Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0621(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija

    ST/10002/2019/INIT

    ĠU C 210, 21.6.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 210/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-14 ta’ Ġunju 2019

    bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija

    (2019/C 210/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 121 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jippromwovu finanzi pubbliċi sodi fuq terminu medju permezz tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u s-sorveljanza multilaterali sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċits pubbliċi eċċessivi.

    (2)

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi.

    (3)

    F’Ġunju 2017 u f’Ġunju 2018 il-Kunsill sab f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat li fl-2016 u fl-2017, rispettivament, kien hemm devjazzjoni sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju tar-Rumanija jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh. Fid-dawl ta’ dawk id-devjazzjonijiet sinifikanti stabbiliti, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjonijiet tas-16 ta’ Ġunju 2017 (2) u tat-22 ta’ Ġunju 2018 (3), li fihom irrakkomanda li r-Rumanija tieħu l-miżuri politiċi meħtieġa biex tindirizza tali devjazzjonijiet. Il-Kunsill sussegwentement sab li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dawk ir-Rakkomandazzjonijiet. Fl-iktar Rakkomandazzjoni riċenti, adottata fl-4 ta’ Diċembru 2018 (4), il-Kunsill irrakkomanda li r-Rumanija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta (5) ma tkunx taqbeż l-4,5 % fl-2019, li tikkorrispondi għall-aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal-prodott domestiku gross (PDG).

    (4)

    Fl-2018, fuq il-bażi tat-tbassirtar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni u d-data dwar l-eżitu tal-2018 ivvalidata mill-Eurostat, it-tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett kien ħafna ogħla mill-valur referenzjarju tan-nefqa, li jindika devjazzjoni sinifikanti b’marġni wiesa’ (devjazzjoni ta’ 2,4 % tal-PDG). Id-defiċit strutturali ma tnaqqasx, u baqa’ ġeneralment stabbli għal madwar 3 % tal-PDG potenzjali, li jindika wkoll devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament strutturali rakkomandat (devjazzjoni ta’ 0,8 % tal-PDG). Id-daqs tad-devjazzjoni indikat mill-bilanċ strutturali huwa affettwat b’mod negattiv minn dħul mhux mistenni, minn deflatur tal-PDG ogħla u minn stima sottostanti ogħla ta’ tkabbir potenzjali tal-PDG meta mqabbla mal-medja fuq terminu medju sottostanti tal-valur referenzjarju tan-nefqa. Madankollu, id-daqs tad-devjazzjoni indikat mill-bilanċ strutturali huwa affettwat b’mod pożittiv minn infiq baxx ta’ investiment pubbliku, li jitqassmu fil-valur referenzjarju tan-nefqa. Irrispettivament minn dik id-differenza, iż-żewġ indikaturi jikkonfermaw devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti tal-fergħa preventiva tal-PST fl-2018.

    (5)

    Fil-5 ta’ Ġunju 2019, wara valutazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni sabet li fir-Rumanija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju u ħarġet twissija lir-Rumanija skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

    (6)

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill għandu jindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu l-miżuri ta’ politika neċessarji. Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jipprevedi li r-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur sa meta l-Istat Membru jindirizza d-devjazzjoni. Fuq il-bażi ta’ dan, skadenza tal-15 ta’ Ottubru 2019 biex ir-Rumanija tindirizza d-devjazzjoni tidher xierqa. Sa dik l-iskadenza, jenħtieġ li r-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni.

    (7)

    Fuq il-bażi tal-proġettazzjonijiet tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni, fl-2019 u fl-2020 ir-Rumanija ser tibqa’ fi żminijiet ekonomiċi normali. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku ġenerali tar-Rumanija huwa taħt il-limitu ta’ 60 % tal-PDG. Għalhekk, l-isforz strutturali minimu meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1466/97 u mill-matriċi ta’ aġġustamenti miftehma komunament taħt il-fergħa preventiva tal-PST, li tieħu kont taċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti u tal-problemi possibbli dwar is-sostenibbiltà, jammonta għal tal-anqas 0,5 % tal-PDG kemm għall-2019 kif ukoll għall-2020.

