajjiżi aċċettaw li kieku dawk it-termini kellhom jiġu protetti għall-użu minn pajjiż wieħed biss, ikun impossibbli għall-pajjiż l-ieħor li jissostitwixxi t-termini, li ilhom jintużaw għal diversi għexieren ta’ snin b’termini li ma jkunux identiċi għat-termini tradizzjonali Kroati.

    (11)

    Għalhekk, il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzegovina qablu li għandu jiġi previst perjodu tranżizzjonali li matulu l-Bożnija-Ħerzegovina jenħtieġ li titħalla tuża t-termini tradizzjonali protetti fuq prodotti tad-dwieli li ma jikkonformawx mad-definizzjoni u mal-kundizzjonijiet tal-użu ta’ dawk it-termini stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan il-perjodu tranżizzjonali għandu jippermetti lill-Bożnija-Ħerzegovina tlesti l-allinjament progressiv tal-leġiżlazzjoni tagħha mal-liġi tal-Unjoni, jew, alternattivament, tadatta t-tikkettar tal-inbejjed li jkollhom dawk it-termini tradizzjonali Kroati.

    (12)

    Il-kontenut tal-ftehim milħuq bejn il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzegovina ma jmurx kontra l-liġi tal-Unjoni.

    (13)

    Barra minn hekk, peress li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Bożnija-Ħerzegovina għadha mhijiex allinjata għalkollox mal-liġi tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 35(1)(c)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, applikazzjoni parallela tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-protezzjoni diretta skont dak ir-Regolament ma setgħetx tirrappreżenta soluzzjoni possibbli.

    (14)

    Għalhekk, b’kont meħud tal-interess tal-produtturi u tal-operaturi li ilhom jużaw dawk it-termini legalment sa issa, u sabiex jingħelbu d-diffikultajiet temporanji ffaċċjati mill-Bożnija-Ħerzegovina, huwa xieraq li jingħata perjodu tranżizzjonali li jippermetti l-armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (15)

    Madankollu, peress li dan ir-Regolament japplika biss fit-territorju tal-Unjoni, il-perjodu tranżizzjonali jikkonċerna biss il-prodotti tad-dwieli li joriġinaw mill-Bożnija-Ħerzegovina, u li jiġu importati fl-Unjoni u jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni billi jintużaw it-termini tradizzjonali Kroati protetti, minkejja li ma jikkonformawx mad-definizzjoni u mal-kundizzjonijiet tal-użu.

    (16)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u meta jitqies li l-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u msemmija fl-Artikolu 40(1) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, it-termini tradizzjonali Kroati li jidentifikaw l-inbejjed prodotti fil-Kroazja jenħtieġ li jiġu protetti u rreġistrati fir-reġistru elettroniku tal-e-Bacchus.

    (17)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-termini tradizzjonali li ġejjin li jidentifikaw prodotti tad-dwieli mmanifatturati fil-Kroazja għandhom jiġu protetti u rreġistrati fir-reġistru elettroniku e-Bacchus:

    (a)

    terminu tradizzjonali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 112(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013:

    “Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP)”;

    “Kvalitetno biser vino”;

    “Vrhunsko pjenušavo vino”;

    “Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP)”;

    (b)

    termini tradizzjonali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 112(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013:

    “Opolo”;

    “Mlado vino”.

    Id-definizzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-użu tat-termini tradizzjonali huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    It-termini protetti skont l-Artikolu 1 jistgħu jintużaw għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament biex jindikaw prodotti tad-dwieli li ma jikkonformawx mad-definizzjoni u mal-kundizzjonijiet tal-użu tat-termini protetti msemmija f’dak l-Artikolu, u li jiġu importati u jitqiegħdu fis-suq fit-territorju tal-Unjoni mill-Bożnija-Ħerzegovina jekk dawk it-termini jintużaw tradizzjonalment fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz.

    Mal-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin, huma biss dawk il-prodotti tad-dwieli msemmija fl-ewwel paragrafu li ġew importati fl-Unjoni mill-Bożnija-Ħerzegovina qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin li jistgħu jitqiegħdu fis-suq legalment sakemm jispiċċaw l-istokkijiet kollha eżistenti.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2).

