Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0279

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/279 tat-18 ta' Frar 2019 li jimplimenta l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 753/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

    ST/6186/2019/INIT

    ĠU L 47, 19.2.2019, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/279/oj

    19.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 47/4


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/279

    tat-18 ta' Frar 2019

    li jimplimenta l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 753/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 753/2011 tal-1 ta' Awwissu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 753/2011.

    (2)

    Fit-30 ta' Jannar 2019 il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) stabbilit skont il-paragrafu 30 tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1988 (2011) aġġorna l-informazzjoni relattiva għal żewġ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi.

    (3)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 1.


    ANNESS

    L-entrati li jikkonċernaw lill-persuni elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

    “(42)   Jalaluddin Haqqani (magħruf ukoll bħala: (a) Jalaluddin Haqani, (b) Jallalouddin Haqqani, (c) Jallalouddine Haqani).

    Titlu: Maulavi. Raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista: Ministru għall-Affarijiet tal-Fruntieri taħt ir-reġim Taliban. Data tat-twelid: (a) Bejn wieħed u ieħor fl-1942, (b) Bejn wieħed u ieħor fl-1948. Post tat-twelid: (a) żona ta' Garda Saray, Distrett ta' Waza Zadran, Provinċja ta' Paktia, l-Afganistan, (b) Distrett ta' Neka, Provinċja ta' Paktika, Afganistan. Ċittadinanza: Afganistan. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 31.1.2001.

    Informazzjoni oħra: Missier Sirajuddin Jallaloudine Haqqani, Nasiruddin Haqqani u Badruddin Haqqani (mejjet). Ħu Mohammad Ibrahim Omari u Khalil Ahmed Haqqani. Huwa mexxej Taliban attiv. Maħsub li jinsab fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. President tax-Shura Talibana f'Miram Shah fl-2008. Jappartjeni għat-tribù ta' Zadran. Ir-rieżami skont ir-Riżoluzzjoni 1822 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà ġie konkluż fil-27 ta' Lulju 2010. Allegatament miet f'Settembru 2018. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/1427400

    Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Jalaluddin Haqqani għandu relazzjonijiet mill-qrib ma' Mohammed Omar u kellu relazzjonijiet mill-qrib ma' Usama bin Laden (mejjet). Huwa missier Sirajuddin Jallaloudine Haqqani, Nasiruddin Haqqani u Badruddin Haqqani (mejjet), u ħu Mohammad Ibrahim Omari u Khalil Ahmed Haqqani. Huwa mexxej Taliban attiv. Jalaluddin Haqqani kien ukoll il-medjatur bejn l-Al-Qaida u t-Taliban fl-2007. Huwa kien il-President tal-‘Kunsill Miram Shah’ tat-Taliban f'Ġunju 2008.

    Oriġinarjament kien kmandant għall-Partit Iżlamiku Mwalawi Hezbi fil-provinċji ta' Khost, Paktika u Paktia. Aktar tard ingħaqad mat-Taliban u nħatar Ministru għall-Affarijiet tal-Fruntieri. Wara l-waqgħa tar-reġim Taliban, flimkien ma' elementi tat-Taliban u tal-Al-Qaida, ħarab lejn it-Tramuntana tal-Waziristan u reġa' beda jgħaqqad il-milizzji tiegħu għall-ġlieda kontra l-Gvern tal-Afganistan.

    Haqqani ġie akkużat b'involviment fl-ibbumbardjar tal-Ambaxxata Indjana f'Kabul fl-2008 u bl-attentat ta' qtil tal-President Karzai waqt parata militari f'Kabul li saret qabel fl-istess sena. Haqqani kien implikat ukoll f'attakk fuq bini ministerjali f'Kabul fi Frar 2009.

    Jalaluddin Haqqani huwa l-fundatur tan-Netwerk ta' Haqqani.”

    “(135)   Torek Agha (magħruf ukoll bħala: (a) Sayed Mohammed Hashan, (b) Torak Agha, (c) Toriq Agha, (d) Toriq Agha Sayed).

    Titlu: Haji. Indirizz: Pashtunabad, Quetta, Provinċja ta' Baluchistan, il-Pakistan. Data tat-twelid: (a) 1960, (b) 1962, (c) Bejn wieħed u ieħor 1965. Post tat-twelid: (a) Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan (b) Pishin, Provinċja ta' Baluchistan, il-Pakistan. Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Pakistani 5430312277059 (miksub b'mod frodulenti u minn dak iż-żmien ikkanċellat mill-Gvern tal-Pakistan). Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 2.11.2015.

