EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0905(13)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Ċipru għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Ċipru għall-2019

ST/10166/2019/INIT

ĠU C 301, 5.9.2019, p. 80–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/80


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2019

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Ċipru għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Ċipru għall-2019

(2019/C 301/13)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika għall-2019. Qieset il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, fejn Ċipru kien identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) (‘Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro’), li tistabbilixxi ħames rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro (‘ir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro’).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li Ċipru jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) ta’ hawn taħt. B’mod partikolari, il-miżuri biex jitnaqqas il-piż amministrattiv ser jgħinu biex tiġi indirizzata l-ewwel rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tal-ambjent tan-negozju u t-titjib tal-produttività għal riekwilibriju taż-żona tal-euro; l-iffukar tal-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq l-oqsma speċifikati ser jgħin biex tiġi indirizzata t-tieni rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tal-appoġġ għall-investiment; il-miżuri tat-taxxa u l-miżuri biex jitjiebu l-ħiliet ser jgħinu biex tiġi indirizzata t-tielet rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-funzjonament tas-suq tax-xogħol; u l-miżuri biex jitjieb il-funzjonament tal-kumpannija tal-ġestjoni tal-assi ser jgħinu biex tiġi indirizzata r-raba’ rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tat-tnaqqis ta’ selfiet improduttivi.

(3)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2019 għal Ċipru ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Ir-rapport ivvaluta l-progress li għamel Ċipru biex indirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (4), is-segwitu li ngħataw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Ċipru biex jilħaq il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020. Inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-27 ta’ Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Ċipru għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, huwa essenzjali li l-Istat Membru jindirizza l-ammonti kbar ta’ dejn privat, pubbliku u estern u ta’ selfiet improduttivi.

(4)

Ċipru ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2019 fil-15 ta’ April 2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2019 fit-30 ta’ April 2019. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun meħtieġ li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(6)

Attwalment, Ċipru jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2019, il-bilanċ tal-gvern ġenerali, li fl-2018 inbidel f’defiċit ta’ 4,8 % tal-prodott domestiku gross (PDG) u li b’hekk qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stipulat fit-Trattat, huwa mistenni li jilħaq surplus f’termini nominali ta’ 3,0 % tal-PDG fl-2019 u iktar minn 2,0 % tal-PDG matul il-perijodu tal-programm. Fuq il-bażi tal-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid (6), l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, stabbilit f’pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali, huwa ppjanat li jintlaħaq matul il-perijodu 2019-2022. Wara li żdied għal madwar 102,5 % tal-PDG fl-2018, id-dejn tal-gvern ġenerali bħala proporzjon tal-PDG mistenni li jonqos għal 95,7 % fl-2019 u li jkompli jonqos b’mod konsistenti wara dan, għal 77,5 % sal-2022, skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Ir-riskji assoċjati mas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ppreżentati fil-Programm ta’ Stabbiltà jxaqilbu ’l isfel, u dan primarjament huwa marbut mal-iżviluppi esterni kif ukoll mal-impatt fiskali potenzjali tas-sentenzi tal-Qorti b’rabta mar-riformi fiskali preċedenti u mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-isptarijiet pubbliċi matul l-ewwel snin tas-sistema tal-kura tas-saħħa nazzjonali. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa għall-2019, il-bilanċ tal-gvern ġenerali mistenni jirreġistra surplus ta’ 3,0 % tal-PDG fl-2019 u 2,8 % tal-PDG fl-2020. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa għall-2019, il-bilanċ strutturali mistenni jilħaq 1,1 % tal-PDG fl-2019 u 0,7 % tal-PDG fl-2020, filwaqt li jibqa’ jissupera l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Ċipru huwa previst li jkun konformi mar-regola tad-dejn fl-2019 u fl-2020. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li Ċipru x’aktarx ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2019 u fl-2020.

(7)

Fil-5 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ħarġet rapport ippreparat f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat, peress li, fuq il-bażi tad-data notifikata, fl-2018 id-defiċit nominali kien jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stipulat fit-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li jenħtieġ ma jittiħdux passi addizzjonali li jwasslu għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern. L-ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika u fil-gvernijiet lokali għadhom sfida minkejja li sar xi progress fis-servizzi elettroniċi tal-gvern. Dan għandu impatt fuq l-ambjent tan-negozju. Proposti leġislattivi ewlenin li jindirizzaw il-kwistjoni għadhom pendenti. Dawn jinkludu abbozzi ta’ liġijiet dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-gvernijiet lokali. Nuqqasijiet fil-qafas ta’ governanza għal entitajiet li jappartjenu għall-Istat jistgħu jiffaċilitaw l-akkumulazzjoni ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti pubbliċi u jxekklu l-kapaċità tal-investiment f’utilitajiet importanti, bħat-telekomunikazzjoni u l-enerġija. Peress li t-trażżin tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku kien fattur sinifikanti fil-konsolidament fiskali f’Ċipru, dan jiġġustifika kontinwazzjoni.

