EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0130

Direttiva (UE) 2019/130 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/60/2018/REV/1

ĠU L 30, 31.1.2019, p. 112–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/130/oj

31.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/112


DIRETTIVA (UE) 2019/130 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Jannar 2019

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, (1)

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Dik id-Direttiva tipprevedi livell konsistenti ta' protezzjoni mir-riskji relatati ma' karċinoġeni u mutaġeni permezz ta' qafas ta' prinċipji ġenerali li jippermetti lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. Valuri ta' limitu vinkolanti ta' espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol stabbiliti abbażi ta' informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika, fattibbiltà ekonomika, valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta' protokolli u tekniki tal-kejl tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, huma komponenti importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema stabbiliti b'dik id-Direttiva. F'dak il-kuntest, huwa essenzjali li fejn ikun hemm inċertezzi jittieħed kont tal-prinċipju ta' prekawzjoni. Ir-rekwiżiti minimi previsti f'dik id-Direttiva għandhom l-għan li jipproteġu lill-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu valuri ta' limitu vinkolanti ta' espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol u miżuri protettivi oħra li jkunu aktar stretti.

(2)

Il-valuri ta' limitu ta' espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol huma parti mill-miżuri ta' ġestjoni tar-riskju skont id-Direttiva 2004/37/KE. Il-konformità ma' dawk il-valuri ta' limitu hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' impjegaturi oħrajn skont dik id-Direttiva, b'mod partikolari t-tnaqqis fl-użu ta' karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għal karċinoġeni u mutaġeni u miżuri li jenħtieġ li jiġu implimentati għal dak l-għan. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu, sa fejn ikun teknikament possibbli, is-sostituzzjoni tal-karċinoġenu jew il-mutaġenu b'sustanza, taħlita jew proċess li ma jkunx perikoluż jew li jkun inqas perikoluż għas-saħħa tal-ħaddiema, l-użu ta' sistema magħluqa jew miżuri oħrajn li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-livell tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għal livell li jkun l-aktar baxx possibbli, u b'hekk titrawwem l-innovazzjoni.

(3)

Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma twassalx għal effetti negattivi. Filwaqt li l-istabbiliment tal-valuri ta' limitu fuq il-post tax-xogħol fir-rigward ta' karċinoġeni jew mutaġeni skont din id-Direttiva ma jeliminax ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirriżultaw minn espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (riskju residwu), madankollu dan jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fir-riskji li jirriżultaw minn tali espożizzjoni fl-approċċ gradwali u bbażat fuq l-istabbiliment tal-objettivi skont id-Direttiva 2004/37/KE. Għal karċinoġeni u mutaġeni oħrajn, huwa xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma tkunx mistennija twassal għal effetti negattivi.

(4)

Il-livelli massimi ta' espożizzjoni tal-ħaddiema għal xi karċinoġeni jew mutaġeni huma stabbiliti minn valuri ta' limitu li, skont id-Direttiva 2004/37/KE, ma għandhomx jinqabżu. Jenħtieġ li dawk il-valuri ta' limitu jiġu riveduti u jiġu stabbiliti valuri ta' limitu għal karċinoġeni jew mutaġeni addizzjonali.

(5)

Jenħtieġ li l-valuri ta' limitu stabbiliti f'din id-Direttiva jiġu riveduti meta jkun meħtieġ fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika u l-aqwa prattiki, tekniki u protokolli għall-kejl tal-livell ta' espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol ibbażati fuq l-evidenza. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni, jekk ikun possibbli, tinkludi data dwar riskji residwi għas-saħħa tal-ħaddiema u opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (SCOEL) u l-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH). L-informazzjoni relatata mar-riskju residwu, li ssir disponibbli għall-pubbliku fil-livell tal-Unjoni hija siewja għall-ħidma futura biex tillimita r-riskji mill-espożizzjoni għal karċinoġeni u mutaġeni fuq ix-xogħol, inkluż għal reviżjonijiet futuri tal-valuri ta' limitu stabbiliti f'din id-Direttiva.