    Informazzjoni oħra: Kmandant ewlieni tal-kunsill militari tat-Taliban involut fil-ġbir ta' fondi minn donaturi bbażati fil-Golf. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Allegatament miet f'Novembru 2018. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5905294

    Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Mexxej għoli Taliban fl-aħħar tal-2014, Torek Agha (Torek) serva fuq “ix-shura fi Quetta” tat-Taliban, korp reġjonali li jidderieġi l-attivitajiet Talibani fin-nofsinhar u l-punent tal-Afganistan, u kellu rwol fil-ġbir ta' fondi minn donaturi ibbażati fil-Golf.

    Lejn l-aħħar tal-2014, Torek kien membru ta' grupp responsabbli mill-operazzjonijiet ta' ppjanar strateġiku u ta' loġistika tat-tmexxija tat-Taliban u opera wkoll bħala kmandant ewlieni u membru tal-kunsill militari tat-Taliban, u awtorizza u ffaċilita operazzjonijiet militari tat-Taliban. Il-kunsill militari tat-Taliban huwa wieħed minn tliet kunsilli ta' livell ta' kmand u huwa responsabbli biex jissorvelja l-operazzjonijiet tat-Taliban u japprova l-ħatriet tat-tmexxija militari Talibana.

    Matul is-snin, Torek kien involut fl-awtorizzazzjoni tal-qtil ta' diversi uffiċjali tal-Gvern Afgan u anzjani tribali. Barra minn hekk, sa mill-bidu tal-2012, huwa kien wieħed minn erba' kmandanti għoljin tat-Taliban li awtorizzaw l-użu ta' trab ta' kimika mhux identifikata għal qtil ta' uffiċjali għolja tal-Gvern Afgan.

    Wara li ngħata struzzjonijiet f'nofs l-2011 minn mexxej għoli Taliban biex jivvjaġġa lejn l-Arabja Sawdija matul ir-Ramadan biex jorganizza finanzjament estern, fl-2012 Torek u diversi mexxejja Talibani oħrajn tax-“shura fi Quetta” għażlu mullahs biex jivvjaġġaw lejn l-Arabja Sawdija u pajjiżi Għarab oħra biex jiġbru donazzjonijiet finanzjarji f'isem it-Taliban kemm mingħand negozjanti u traffikanti Afgani. Minn kmieni fl-2012, Torek irċieva donazzjoni minn donatur Għarbi mhux identifikat bi struzzjonijiet biex jgħaddi l-flus lix-shadow governor provinċjali tat-Taliban għall-Provinċja ta' Uruzgan, l-Afganistan, għal operazzjonijiet ta' qtil.

    Torek ġabar bejn wieħed u ieħor USD 4 miljun minn donaturi bbażati fil-Golf għat-Taliban fl-2010, li l-parti l-kbira tagħhom pprovdihom lill-sieħbu mexxej għoli u kollettur tal-finanzi tat-Taliban Gul Agha Ishakzai (Gul Agha). L-ammonti u s-sorsi tad-diversi trasferimenti fl-2010 minn Torek lil Gul Agha tal-fondi li nġabru f'isem it-Taliban kienu kif ġej: USD 1 miljun minn assoċjati fl-Arabja Sawdija; USD 2 miljun minn donaturi fil-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda (EGħM), u l-Arabja Sawdija; u USD 600 000 minn diversi donaturi Għarab miksuba fuq vjaġġ għall-ġbir ta' fondi lejn il-Qatar.

    Lejn l-aħħar tal-2009, Torek żamm USD 2 miljun minn donaturi mhux identifikati mill-Qatar u l-Arabja Sawdija maħsuba għat-teżorier tax-“shura fi Quetta” tat-Taliban. Id-donazzjonijiet sostanzjali li ġabar Torek għax-“shura fi Quetta” tat-Taliban matul ir-Ramadan inżammu f'banek Pakistani mhux identifikati u kienu taħt il-kontroll tal-kap teżorier tat-Taliban.

    F'nofs l-2006, Torek assenja ġellieda Talibani lil diversi kmandanti operazzjonali tat-Taliban. Huwa kien wieħed mill-konnessjonijiet ewlenin bejn it-tmexxija Talibana u gruppi ta' ġellieda Għarab li waslu fil-Pakistan u fl-Afganistan biex jiġġieldu kontra l-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF).”


    Top