(8)

Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali biex is-sistemi tat-taxxa jsiru aktar effiċjenti u ġusti, kif rikonoxxut fir-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro għall-2019. L-effetti sekondarji tal-istrateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni kkoordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni. Ċipru ħa miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, iżda l-livelli għolja ta’ pagamenti ta’ dividendi u mgħax (relattivi għall-PDG) jindikaw li r-regoli tat-taxxa ta’ Ċipru jistgħu jintużaw minn kumpanniji li jeżerċitaw ippjanar aggressiv tat-taxxa. In-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti ’l barra mill-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-Unjoni lejn residenti ta’ pajjiżi terzi) ta’ dividendi, imgħax u, f’bosta każijiet, royalties minn kumpanniji bbażati f’Ċipru lejn residenti ta’ pajjiżi terzi jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk lanqas fil-ġurisdizzjoni riċeventi ma jkunu soġġetti għat-taxxa. In-nuqqas ta’ tali taxxi, flimkien mar-regoli ta’ residenza tat-taxxa korporattiva, jistgħu jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. L-iskema tat-Tnaqqis ta’ Mgħax Nozzjonali jenħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib għall-prevenzjoni ta’ kull użu ħażin għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Fl-aħħar nett, l-Iskema għan-Naturalizzazzjoni tal-Investituri f’Ċipru b’eċċezzjoni u l-Iskema ta’ Residenza b’Investiment jagħtu aċċess għal rata tat-taxxa personali baxxa fuq dħul minn assi finanzjarji barranin u ma jirrikjedux li individwu jagħmel żmien twil fil-ġurisdizzjoni li qed toffri l-iskema. L-OECD tqis li għandhom riskju potenzjalment għoli li jintużaw ħażin għaċ-ċirkomvenzjoni tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji.

(9)

Ġew implimentati miżuri sinifikanti fil-kuntest ta’ strateġija komprensiva għas-selfiet improduttivi. Dawn wasslu għal tnaqqis sinifikanti fis-selfiet improduttivi fis-settur bankarju, primarjament minħabba l-bejgħ u l-istralċ ta’ Cyprus Cooperative Bank u t-trasferiment tal-portafoll tas-selfiet improduttivi tiegħu lejn kumpannija maniġerjali tal-assi li jappartjenu għall-Istat. Barra minn hekk, il-liġi dwar il-bejgħ tas-selfiet ġiet imtejba u ġiet adottata liġi dwar it-titolizzazzjoni tas-selfiet. Sabiex jiġu massimizzati r-rikavati mill-bejgħ tal-assi u fl-aħħar mill-aħħar jonqos id-dejn privat huwa essenzjali li l-kumpannija maniġerjali tal-assi li jappartjenu għall-Istat ikollha struttura ta’ governanza effettiva, maniġment bi speċjalizzazzjoni għolja, indipendenza operattiva mill-Istat Ċiprijott, u miri ddefiniti sew li huma konformi mal-impenji magħmula mill-gvern fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-bejgħ ta’ Cyprus Cooperative Bank, li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi stabbilit qafas superviżorju adegwat għall-kumpanniji li jakkwistaw kreditu, peress li l-ammont ta’ kumpanniji li jakkwistaw kreditu, inkluż il-kumpannija maniġerjali tal-assi li jappartjenu għall-Istat, żdied u fil-futur huwa ppjanat iktar bejgħ ta’ portafolli ta’ selfiet improduttivi. Il-kapaċità amministrattiva u ta’ governanza tas-superviżuri tal-assigurazzjoni u tal-fondi ta’ pensjoni għadha dgħajfa. Jenħtieġ li l-integrazzjoni ta’ dawn is-superviżuri tiġi finalizzata malajr. B’mod ġenerali, il-qafas superviżorju għas-swieq kapitali jrid jissaħħaħ minħabba l-attivitajiet transfruntiera relattivament imdaqqsa tal-kumpanniji tas-servizzi finanzjarji mhux bankarji u t-tkabbir sinifikanti ta’ ditti liċenzjati f’dawn l-aħħar snin.

