EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0561

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/561 tat-8 ta' April 2019 li jagħti lil Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati

C/2019/2626

ĠU L 98, 9.4.2019, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/561/oj

9.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/561

tat-8 ta' April 2019

li jagħti lil Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 64(6) u 66(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Cape Verde huwa pajjiż li jibbenefika mill-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi msejħa SĠP fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-SPĠ, minbarra r-regoli proċedurali, huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3).

(2)

B'ittra datata t-22 ta' Ottubru 2018, Cape Verde ressaq talba għal estensjoni tad-deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, li kienet ingħatat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/967 (4). It-talba kienet għal volum annwali ta' 5 000 tunnellata ta' tonn ippreparat jew ippreservat għal perjodu sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (“l-FSE”) il-ġdid bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent li nbeda fit-30 ta' Ġunju 2014. Skont id-deroga mitluba, dawn il-prodotti jitqiesu li joriġinaw f'Cape Verde anki jekk, minkejja li jkunu ġew prodotti f'Cape Verde, ikunu ġew prodotti minn ħut mhux oriġinarju.

(3)

Fit-talba tiegħu għal deroga, Cape Verde spjega li l-kwantitajiet ta' tonn li l-flotta tiegħu qed taqbad bħalissa fl-ilmijiet proprji huma żgħar u, fin-nuqqas ta' deroga, il-flotta disponibbli għas-sajd lil hinn mill-ilmijiet territorjali tiegħu hija limitata. Barra minn hekk, l-istaġun tas-sajd għat-tonn huwa limitat għal erba' xhur tas-sena. Dan inaqqas l-opportunitajiet għall-qbid ta' tonn oriġinarju. Element importanti ieħor huwa li Cape Verde reċentement żviluppa l-infrastruttura portwali tiegħu. B'riżultat ta' dan, issa jistgħu jiġu ttrattati kwantitajiet ikbar ta' tonn u għaldaqstant l-industrija tas-sajd għat-tonn issa għandha l-opportunità tikber. Fl-aħħar nett, it-talba enfasizzat id-diffikultajiet li qed jaffaċċja Cape Verde b'riżultat tad-dewmien fid-dħul fis-seħħ tal-FSE bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent. Hija enfasizzat ukoll il-ħtieġa ta' Cape Verde għal deroga mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali sabiex tikkumpensa għall-fatt li għadhom ma jistgħux jiġu invokati r-regoli ta' akkumulazzjoni skont l-FSE, peress li s-sitwazzjoni legali ta' dan il-Ftehim għadha ma evolvietx.

(4)

L-argumenti fit-talba juru li, mingħajr id-deroga, l-abbiltà tal-industrija tal-ipproċessar tal-ħut ta' Cape Verde li tesporta l-prodotti inkwistjoni lejn l-Unjoni taħt is-SĠP se tiġi affettwata b'mod sinifikanti. Dan jista' jkun ta' deterrent għall-iżvilupp ulterjuri tal-flotta ta' Cape Verde għal sajd pelaġiku żgħir u fil-futur ifixkel il-konformità ta' Cape Verde mar-regoli tal-oriġini applikabbli għal dawn il-prodotti.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li Cape Verde jingħata deroga temporanja mir-rekwiżit, skont ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali, li l-prodotti li jkun fihom materjali li ma jkunux inkisbu għalkollox fil-pajjiż benefiċjarju jridu jkunu għaddew minn xogħol jew ipproċessar suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li joriġinaw f'dak il-pajjiż. Jenħtieġ li d-deroga tkun għal volum annwali ta' 5 000 tunnellata ta' tonn ippreparat jew ippreservat. Jenħtieġ li d-deroga tkun limitata għal perjodu ta' sena sabiex jiġu vvalutati l-kapaċità u l-isforzi ta' Cape Verde biex iħejji ruħu biex jikkonforma mar-regoli tal-oriġini għall-prodotti kkonċernati. Madankollu, jekk l-FSE jidħol fis-seħħ qabel ma jintemm dak il-perjodu ta' sena, jenħtieġ li d-deroga tiskadi fil-jum li jiġi eżatt qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-FSE.

(6)

Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu ġestiti skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5) li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

(7)

Jenħtieġ li d-deroga tingħata bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali ta' Cape Verde jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti soġġetti għad-deroga, u li dawn jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati tal-oriġini tal-Formola A skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati. Jekk skont l-Artikolu 79 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, f'Cape Verde tidħol fis-seħħ is-sistema tal-Esportaturi rreġistrati (REX) matul is-sena 2019, jenħtieġ li tiġi applikata l-istess regola għad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini li jsiru mill-esportaturi rreġistrati.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jeħtieġ li jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli wara l-pubblikazzjoni tiegħu sabiex titqies is-sitwazzjoni ta' Cape Verde u biex dan il-pajjiż jitħalla juża d-deroga mingħajr aktar dewmien.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikoli 41(b) u 45 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, it-tonn ippreparat jew ippreservat tal-kodiċijiet NM 1604 14, 1604 20 u 0304 87 prodott f'Cape Verde minn ħut mhux oriġinarju għandu jitqies li joriġina f'Cape Verde skont l-Artikoli 2, 3 u 4 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Din id-deroga għandha tapplika għall-prodotti li jkunu ġew kemm esportati minn Cape Verde kif ukoll iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sa:

(a)

il-31 ta' Diċembru 2019 jew

(b)

jekk il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent li nbeda fit-30 ta' Ġunju 2014 (“l-FSE”) jidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2019 jew qabel, sal-jum immedjatament qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Id-deroga għandha tapplika għall-prodotti sal-kwantità annwali elenkata fl-Anness.

3.   L-applikazzjoni tad-deroga hija soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

Artikolu 4

Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

L-awtoritajiet doganali ta' Cape Verde għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1.

(2)

Dan li ġej għandu jitniżżel fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikati tal-oriġini tal-Formola A maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti ta' Cape Verde skont dan ir-Regolament: “Derogation — Commission Implementing Regulation (EU) 2019/561”. Jekk fl-2019 tiġi applikata s-sistema tal-Esportaturi rreġistrati (REX) f'Cape Verde, din għandha titniżżel fuq id-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini li jsiru mill-esportaturi rreġistrati.

(3)

Kull tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti ta' Cape Verde għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu jew saru ċertifikati tal-oriġini u/jew dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta' dawk il-provi.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-diposżizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/967 tat-8 ta' Ġunju 2017 li jagħti lill-Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 10).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

Kodiċi tat-TARIC

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Perjodi

Kwantità annwali (piż nett f'tunnellati)

09.1602

1604 14 21 00

1604 14 26 90

1604 14 28 00

1604 20 70 50

1604 20 70 55

1604 14 31 90

1604 14 36 90

1604 14 38 00

1604 20 70 99

0304 87 00 90

1604 14 41 20

1604 14 46 29

1604 14 48 20

1604 20 70 45

0304 87 00 20

1604 14 41 30

1604 14 48 30

10

Fletti u lojns ippreparati jew ippreservati ta' palamit (Katsuwonus pelamis)

Fletti u lojns ippreparati jew ippreservati ta' tonn isfar (Thunnus albacares)

Fletti u lojns ippreparati jew ippreservati ta' tonn obeż (Thunnus obesus)

Alonga ppreparata (Thunnus alalunga)

Mill-1.1.2019 sad-data determinata skont l-Artikolu 2(1)

5 000 tunnellata


Top