    (8)

    Id-defiċit strutturali tar-Rumanija żdied gradwalment, minn 0,1 % tal-PDG fl-2015 għal 1,7 % tal-PDG fl-2016, 2,9 % tal-PDG fl-2017 u 3 % tal-PDG fl-2018. Biex jiġi kkomplementat ir-rekwiżit tal-aġġustament minimu jenħtieġ li jsir sforz addizzjonali u persistenti biex jagħmel tajjeb għad-devjazzjoni kumulattiva u biex ir-Rumanija tinġieb lura għall-perkors ta’ aġġustament xieraq wara t-telf persistenti li akkumulat mill-2016. Jidher li sforz addizzjonali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2019 u 0,25 % tal-PDG fl-2020 ikun xieraq fid-dawl tal-kobor tad-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Tali sforz ikun konformi mal-aġġustament rakkomandat għall-2019 mill-Kunsill fl-4 ta’ Diċembru 2018. Dan ser jaċċellera l-aġġustament lura lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju.

    (9)

    It-titjib meħtieġ tal-bilanċ strutturali b’1 % tal-PDG għall-2019 u 0,75 % tal-PDG għall-2020 huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta li ma tkunx ogħla minn 4,5 % fl-2019 u 5,1 % fl-2020.

    (10)

    It-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni jipproġetta deterjorament ulterjuri tal-bilanċ strutturali b’0,7 % tal-PDG fl-2019 u 1,2 % tal-PDG ulterjuri fl-2020. Għaldaqstant, it-titjib strutturali meħtieġ jissarraf fi ħtieġa li jiġu adottati miżuri b’rendiment strutturali totali ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2019 u miżuri addizzjonali b’rendiment strutturali ta’ 1,95 % tal-PDG fl-2020 meta mqabbel mal-linja bażi attwali mit-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni.

    (11)

    It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni tipproġetta defiċit pubbliku ta’ 3,5 % tal-PDG fl-2019 u 4,7 % tal-PDG fl-2020, li jkun ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. L-aġġustament strutturali meħtieġ jidher ukoll xieraq biex jiġi żgurat li r-Rumanija tirrispetta b’marġni t-3 % tal-PDG tal-valur referenzjarju tat-Trattat fl-2019 u fl-2020.

    (12)

    Jekk ir-Rumanija tonqos milli taġixxi fuq rakkomandazzjonijiet preċedenti biex tikkoreġi d-devjazzjonijiet sinifikanti osservata kif ukoll ikun hemm ir-riskju li teċċedi l-valur referenzjarju tat-Trattat tal-fergħa korrettiva tal-PS T tinħoloq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti sabiex il-politika fiskali tagħha tinġieb lura fuq perkors prudenti.

    (13)

    Sabiex jintlaħqu l-miri baġitarji rakkomandati, huwa kruċjali li r-Rumanija tadotta u timplimenta b’mod rigoruż il-miżuri neċessarji u tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp tan-nefqa kurrenti.

    (14)

    Jenħtieġ li r-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni sal-15 ta’ Ottubru 2019.

    (15)

    Huwa xieraq li din ir-Rakkomandazzjoni tkun pubblikata,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA LI R-RUMANIJA:

    (1)

    tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma tkunx ogħla minn 4,5 % fl-2019 u 5,1 % fl-2020, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal-PDG fl-2019 u 0,75 % fl-2020, u b’dan il-mod ir-Rumanija titqiegħed fuq perkors xieraq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju;

    (2)

    tuża kwalunkwe qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit; jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali ġenerali tal-gvern f’manjiera li tiffavorixxi t-tkabbir;

    (3)

    tirrapporta lill-Kunsill sal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni; jenħtieġ li r-rapport jinkludi miżuri dettaljati biżżejjed u mħabbra b’mod kredibbli, inkluż l-impatt baġitarju ta’ kull waħda minnhom, bil-għan li jkun hemm konformità mal-perkors ta’ aġġustament, kif ukoll proġettazzjonijiet baġitarji aġġornati u dettaljati għall-2019 u l-2020.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ġunju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E.O. TEODOROVICI


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 216, 6.7.2017, p. 1).

    (3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 3).

    (4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 439, 20.12.2017, p. 1).

    (5)  In-nefqa pubblika primarja netta hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni mqabbla kompletament mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u bidliet mhux diskrezzjonarji fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni tal-kapital fiss gross iffinanzjat fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.


    Top