(10)

L-okkupazzjoni qed tiżdied, il-qgħad qed jonqos u l-kapaċità ta’ terminu qasir tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jiffaċilitaw is-sostenn attiv għax-xogħol tjiebet. Madankollu, is-sostenibbiltà fit-tul tal-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għadha problema, peress li l-persunal addizzjonali ġie rreklutat għal sentejn biss. Fl-2018 il-proporzjon taż-żgħażagħ mhux impjegati, barra mill-edukazzjoni jew mhux f’taħriġ kien fost l-ogħla fl-Unjoni. L-effiċjenza baxxa tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi kif ukoll l-offerti limitati ta’ xogħol u l-parteċipazzjoni limitata tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri ta’ attivazzjoni biex jgħinu lin-nies isibu xogħol, għadhom sfida. Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġu rinforzati s-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ għall-attivazzjoni biex jiġu aċċessati l-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ u għal dawk diżokkupati fit-tul. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-impjiegi indipendenti u tal-ekonomija soċjali kif ukoll il-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi tas-suq tax-xogħol biex in-nies ikunu jistgħu jiksbu ħiliet li huma iktar kompatibbli mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

(11)

In-nuqqas u l-ispariġġi tal-ħiliet huma fost l-ostakli ewlenin għall-investiment tan-negozji, u dan jenfasizza l-bżonn li jsir iktar investiment fit-taħriġ tal-forza tax-xogħol potenzjali li hija inutilizzata jew mhux utilizzata biżżejjed, li l-kurrikuli tal-edukazzjoni jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u li jsir investiment f’infrastruttura adattata ta’ edukazzjoni vokazzjonali. Il-progress fir-riformi kruċjali fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, bħat-titjib fl-ingaġġ u fl-evalwazzjoni tal-għalliema, mhuwiex uniformi. Il-kisbiet edukattivi għadhom baxxi; l-istess bħall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li saret inqas affordabbli għall-familji, peress li waqt il-kriżi d-dħul tagħhom naqas b’rata iktar mgħaġġla minn dik tal-ispejjeż marbuta mal-indukrar tat-tfal. Iktar sforzi biex tiġi modernizzata s-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-livelli kollha jgħinu biex jitjiebu r-riżultati edukattivi u jiżdied il-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli f’Ċipru. Ir-reviżjoni tal-kurrikuli vokazzjonali u tat-taħriġ hija pass importanti biex jitnaqqsu l-ispariġġi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol. Madankollu, spariġġi prevalenti fil-ħiliet ta’ gradwati terzjarji u parteċipazzjoni baxxa fl-edukazzjoni għall-adulti, speċjalment minn dawk b’ħiliet baxxi, jindikaw il-bżonn ta’ taħriġ ta’ aġġornament u taħriġ mill-ġdid iktar b’saħħithom.

(12)

Ċipru għamel progress fil-kura tas-saħħa billi adotta leġislazzjoni biex jistabbilixxi s-Sistema Nazzjonali tal-Kura tas-Saħħa ġdida. Is-sistema l-ġdida għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess, tintroduċi kopertura universali tas-saħħa, tnaqqas il-livell għoli ta’ pagamenti mill-but u żżid l-effiċjenza fl-għoti tal-kura fis-settur pubbliku. Qabel ma tibda taħdem bis-sħiħ fl-2020, is-sistema għadha qed tiffaċċa sfidi kbar ta’ implimentazzjoni u investiment. Il-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema, inkluż l-iżgurar tal-awtonomija finanzjarja u operattiva tal-isptarijiet pubbliċi, kif ippjanata, għadha kruċjali. Miżuri li jkollhom l-għan li jimmodernizzaw u jtejbu l-effiċjenza tal-fornituri tal-kura tas-saħħa, inkluż il-kura tas-saħħa primarja, l-introduzzjoni tas-saħħa elettronika u t-twaqqif ta’ Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Mediċini, ikunu qed ikomplu jsaħħu s-sistema tal-kura tas-saħħa. Il-livell tal-kura fit-tul huwa baxx u jibqa’ ta’ sfida meta jitqies it-tixjiħ tal-popolazzjoni.