(6)

Mhux aktar tard minn matul l-ewwel tliet xhur tal-2019, il-Kummissjoni, b'kont meħud tal-aktar żviluppi reċenti fl-għarfien xjentifiku, jenħtieġ li tevalwa l-opzjoni li l-ambitu tad-Direttiva 2004/37/KE jiġi emendat biex jinkludi sustanzi riprotossiċi. Abbażi ta' dak, il-Kummissjoni jenħtieġ tippreżenta proposta leġislattiva, jekk ikun il-każ, wara konsultazzjoni mal-amministrazzjoni u mal-ħaddiema.

(7)

Għal xi karċinoġeni mingħajr valur ta' limitu mhuwiex possibbli li jiġi dderivat valur ta' limitu ta' espożizzjoni ibbażat fuq is-saħħa, madankollu huwa possibbli li jiġi stabbilit valur ta' limitu għal dawk il-karċinoġeni bbażat fuq l-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika.

(8)

Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni kontra xi karċinoġeni u mutaġeni, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati modi oħra ta' assorbiment, inkluż il-possibbiltà ta' assorbiment mill-ġilda.

(9)

L-SCOEL jassisti lill-Kummissjoni, b'mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-aħħar data xjentifika disponibbli u biex tipproponi valuri ta' limitu ta' espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji kimiċi, li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (4) u d-Direttiva 2004/37/KE. L-ACSH huwa korp tripartitiku li jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' attivitajiet fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. B'mod partikolari, l-ACSH jadotta opinjonijiet tripartitiċi dwar inizjattivi biex jiġu stabbiliti valuri ta' limitu ta' espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol fil-livell tal-Unjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika kif ukoll data dwar aspetti soċjali u dwar il-fattibbiltà ekonomika ta' dawk l-inizjattivi. Ġew ikkunsidrati wkoll sorsi oħra ta' informazzjoni xjentifika, adegwatament robusta u fid-dominju pubbliku, b'mod partikolari l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u aġenziji nazzjonali.

(10)

Il-ħidma tal-SCOEL u t-trasparenza ta' dik il-ħidma huma integrali għal proċess ta' politika responsabbli. Jekk il-ħidma tal-SCOEL għandha tiġi riorganizzata, jenħtieġ li jiġu garantiti riżorsi dedikati u l-għarfien espert speċifiku dwar l-epidemjoloġija, it-tossikoloġija, il-mediċina okkupazzjonali u l-iġjene okkupazzjonali jenħtieġ li ma jintilifx.

(11)

L-emendi għall-Annessi I u III għad-Direttiva 2004/37/KE previsti f'din id-Direttiva jikkostitwixxu pass ieħor fi proċess aktar fit-tul biex tiġi aġġornata d-Direttiva 2004/37/KE. Bħala l-pass li jmiss f'dak il-proċess, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għall-istabbiliment ta' valuri ta' limitu u notazzjonijiet tal-ġilda fir-rigward ta' ħames karċinoġeni addizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qalet fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Jannar 2017 intitolata “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd — Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġislazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali” jenħtieġ li jkun hemm aktar emendi għad-Direttiva 2004/37/KE. Il-Kummissjoni jenħtieġ li, fuq bażi kontinwa, tkompli bil-ħidma tagħha fir-rigward tal-aġġornamenti tal-Annessi I u III għad-Direttiva 2004/37/KE, f'konformità mal-Artikolu 16 tagħha u l-prattika stabbilita, u meta jkun meħtieġ temendahom fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika miksuba progressivament bħal data dwar riskju residwu. Dik il-ħidma għandha tirriżulta, fejn ikun il-każ, fi proposti għal reviżjonijiet futuri tal-valuri ta' limitu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE u f'din id-Direttiva, kif ukoll fi proposti għal sustanzi, taħlitiet u proċessi addizzjonali fl-Anness I u valuri ta' limitu addizzjonali fl-Anness III.