    (4)  ĠU C 51, 10.2.2018, p. 24.


    ANNESS

    Definizzjonijiet u kundizzjonijiet tal-użu tat-termini tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 1

    Opol o”

    Denominazzjoni: Opolo

    Lingwa: Kroat

    Definizzjoni: “Opolo” huwa terminu tradizzjonali skont l-Artikolu 112(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dan it-terminu tradizzjonali huwa awtorizzat għal inbid rosé mhux frizzanti b’togħmiet predominanti ta’ frott u prodott esklussivament minn għeneb aħmar tal-varjetajiet rakkomandati ta’ Vitis vinifera, f’konformità mal-Ordinanza dwar il-lista nazzjonali ta’ Varjetajiet tal-Għeneb Iċċertifikati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 53/2014). L-inbejjed deskritti bit-terminu tradizzjonali “Opolo” huma prodotti bit-teknoloġija użata għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod u jkollhom kontenut ta’ alkoħol effettiv minimu ta’ 11 % vol. L-ammont massimu ta’ produzzjoni għal dawk l-inbejjed huwa ta’ 12 000 kg/ha. L-ittestjar analitiku u organolettiku hu obbligatorju. Il-kulur tal-inbejjed “Opolo” jista’ jvarja minn roża ċar għal roża qawwi.

    Lista tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati: It-terminu tradizzjonali “Opolo” jista’ jintuża biex jiddeskrivi nbejjed bid-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti “Primorska Hrvatska”, “Hrvatska Istra”, “Hrvatsko primorje”, “Sjeverna Dalmacija”, “Dalmatinska zagora” u “Srednja i Južna Dalmacija” li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-użu ta’ dan it-terminu tradizzjonali.

    Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli: Inbid kif definit fil-punt 1 tal-Anness VII, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP )”

    Denominazzjoni: Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP), kemm jekk jiġi ssupplimentat jew le bi:

    Arhivsko vino: għall-inbejjed miżmuma fil-kantina għal ħames snin jew aktar, li minnhom mill-inqas tliet snin ikunu fil-flixkun;

    Desertno vino: għal inbejjed miksuba bl-ipproċessar ta’ għeneb misjur iżżejjed jew ta’ għeneb imqadded mingħajr ma tiżdied ebda sustanza u li jkollhom qawwa alkoħolika naturali ta’ mhux anqas minn 16 % vol. u qawwa alkoħolika effettiva ta’ mhux anqas minn 9 % vol;

    Kasna berba: għal inbejjed prodotti minn għeneb misjur iżżejjed, li fihom mill-inqas 94° Oechsle;

    Izborna berba: għal inbejjed prodotti minn għeneb magħżul b’mod speċjali, li jkun fihom mill-inqas 105° Oechsle;

    Izborna berba bobica: għal inbejjed prodotti minn għeneb magħżul, għeneb misjur iżżejjed u għeneb infettat mill-botrytis, li fihom mill-inqas 127° Oechsle;

    Izborna berba prosušenih bobica: għal inbejjed prodotti minn frott żgħir magħżul minn għeneb misjur iżżejjed, li fihom mill-inqas 154° Oechsle;

    Ledeno vino: inbid prodott minn għeneb maħsud f’temperatura ta’ mill-anqas -7 °C u pproċessat fi stat iffriżat li jkollu fih mill-anqas 127° Oechsle.

    Lingwa: Kroat

    Definizzjoni: “Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP)” huwa terminu tradizzjonali skont l-Artikolu 112(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dan it-terminu tradizzjonali huwa sinonimu tat-terminu “denominazzjoni ta’ oriġini protetta”, awtorizzat għad-deskrizzjoni ta’ nbejjed magħmulin minn għeneb tal-varjetajiet rakkomandati ta’ Vitis vinifera, f’konformità mal-Ordinanza dwar il-lista nazzjonali ta’ Varjetajiet tal-Għeneb Iċċertifikati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 53/2014). Il-qawwa alkoħolika naturali ta’ dawn l-inbejjed m’għandhiex tkun inqas minn:

    10 % vol. fiż-żona B;

    10,5 % vol. fiż-żona C I;

    11 % vol. fiż-żona C II.