(13)

Il-prestazzjoni ambjentali dgħajfa ta’ Ċipru hija ta’ tħassib kbir, u l-pajjiż għadu vulnerabbli għat-tibdil fil-klima. Ċipru jrid itejjeb b’mod sinifikanti s-sistema tiegħu tal-immaniġġar tal-iskart kif ukoll l-ekonomija ċirkolari. Il-ġenerazzjoni ta’ skart għadha ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-medja fl-Unjoni u mill-2014 ’l hawn kompliet tiżdied. Il-faċilitajiet attwali għat-trattament tal-iskart ma jilħqux rati ta’ riċiklaġġ għoljin, u minħabba l-assenza ta’ strumenti ekonomiċi, bħal taxxi tal-landfills, ir-riċiklaġġ mhuwiex ekonomikament attraenti. Il-ġestjoni tal-ilma, b’mod partikolari f’żoni urbani, hija karatterizzata minn ineffiċjenzi. Il-problema ewlenija ta’ Ċipru hija l-iskarsezza tal-ilma, flimkien mal-astrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art. Għad hemm ammont konsiderevoli ta’ ilma mormi fiż-żoni urbani li qed jiġi rrilaxxat mingħajr ġbir jew trattament — huwa biss madwar nofs l-ilma mormi totali li jgħaddi minn trattament sekondarju. In-nixfiet u l-iskarsezza tal-ilma huma ta’ tħassib ewlieni, u r-rispons ta’ politika insuffiċjenti jaf jaffettwa l-ekonomija rurali u t-turiżmu ta’ Ċipru. Għaldaqstant, biex Ċipru jimmitiga l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, jippreserva u jirriabilita l-ambjent naturali tiegħu u jiżgura t-tkabbir ekonomiku sostenibbli ta’ terminu twil, huma essenzjali l-ġestjoni sostenibbli u l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali tiegħu, flimkien ma’ infurzar iktar strett tal-leġislazzjoni ambjentali u tal-klima.

(14)

Ċipru jista’ jagħmel użu ħafna aħjar mis-sorsi tiegħu ta’ enerġija rinnovabbli — partikolarment mix-xemx — u b’hekk jindirizza l-ineffiċjenzi attwali tal-enerġija. Fl-2017 il-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli f’Ċipru kien 9,72 %, filwaqt li l-mira għall-2020 hija 13 %. Il-binjiet residenzjali u kummerċjali li qed jinbnew b’livell baxx ta’ protezzjoni termali jew mingħajrha, partikolarment f’żoni urbani, huma sors sostanzjali ta’ ineffiċjenza enerġetika. Il-kondizzjonijiet qafas għall-investiment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli tjiebu, u ġew introdotti diversi miżuri, inkluż l-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi u skemi ta’ għajnuna għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għall-unitajiet domestiċi. Madankollu, Ċipru għadu ma ħax vantaġġ sħiħ mill-potenzjal konsiderevoli li għandu fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari minn sorsi solari. Id-dipendenza fuq it-toroq għat-trasport intern toħloq numru ta’ sfidi tal-politika, speċjalment l-isfida biex jitnaqqsu t-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u din twassal ukoll konġestjoni kbira fiż-żoni urbani fil-ħinijiet bl-ogħla traffiku u fit-toroq li jagħtu għall-portijiet. B’sehem ta’ 2,7 % fl-2016, Ċipru qiegħed lura wkoll fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport u jaf isibha diffiċli biex jilħaq il-mira vinkolanti ta’ 10 % sal-2020.

(15)

L-investiment fl-ekonomija tal-Internet u t-titjib tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema huma essenzjali biex tissaħħaħ il-produttività. Ċipru qiegħed lejn l-aħħar fl-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-Kummissjoni Ewropea tal-2019. Huma biss 50 % taċ-Ċiprijotti ta’ età bejn is-16 u l-74 sena li għandhom ħiliet diġitali bażiċi u l-ispeċjalisti tal-ICT għadhom jirrappreżentaw proporzjon iktar baxx tal-forza tax-xogħol meta mqabbel mal-Unjoni kollha kemm hi (2,3 % versus 3,7 %), u dan qed ixekkel il-potenzjal tal-ekonomija diġitali. Hemm livell baxx ta’ interazzjoni online bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini, u 50 % biss taċ-Ċiprijotti jinteraġixxu online. Il-kummerċ elettroniku qed jitjieb, imma għadu taħt il-medja tal-Unjoni.