(12)

Huwa importanti li jkunu protetti l-ħaddiema esposti għal sustanzi karċinoġeniċi jew mutaġeniċi li jirriżultaw mit-tħejjija, l-għoti jew ir-rimi ta' mediċini perikolużi, inkluż mediċini ċitostatiċi jew ċitotossiċi, u minn xogħol li jinvolvi l-espożizzjoni għal sustanzi karċinoġeniċi jew mutaġeniċi fit-tindif, it-trasport, il-ħasil u r-rimi tal-iskart ta' mediċini perikolużi jew ta' materjali kkontaminati b'mediċini perikolużi, kif ukoll fil-kura personali għall-pazjenti bi trattament ta' mediċini perikolużi. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni ħarġet gwida biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fis-settur tal-kura tas-saħħa, inkluż dwar ir-riskju relatat mal-espożizzjoni għal mediċini ċitostatiċi jew ċitotossiċi, fi gwida dedikata għall-prevenzjoni u l-prattika tajba. Din il-gwida hija mingħajr preġudizzju għal proposti leġislattivi jew għal inizjattivi oħra ulterjuri possibbli.

(13)

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL u tal-ACSH, fejn disponibbli, il-valuri ta' limitu għar-rotta ta' inalazzjoni tal-espożizzjoni huma stabbiliti b'rabta ma' perijodu ta' referenza ta' medja ponderata skont il-ħin ta' tmien sigħat (valuri ta' limitu tal-espożizzjoni fit-tul) u, għal ċerti karċinoġeni jew mutaġeni għal perijodu ta' referenza iqsar, b'mod ġenerali medja ponderata skont il-ħin ta' ħmistax-il minuta (valuri ta' limitu tal-espożizzjoni għal żmien qasir), sabiex jiġu limitati, sa fejn hu possibbli, l-effetti li jirriżultaw minn espożizzjoni għal żmien qasir. In-notazzjonijiet tal-ġilda huma stabbiliti wkoll f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL u tal-ACSH. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll sorsi addizzjonali ta' informazzjoni xjentifika li jkunu adegwatament robusti u fid-dominju pubbliku.

(14)

Il-prinċipju ta' prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol jenħtieġ li jiġi promoss ukoll fir-rigward tal-effetti ta' karċinoġeni u mutaġeni fuq il-ġenerazzjonijiet tal-futur, bħall-impatti negattivi fuq il-kapaċità riproduttiva kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-fetu. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkondividu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam.

(15)

Hemm biżżejjed evidenza tal-karċinoġeniċità taż-żjut minerali li qabel intużaw f'magni b'kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna. Dawk iż-żjut tal-magna minerali użati huma ġġenerati minn proċess u, għalhekk, mhumiex soġġetti għal klassifikazzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-SCOEL identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda għal dawk iż-żjut, ikkonkluda li l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol isseħħ permezz tar-rotta dermali u rrakkomanda ħafna li tiġi stabbilita notazzjoni tal-ġilda. L-ACSH qabel li ż-żjut tal-magna minerali użati jenħtieġ li jiżdiedu mas-sustanzi, it-taħlitiet u l-proċessi karċinoġeniċi elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2004/37/KE u dwar il-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Firxa tal-aħjar prattiki jistgħu jintużaw biex jillimitaw l-espożizzjoni tal-ġilda, inkluż l-użu ta' tagħmir għall-protezzjoni personali bħall-ingwanti, u t-tneħħija u t-tindif ta' lbies ikkontaminat. L-osservanza sħiħa ta' dawk il-prattiki, kif ukoll tal-aħjar prattiki ġodda li jinħolqu, tista' tgħin biex tonqos dik l-espożizzjoni. Għaldaqstant, jixraq li jiġi inkluż xogħol li jinvolvi espożizzjoni għal żjut minerali li qabel intużaw f'magni b'kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna fl-Anness I għad-Direttiva 2004/37/KE u li tiġi attribwita notazzjoni tal-ġilda fl-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(16)