    L-ammont massimu ta’ produzzjoni għal dawk l-inbejjed huwa:

    10 000 kg/ha (6 000 l/ha) fiż-żona B;

    11 000 kg (6 600 l/ha) fiż-żoni CI u CII.

    It-tisħiħ tal-inbid, l-aċidifikazzjoni, id-deaċidifikazzjoni u t-taħlil, mhumiex permessi. L-ittestjar analitiku u organolettiku hu obbligatorju. Skont il-grad ta’ maturazzjoni tal-għeneb u l-proċessi tal-produzzjoni u tal-maturazzjoni tal-inbid, jistgħu jintużaw it-termini addizzjonali li ġejjin:

    Arhivsko vino;

    Desertno vino;

    Kasna berba;

    Izborna berba;

    Izborna berba bobica;

    Izborna berba prosušenih bobica;

    Ledeno vino.

    Lista tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati: It-terminu tradizzjonali “Vrhunsko vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Vrhunsko vino KZP)” jista’ jintuża għall-inbejjed Kroati kollha b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-użu ta’ dan it-terminu tradizzjonali.

    Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli: Inbid kif definit skont il-punt 1 tal-Anness VII, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Kvalitetno biser vin o”

    Denominazzjoni: Kvalitetno biser vino

    Lingwa: Kroat

    Definizzjoni: “Kvalitetno biser vino” huwa terminu tradizzjonali skont l-Artikolu 112(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dan it-terminu tradizzjonali huwa sinonimu tat-terminu “denominazzjoni ta’ oriġini protetta”, awtorizzat għad-deskrizzjoni ta’ nbid semifrizzanti miksub minn inbejjed ta’ kwalità, inbid ġdid li għadu fil-fermentazzjoni, most tal-għeneb jew most tal-għeneb fil-fermentazzjoni, prodott mill-għeneb tal-varjetajiet rakkomandati ta’ Vitis vinifera, f’konformità mal-Ordinanza dwar il-lista Nazzjonali ta’ Varjetajiet tal-Għeneb Iċċertifikati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 53/2014). L-inbejjed li jkollhom it-terminu tradizzjonali “Kvalitetno biser vino” iridu jkollhom qawwa alkoħolika totali ta’ mhux inqas minn 9 % vol. u qawwa alkoħolika effettiva ta’ mhux anqas minn 7 % vol. Il-pressjoni żejda, minħabba d-dijossidu tal-karbonju endoġenu fis-soluzzjoni għandha tkun ta’ mhux anqas minn 1 bar u ta’ mhux aktar minn 2,5 bar, meta jinżamm f’temperatura ta’ 20 °C f’kontenituri magħluqa.

    Lista tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati: It-terminu tradizzjonali “Kvalitetno biser vino” jista’ jintuża għall-inbejjed semifrizzanti Kroati kollha b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-użu ta’ dan it-terminu tradizzjonali.

    Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli: Inbid semifrizzanti kif definit fil-punt 8 tal-Anness VII, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Mlado vin o”

    Denominazzjoni: “Mlado vino”

    Lingwa Kroat

    Definizzjoni: “Mlado vino” huwa terminu tradizzjonali skont l-Artikolu 112(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dan it-terminu tradizzjonali huwa awtorizzat għal inbejjed magħmulin minn għeneb tal-varjetajiet rakkomandati ta’ Vitis vinifera, f’konformità mal-Ordinanza dwar il-lista nazzjonali ta’ Varjetajiet tal-Għeneb Iċċertifikati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 53/2014), li l-proċess ta’ fermentazzjoni tiegħu jew tlesta jew tlesta parzjalment. L-inbejjed li jkollhom it-terminu tradizzjonali “Mlado vino” għandhom jitqiegħdu fis-suq qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li fiha jkun sar il-ħsad tal-għeneb.

    Lista tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati: It-terminu tradizzjonali “Mlado vino” jista’ jintuża għall-inbejjed frizzanti Kroati kollha b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-użu ta’ dan it-terminu tradizzjonali.

    Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli: Inbid kif definit fil-punt 1 tal-Anness VII, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Vrhunsko pjenušavo vin o”

    Denominazzjoni: Vrhunsko pjenušavo vino

    Lingwa Kroat

    Definizzjoni: “Vrhunsko pjenušavo vino” huwa terminu tradizzjonali skont l-Artikolu 112(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. It-terminu tradizzjonali huwa sinonimu tat-terminu “denominazzjoni ta’ oriġini protetta”, li jintuża biex jiddeskrivi nbejjed frizzanti miksuba bl-ewwel fermentazzjoni alkoħolika mill-għeneb frisk jew most u t-tieni fermentazzjoni alkoħolika minn inbid adattat għall-ksib ta’ nbejjed ta’ kwalità jew tal-ogħla kwalità prodotti minn għeneb tal-varjetajiet rakkomandati ta’ Vitis vinifera, f’konformità mal-Ordinanza dwar il-lista Nazzjonali ta’ Varjetajiet tal-Għeneb Iċċertifikati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 53/2014). L-inbejjed frizzanti li jkollhom it-terminu tradizzjonali “Vrhunsko pjenušavo vino” iridu jkollhom qawwa alkoħolika effettiva ta’ mhux inqas minn 10 % vol. u pressjoni żejda, minħabba d-dijossidu tal-karbonju endoġenu fis-soluzzjoni, ta’ mhux anqas minn 3 bar meta jinżamm f’temperatura ta’ 20 °C f’kontenituri magħluqa.

    Lista tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati: It-terminu tradizzjonali “Vrhunsko pjenušavo vino” jista’ jintuża għall-inbejjed frizzanti Kroati kollha b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-użu ta’ dan it-terminu tradizzjonali.

    Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli: Inbid frizzanti kif definit fil-punt 4 tal-Anness VII, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP )”

    Denominazzjoni: “Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP)” kemm jekk jiġi ssupplimentat jew le bi:

    Mlado vino. Jekk prodotti minn għeneb tal-varjetajiet rakkomandati ta’ Vitis vinifera, f’konformità mal-Ordinanza dwar il-lista nazzjonali ta’ Varjetajiet tal-Għeneb Iċċertifikatib (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 53/2014), li l-proċess ta’ fermentazzjoni tiegħu jista’ jitlesta jew jitlesta parzjalment u li jitqiegħed fis-suq qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li fiha jkun sar il-ħsad tal-għeneb;

    Arhivsko vino: jekk jinżamm f’kantina għal mill-inqas ħames snin, l-aħħar tlieta minnhom ikunu fil-flixkun;

    Desertno vino: jekk miksuba mill-ipproċessar tal-għeneb misjur iżżejjed jew tal-għeneb imnixxef, b’qawwa alkoħolika naturali ta’ mhux inqas minn 16 % vol. u b’qawwa alkoħolika effettiva ta’ mhux inqas minn 9 % vol.

    Lingwa Kroat

    Definizzjoni: “Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP)” huwa terminu tradizzjonali skont l-Artikolu 112(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dan it-terminu tradizzjonali huwa sinonimu tat-terminu “denominazzjoni ta’ oriġini protetta” li jintuża biex jiddeskrivi nbejjed magħmulin minn għeneb tal-varjetajiet rakkomandati ta’ Vitis vinifera, f’konformità mal-Ordinanza dwar il-lista nazzjonali ta’ Varjetajiet tal-Għeneb Iċċertifikati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 53/2014). L-inbid li jkollu t-terminu tradizzjonali “Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim podrijetlom (Kvalitetno vino KZP)” irid ikollu qawwa alkoħolika naturali ta’ mhux inqas minn:

    8,5 % vol. fiż-żona B;

    9,0 % vol. fiż-żona C1;

    9,5 % vol. fiż-żona C II.

    L-ammont massimu ta’ produzzjoni għal dawk l-inbejjed huwa:

    11 000 kg/ha (7 700 l/ha) fiż-żona B;

    12 000 kg/ha (8 400 l/ha) fiż-żoni CI u CII.

    L-ittestjar analitiku u organolettiku hu obbligatorju.

    Lista tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati: It-terminu tradizzjonali “Kvalitetno vino s kontroliranim zemljopisnim (Kvalitetno vino KZP)” jista’ jintuża għall-inbejjed Kroati kollha b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-użu ta’ dan it-terminu tradizzjonali.

    Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli: Inbid definit skont il-punt 1 tal-Anness VII, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.


    Top