(16)

Ċipru jibqa’ innovatur moderat, u l-prestazzjoni fl-innovazzjoni naqset mill-2010 ’l hawn. In-nefqa pubblika u privata fuq ir-riċerka u l-iżvilupp hija fost l-inqas fl-Unjoni, u b’hekk hija mxekkla l-kapaċità innovattiva taċ-ċentri tar-riċerka u tas-settur tan-negozju. L-interazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji wkoll hija limitata ħafna. Biex titjieb il-kompetittività ta’ Ċipru u b’mod partikolari dik tal-SMEs, huwa kruċjali li tiżdied il-kapaċità innovattiva tas-settur tan-negozju u li jissaħħaħ l-aċċess għal finanzjament u investimenti li jiffokaw fuq oqsma ddefiniti sew ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

(17)

Il-piż amministrattiv huwa għoli, speċjalment biex jingħata bidu għal investimenti strateġiċi. Hemm lok biex jiġu simplifikati b’mod sinifikanti l-proċeduri għall-ksib ta’ permessi għal investimenti strateġiċi, u l-leġislazzjoni rilevanti għadha pendenti.

(18)

L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għat-tkabbir wassal għal xi progress fl-intraprenditorija u fl-aċċess tal-SMEs għal finanzjament. Madankollu, il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju għall-SMEs għadhom ibbażati ġeneralment fuq għotjiet u finanzjament bankarju appoġġat mill-Unjoni u/jew minn fondi nazzjonali. Sorsi alternattivi ta’ finanzjament, bħalma huma l-kapital ta’ riskju, il-finanzjament permezz tal-ekwità u l-finanzjament kollettiv għadhom marġinali għan-negozji Ċiprijotti. Koordinazzjoni mtejba tal-appoġġ għan-negozji tista’ ttejjeb l-użu. Sforzi ta’ privatizzazzjoni biex jiġu attirati investimenti barranin li jtejbu l-produttività, f’bosta każijiet huma sospiżi u wħud mill-proġetti ta’ privatizzazzjoni biss qed javvanzaw b’mod gradwali.

(19)

Ineffiċjenzi persistenti fis-sistema ġudizzjarja jkomplu jaffettwaw l-infurzar ta’ kuntratti u jipprevjenu r-riżoluzzjoni rapida ta’ kawżi ċivili u kummerċjali u l-investigazzjoni ta’ delitti. Regoli kkumplikati u antikwati tal-proċedura ċivili kif ukoll l-infurzar dgħajjef tad-deċiżjonijiet tal-qrati huma ta’ piż fuq l-inċentivi tal-banek biex jużaw oqfsa ta’ insolvenza u preklużjoni biex inaqqsu l-ammont ta’ selfiet improduttivi tagħhom. Serje ta’ riformi bdew jindirizzaw il-problemi l-iktar serji fis-sistema tal-ġustizzja, b’mod partikolari r-regoli antikwati tal-proċedura ċivili, l-ispeċjalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni baxxi tal-qrati, il-konklużjoni ta’ għadd kbir ta’ kawżi pendenti u l-assenza tat-taħriġ tul il-ħajja għall-imħallfin; iżda l-progress jibqa’ bil-mod. Jenħtieġ li r-riforma tkun konformi mal-impenji li saru mill-gvern fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat dwar il-bejgħ ta’ Cyprus Cooperative Bank, li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2018 ġew adottati oqfsa mtejbin tal-insolvenza u tal-preklużjoni. L-implimentazzjoni deċiżiva tal-liġijiet il-ġodda flimkien mal-iżgurar ta’ sistema ġudizzjarja effiċjenti u l-infurzar iktar strett tas-sentenzi għandhom jgħinu fit-titjib tad-dixxiplina tar-rimborż tad-dejn. Strateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni ilha fis-seħħ minn Diċembru 2017, u din ġiet rinforzata bl-approvazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni orizzontali nazzjonali kontra l-korruzzjoni mill-Kunsill tal-Ministri f’Mejju 2019. Fil-Parlament ġew ippreżentati abbozzi ta’ liġijiet għat-twaqqif ta’ aġenzija indipendenti ġdida kontra l-korruzzjoni u għall-protezzjoni tal-informaturi, iżda għadhom iridu jiġu adottati. Dawn il-liġijiet ikunu ta’ għajnuna għat-tisħiħ tal-qafas nazzjonali kontra l-korruzzjoni. Jenħtieġ li r-riformi kontra l-korruzzjoni jiġu aċċellerati permezz tal-implimentazzjoni malajr tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-korruzzjoni. L-indipendenza tal-prosekuzzjoni trid tiġi salvagwardjata u jenħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi.