Teżisti biżżejjed evidenza tal-karċinoġeniċità tal-emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil li jirriżultaw mill-kombustjoni tal-karburant tad-diżil fil-magni ta' tqabbid bil-kompressjoni. L-emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil huma ġġenerati minn proċess u, għalhekk, mhumiex soġġetti għal klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. L-ACSH qabel li emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil tradizzjonali jenħtieġ li jiżdiedu mas-sustanzi, it-taħlitiet u l-proċessi karċinoġeniċi elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2004/37/KE u talab aktar investigazzjonijiet dwar l-aspetti xjentifiċi u tekniċi ta' tipi ta' magni aktar ġodda. L-IARC ikklassifikat l-egżost minn magni diżil bħala karċinoġeniku għall-bnedmin (kategorija 1 tal-IARC) u l-IARC speċifikat li filwaqt li l-ammont tal-partikuli u l-kimiċi huwa mnaqqas fit-tipi aktar ġodda ta' magni diżil, għadu mhux ċar kif il-bidliet kwantitattivi u kwalitattivi jistgħu jissarrfu f'effetti differenti fuq is-saħħa. L-IARC speċifikat ukoll li huwa komuni li jintuża l-karbonju elementali, li jikkostitwixxi proporzjon sinifikanti minn dawk l-emissjonijiet, bħala markatur tal-espożizzjoni. Minħabba f'hekk, u fid-dawl tal-għadd ta' ħaddiema esposti, huwa xieraq li x-xogħol li jinvolvi espożizzjoni għall-emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil jiddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE u li jiġi stabbilit fl-Anness III tiegħu valur ta' limitu għall-emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil ikkalkulati fuq il-karbonju elementali. Jenħtieġ li l-entrati fl-Annessi I u III għad-Direttiva 2004/37/KE jkopru l-emissjonijiet tal-egżost minn kull tip ta' magna diżil.

(17)

Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil, valur ta' limitu ta' 0,05 mg/m3 imkejjel bħala karbonju elementali jista', f'xi setturi, ikun diffiċli biex jinkiseb fi żmien qasir. Għaldaqstant, minbarra l-perijodu ta' trażpożizzjoni, jenħtieġ li jiġi introdott perijodu tranżitorju ta' sentejn qabel ma jkun japplika l-valur ta' limitu. Madankollu, għas-setturi tal-estrazzjoni ta' taħt l-art u l-bini tal-mini, qabel ma jkun japplika l-valur ta' limitu, minbarra l-perijodu ta' traspożizzjoni, jenħtieġ li jiġi introdott perijodu tranżitorju ta' ħames snin.

(18)

Ċerti taħlitiet ta' idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), b'mod partikolari dawk li fihom il-benżo[a]piren, jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (tal-kategorija 1 A jew 1B) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni kif definiti fid-Direttiva 2004/37/KE. L-espożizzjoni għal tali taħlitiet tista' sseħħ matul ix-xogħol li jkun jinvolvi proċessi ta' ħruq, bħal mill-egżost ta' magna b'kombustjoni, u proċessi ta' kombustjoni b'temperatura għolja, fost oħrajn. L-SCOEL identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda għal dawk it-taħlitiet u l-ACSH qabel dwar l-importanza li jiġi introdott valur ta' limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali għat-taħlitiet tal-PAHs u rrakkomanda li titwettaq ħidma biex jiġu evalwati l-aspetti xjentifiċi bil-ħsieb li jiġi propost valur ta' limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali fil-futur. Għaldaqstant, jixraq li tiġi attribwita notazzjoni tal-ġilda fl-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Jenħtieġ li jsiru wkoll investigazzjonijiet ulterjuri biex jiġi vvalutat jekk hemmx bżonn jiġi stabbilit valur ta' limitu għal taħlitiet ta' PAHs sabiex il-ħaddiema jkunu protetti aħjar minn dawk it-taħlitiet.

