Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0905

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/905 tat-13 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021

    C/2019/1838

    ĠU L 145, 4.6.2019, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R2239

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/905/oj

    4.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/2


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/905

    tat-13 ta' Marzu 2019

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta' obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li għalihom hemm limiti tal-qbid.

    (2)

    Sabiex jiġi implimentat l-obbligu ta' ħatt l-art, l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta' atti delegati għal perjodu inizjali ta' mhux aktar minn tliet snin li jista' jiġġedded għal perjodu totali ieħor ta' tliet snin abbażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti li jiżviluppaw l-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

    (3)

    Il-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fl-ilmijiet tal-Majjistral. Wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv tal-Ilmijiet tal-Majjistral u lill-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi, fil-31 ta' Mejju 2018 dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni dwar pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu mill-2019 sal-2021. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet emendata fit-30 ta' Awwissu 2018.

    (4)

    Abbażi ta' dik ir-rakkomandazzjoni konġunta, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2034 (2) stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-2019 sal-2021.

    (5)

    Fl-14 ta' Novembru 2018, il-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit ressqu rakkomandazzjoni konġunta ġdida li fiha ssuġġerew li jsiru tliet korrezzjonijiet fil-pjan għall-iskartar stabbilit bir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034.

    (6)

    Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż, fejn ikun meħtieġ, billi tiżgura li jinkiseb kontribut xjentifiku mingħand il-korpi xjentifiċi rilevanti. Qabel ma ġie adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034, inkisbu kontributi xjentifiċi mingħand il-korpi xjentifiċi rilevanti li ġew evalwati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF). Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li jsiru korrezzjonijiet ta' natura teknika li huma koperti mill-kontribut xjentifiku li diġà nkiseb.

    (7)

    Skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru. Il-miżuri li r-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi huma skont l-opinjoni tal-Grupp ta' esperti dwar is-sajd li huwa magħmul minn rappreżentanti tat-28 Stat Membru, tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew bħala osservatur.

    (8)

    L-ewwel nett, ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li tiġi kkoreġuta d-definizzjoni tal-“pannell Seltra” stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034, minħabba li dik id-definizzjoni mhix konformi mar-rakkomandazzjoni konġunta tal-31 ta' Mejju 2018.

    (9)

    It-tieni nett, ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li jitħassar ir-rekwiżit li jintuża rkaptu tas-sajd selettiv ħafna fis-sajd għall-iskampu maqbud bi xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti, minħabba li dak ir-rekwiżit iddaħħal bi żball fir-rakkomandazzjoni konġunta tal-31 ta' Mejju 2018 u, b'hekk, ukoll fir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034.

    (10)

    Fl-aħħar nett, ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li s-sajd demersali għall-imriewaħ jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' ċerti miżuri tekniċi maħsubin biex iżidu s-selettività fil-Baħar Irlandiż, minħabba li r-rakkomandazzjoni konġunta tal-31 ta' Mejju 2018 u, b'hekk, ukoll ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034, ma kienx beħsiebhom jinkludu dak it-tip ta' sajd fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk il-miżuri tekniċi.

    (11)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 jiġi emendat kif xieraq.

    (12)

    Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati ma' dan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. Minħabba li l-pjan għall-iskartar stabbilit bir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 beda japplika mill-1 ta' Jannar 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2019,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   “Pannell Seltra” tfisser apparat ta' selettività li:

    (a)

    huwa magħmul minn pannell ta' fuq b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 270 mm (fil-każ ta' malja maqrut) jew minn pannell ta' fuq b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 300 mm (fil-każ ta' malja kwadra), imqiegħed f'sezzjoni f'forma ta' kaxxa magħmula minn erba' pannelli, fil-parti d-dritta tal-manka;

    (b)

    huwa twil mill-inqas tliet metri;

    (c)

    jitqiegħed mhux aktar minn erba' metri 'l bogħod mis-siegla tal-għeluq; u

    (d)

    huwa daqs il-wisa' kollu tas-saff ta' fuq tas-sezzjoni f'forma ta' kaxxa tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).”;

    (2)

    fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(d)

    l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 110 mm fid-diviżjoni 6a tal-ICES sa tnax-il mil nawtiku mill-kosta.”;

    (3)

    fl-Artikolu 10(4), it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-bastimenti b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta' skampu jew aktar minn 85 % ta' mriewaħ.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2034 tat-18 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021 (ĠU L 327, 21.12.2018, p. 8).


    Top