(20)

Minkejja li saru xi sforzi biex jitnaqqas ix-xogħol b’lura fil-ħruġ ta’ titoli tal-proprjetà, għad hemm ħafna xogħol b’lura. Soluzzjoni strutturali li tindirizza l-inadegwatezzi tas-sistema ta’ tranżazzjoni tal-proprjetà (jiġifieri l-ħruġ u t-trasferiment ta’ titoli tal-proprjetà) għadha trid tinstab. Din hija essenzjali biex jiġu faċilitati l-proċeduri ta’ preklużjoni u tkun possibbli l-likwidazzjoni tal-kollateral.

(21)

L-ipprogrammar tal-Fondi tal-Unjoni għall-perijodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud mil-lakuni identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. B’hekk Ċipru jkun jista’ jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati, filwaqt li jqis id-differenzi territorjali. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi hija fattur importanti għas-suċċess ta’ dan l-investiment.

(22)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Ċipru u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2019 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Ċipru fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f’Ċipru imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(23)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 u huwa tal-opinjoni (7) li Ċipru mistenni jkun konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(24)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond mill-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro, b’mod partikolari l-ewwel, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2019 u fl-2020 biex:

1.   

Jadotta riformi leġislattivi ewlenin biex itejjeb l-effiċjenza fis-settur pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika u tal-governanza tal-entitajiet li jappartjenu għal-Istat u l-gvernijiet lokali. Jindirizza karatteristiċi tas-sistema fiskali li jaf jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn individwi u ditti multinazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ pagamenti ’l barra minn ditti multinazzjonali.

2.   

Jiffaċilita t-tnaqqis ta’ selfiet improduttivi, inkluż billi jwaqqaf struttura ta’ governanza effettiva għall-kumpannija maniġerjali tal-assi li jappartjenu għall-Istat, filwaqt li jieħu passi biex itejjeb id-dixxiplina fil-pagamenti u jsaħħaħ is-superviżjoni ta’ kumpanniji li jakkwistaw kreditu. Isaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ superviżjoni fis-settur finanzjarju mhux bankarju, inkluż bl-integrazzjoni sħiħa tas-superviżuri tal-assigurazzjoni u tal-fondi ta’ pensjoni.

3.   

Ilesti r-riformi mmirati biex iżidu l-effettività tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jsaħħaħ il-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ attivazzjoni għaż-żgħażagħ. Iwettaq f’dak li għandu x’jaqsam mar-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluża l-evalwazzjoni tal-għalliema, iżid l-involviment ta’ min iħaddem u ta’ min qed jitgħallem fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ, kif ukoll joffri edukazzjoni u indukrar tat-tfal affordabbli. Jieħu miżuri biex jiżgura li s-Sistema Nazzjonali tal-Kura tas-Saħħa ssir operazzjonali fl-2020, kif ippjanat, filwaqt li tippreserva s-sostenibbiltà fit-tul tagħha.

4.   

Jiffoka l-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq it-trasport sostenibbli, l-ambjent, b’mod partikolari l-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, id-diġitalizzazzjoni, inklużi l-ħiliet diġitali, kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, b’kont meħud tad-differenzi territorjali fi ħdan Ċipru. Jadotta leġislazzjoni biex jissimplifika l-proċeduri li jippermettu lill-investituri strateġiċi jiksbu l-permessi u l-liċenzji neċessarji. Itejjeb l-aċċess tal-SMEs għal finanzjament, u jkompli bl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ privatizzazzjoni.

5.   

Iżid l-isforzi biex itejjeb l-effiċjenza tal-ġudikatura, anki permezz tat-titjib tal-funzjonament tal-qrati amministrattivi u permezz tar-reviżjoni tal-proċeduri ċivili, permezz ta’ speċjalizzazzjoni iktar b’saħħitha tal-qrati u permezz tat-twaqqif ta’ sistema ta’ ġustizzja elettronika operazzjonali. Jieħu miżuri biex isaħħaħ l-infurzar legali tat-talbiet u jieħu ħsieb li jkun hemm sistemi affidabbli u rapidi għall-ħruġ u għat-trasferiment ta’ titoli tal-proprjetà u ta’ drittijiet tal-proprjetà immobbli. Iħaffef ir-riformi kontra l-korruzzjoni, jiggarantixxi l-indipendenza tal-prosekuzzjoni u jsaħħaħ il-kapaċità tal-eżekuzzjoni tal-liġi.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 136, 12.4.2019, p. 1.

(4)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 55.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għall-miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija miftiehma b’mod komuni.

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top