(19)

It-trikloroetilene jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (tal-kategorija 1B) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. L-SCOEL identifika t-trikloroetilene bħala karċinoġenu ġenotossiku. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġu stabbiliti valuri ta' limitu għat-trikloroetilene b'rabta ma' perijodu ta' referenza ta' tmien sigħat (valur ta' limitu fit-tul) u ma' perijodu ta' referenza iqsar ta' medja ponderata skont il-ħin ta' ħmistax-il minuta (valur ta' limitu ta' espożizzjoni għal żmien qasir). Għal dak il-karċinoġenu, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda u l-ACSH qabel dwar valur ta' limitu prattiku abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika. Għaldaqstant jixraq li jiġu stabbiliti valuri ta' limitu ta' espożizzjoni fit-tul u għal żmien qasir għat-trikloroetilene u li jiġi attribwit notazzjoni tal-ġilda fl-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-evidenza xjentifika u l-progress tekniku, il-valuri ta' limitu għal dik is-sustanza jenħtieġ li jinżammu taħt rieżami partikolarment mill-qrib.

(20)

4,4′-Metilendianilina (MDA) tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġenika (tal-kategorija 1B) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. L-SCOEL ikkonkluda li mhuwiex possibbli li jiġi dderivat limitu ta' espożizzjoni bbażat fuq is-saħħa għal dak il-karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika, huwa possibbli, madankollu, li jiġi stabbilit valur ta' limitu għal 4,4′-Metilendianilina. Għal dak il-karċinoġenu, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda u l-ACSH qabel dwar valur ta' limitu prattiku, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti valur ta' limitu għal 4,4′-Metilendianilina u li tiġi attribwita notazzjoni tal-ġilda fl-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(21)

L-epikloroidrina (1-kloro-2,3-epossipropan) tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġenika (tal-kategorija 1B) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. L-SCOEL ikkonkluda li mhuwiex possibbli li jiġi derivat valur ta' limitu ta' espożizzjoni bbażat fuq is-saħħa għal dak il-karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu u rrakkomanda li tiġi evitata l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Għall-epikloroidrina, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda u l-ACSH qabel dwar valur ta' limitu prattiku, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti valur ta' limitu għall-epikloroidrina u li tiġi attribwita notazzjoni tal-ġilda fl-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(22)

Id-dibromur tal-etilene (1,2-dibromoetan, EDB) jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġenika (tal-kategorija 1B) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. L-SCOEL ikkonkluda li mhuwiex possibbli li jiġi derivat valur ta' limitu ta' espożizzjoni bbażat fuq is-saħħa għal dak il-karċinoġenu mhux ta' limitu u rrakkomanda li tiġi evitata l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Għad-dibromur tal-etilene, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda u l-ACSH qabel dwar valur ta' limitu prattiku, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti valur ta' limitu għad-dibromur tal-etilene u li jiġi attribwit notazzjoni tal-ġilda fl-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(23)

Id-diklorur tal-etilene (1,2-dikloroetan, EDC) jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġenika (tal-kategorija 1B) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. L-SCOEL ikkonkluda li mhuwiex possibbli li jiġi dderivat valur ta' limitu ta' espożizzjoni ibbażat fuq is-saħħa għal dak il-karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika, huwa possibbli, madankollu, li jiġi stabbilit valur ta' limitu għad-diklorur tal-etilene. Għad-diklorur tal-etilene, l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda u, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika, l-ACSH qabel dwar valur ta' limitu prattiku, filwaqt li enfasizza n-nuqqas ta' data xjentifika robusta u aġġornata, speċjalment dwar il-modalità ta' azzjoni. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti valur ta' limitu għad-diklorur tal-etilene u li jiġi attribwit notazzjoni tal-ġilda fl-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(24)

Il-“Ftehim dwar il-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Ħaddiema Permezz tat-Trattament u l-Użu Tajjeb tas-Silika Kristallina u tal-Prodotti li fihom is-Silika Kristallina”, iffirmat mill-assoċjazzjonijiet li tifformaw in-Netwerk Ewropew għas-Silika (NEPSI), u ftehimiet oħrajn tas-sħab soċjali, li jipprovdi, flimkien ma' miżuri regolatorji, gwida u għodod li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi tal-impjegaturi stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE, huma strumenti prezzjużi li jikkomplementaw il-miżuri regolatorji. Filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ lis-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet bħal dawn. Madankollu, jenħtieġ li l-konformità ma' ftehimiet bħal dawn ma tirriżultax fi preżunzjoni ta' konformità mal-obbligi tal-impjegaturi stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE. Jenħtieġ li tiġi ppubblikata lista aġġornata regolarment ta' ftehimiet bħal dawn fuq is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (UE-OSHA).

(25)

Il-Kummissjoni kkonsultat mal-ASCH u wettqet konsultazzjoni f'żewġ stadji mas-sħab soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(26)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tagħha.

(27)

Il-valuri ta' limitu stabbiliti f'din id-Direttiva ser jinżammu taħt reviżjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u tal-opinjonijiet ta' żewġ kumitati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), (il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC)), b'mod partikolari sabiex tiġi kkunsidrata l-interazzjoni bejn il-valuri ta' limitu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE u r-relazzjonijiet bejn id-doża u l-effett, l-informazzjoni dwar l-espożizzjoni proprja, u fejn disponibbli, id-DNELs (Livelli Derivati ta' Bla Effett) derivati għal sustanzi kimiċi perikolużi f'konformità ma' dak ir-Regolament sabiex il-ħaddiema jkunu protetti b'mod effettiv.

(28)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien u li tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema minn riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-espożizzjoni għal karċinoġeni u mutaġeni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(29)

Minħabba li din id-Direttiva tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jenħtieġ li din tiġi trasposti fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(30)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2004/37/KE tiġi emendata skont dan.

(31)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, f'każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' dokumenti ta' dak it-tip hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/37/KE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Ftehimiet bejn is-sħab soċjali

Il-ftehimiet bejn is-sħab soċjali possibbilment konklużi fil-qasam ta' din id-Direttiva għandhom ikunu elenkati fuq is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA). Dik il-lista għandha tiġi aġġornata b'mod regolari.”;

(2)

Fl-Anness I għandhom jinżdiedu l-punti li ġejjin:

“7.

Xogħol li jinvolvi l-espożizzjoni tal-ġilda għal żjut minerali li qabel intużaw f'magni b'kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna.

8.

Xogħol li jinvolvi l-espożizzjoni għal emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil.”;

(3)

L-anness III huwa sostitwit bit-test imniżżel fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 56.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 (għadha ma hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2018.

(3)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

“ANNESS III

VALURI TA' LIMITU U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA RELATATI B'MOD DIRETT (ARTIKOLU 16)

A.   VALURI TA' LIMITU GĦALL-ESPOŻIZZJONI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Isem tal-aġent

Nru tal-KE (1)

Nru tas-SAK (2)

Valuri ta' limitu

Notazzjoni

Miżuri tranżizzjonali

8 sigħat (3)

Terminu qasir (4)

mg/m3  (5)

ppm (6)

f/ml (7)

mg/m3  (5)

ppm (6)

f/ml (7)

Trab tal-injam iebes

2 (8)

Valur limitu 3 mg/m3 sas-17 ta' Jannar 2023

Komposti tal-Kromju (VI) li huma karċinoġeni, fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 2(a)

(bħala kromju)

0,005

Valur limitu 0,010 mg/m3 sas-17 ta' Jannar 2025

Valur limitu: 0,025 mg/m3 għal proċessi għal iwweldjar jew qtugħ bil-plasma jew proċessi ta' xogħol simili li jiġġeneraw dħaħen sas-17 ta' Jannar 2025

Fibri taċ-ċeramika refrattarji li huma karċinoġeni fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 2(a)

0,3

 

Trab tas-silika kristallina respirabbli

0,1 (9)

 

Benżen

200-753-7

71-43-2

3,25

1

ġilda (10)

 

Monomeru tal-vinil klorur

200-831-0

75-01-4

2,6

1

 

Ossidu tal-etilen

200-849-9

75-21-8

1,8

1

ġilda (10)

 

1,2-Epossipropan

200-879-2

75-56-9

2,4

1

 

Trikloroetilene

201-167-4

79-01-6

54,7

10

164,1

30

ġilda (10)

 

Akrilammid

201-173-7

79-06-1

0,1

ġilda (10)

 

2-Nitropropan

201-209-1

79-46-9

18

5

 

o-Toluwidina

202-429-0

95-53-4

0,5

0,1

ġilda (10)

 

4,4′-Metilendianilina

202-974-4

101-77-9

0,08

ġilda (10)

 

Epikloroidrina

203-439-8

106-89-8

1,9

ġilda (10)

 

Dibromur tal-etilene

203-444-5

106-93-4

0,8

0,1

ġilda (10)

 

1,3-Butadjen

203-450-8

106-99-0

2,2

1

 

Diklorur tal-etilene

203-458-1

107-06-2

8,2

2

ġilda (10)

 

Idrazina

206-114-9

302-01-2

0,013

0,01

ġilda (10)

 

Bromoetilena

209-800-6

593-60-2

4,4

1

 

Emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil

 

 

0,05 (*1)

 

 

 

 

 

 

Il-valur ta' limitu għandu japplika mill-21 ta' Frar 2023. Għall-estrazzjoni ta' taħt l-art u l-bini tal-mini, il-valur ta' limitu għandu japplika mill-21 ta' Frar 2026.

Taħlitiet ta' idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, b'mod partikolari dawk li fihom il-benżo[a]piren, li huma karċinoġeni skont it-tifsira ta' din id-Direttiva

 

 

 

 

 

 

 

 

ġilda (10)

 

Żjut minerali li qabel intużaw f'magni b'kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna

 

 

 

 

 

 

 

 

ġilda (10)

 

B.   DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA RELATATI B'MOD DIRETT

p.m.

”.

(1)  In-Nru tal-KE, jiġifieri EINECS, ELINCS jew NLP, huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea, kif definit fit-Taqsima 1.1.1.2 fl-Anness VI, il-Parti 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(2)  Nru tas-SAK: in-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.

(3)  Imkejla jew ikkalkulati b'rabta ma' perijodu ta' referenza tal-medja kkunsidrata fil-funzjoni tal-ħin ta' tmien sigħat (TWA).

(4)  Limitu ta' espożizzjoni għal żmien qasir (STEL). Valur ta' limitu li 'l fuq minnu ma għandux ikun hemm espożizzjoni u li huwa relatat ma' perijodu ta' 15-il minuta, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

(5)  

mg/m3 = milligrammi kull metru kubu ta' arja b'20 °C u 101,3 kPa (pressjoni tal-merkurju ta' 760 mm).

(6)  

ppm= partijiet kull miljun b'volum fl-arja (ml/m3).

(7)  

f/ml= fibri kull millilitru.

(8)  Frazzjoni li tista' tinġibed 'il ġewwa man-nifs: jekk it-trabijiet tal-injam iebes jitħalltu ma' trabijiet ta' njam ieħor, il-valur ta' limitu għandu japplika għat-trabijiet kollha tal-injam li jkunu preżenti f'dik it-taħlita.

(9)  Frazzjoni respirabbli.

(10)  Kontribuzzjoni sostanzjali għall-piż totali tal-ġisem mill-espożizzjoni tal-ġilda possibbli.

(*1)  Imkejla bħala karbonju elementali.


Top