Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D2011

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2011 tat-28 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 li tapprova l-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri billi testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha (notifikata bid-dokument C(2019) 8580) (It-testi bil-Bulgaru, bil-Grieg u bil-Kroat biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/8580

    ĠU L 312, 3.12.2019, p. 93–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/2011/oj

    3.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 312/93


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2011

    tat-28 ta’ Novembru 2019

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 li tapprova l-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri billi testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha

    (notifikata bid-dokument C(2019) 8580)

    (It-testi bil-Bulgaru, bil-Grieg u bil-Kroat biss huma awtentiċi)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1)(a) u (3)(a) u l-Artikolu 19(6) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 92/119/KEE tistabbilixxi miżuri ġenerali ta’ kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa ta’ ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD). Dawn il-miżuri ta’ kontroll jinkludu l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar il-qasam infettat, filwaqt li jipprevedu wkoll it-tilqim ta’ emerġenza f’każ ta’ tifqigħa tal-LSD flimkien ma’ miżuri ta’ kontroll oħra.

    (2)

    F’Awwissu 2015, ġiet ikkonfermata l-LSD fil-Greċja għall-ewwel darba. Fl-2016, kien hemm każijiet ta’ LSD fil-Bulgarija u każijiet addizzjonali fil-Greċja, kif ukoll f’għadd ta’ pajjiżi terzi ġirien.

    (3)

    B’rispons għal dawn it-tifqigħat tal-LSD, l-Istati Membri affettwati, jiġifieri l-Greċja u l-Bulgarija, kif ukoll il-pajjiżi terzi ġirien affettwati, implimentaw programmi ta’ tilqim tal-massa tal-annimali bovini ħajjin u tar-ruminanti selvaġġi miżmumin tagħhom. Fl-2016 u fl-2017, il-Kroazja, fejn s’issa ma kienx hemm okkorrenzi tal-LSD, ukoll implimentat programm ta’ tilqim tal-massa kontra l-LSD, bħala miżura preventiva minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ġirien. Il-programmi ta’ tilqim kontra l-LSD fil-Greċja, fil-Bulgarija u fil-Kroazja kienu approvati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2009 (4), u dawk it-tliet Stati Membri huma debitament elenkati fl-Anness ta’ dak l-att li għandhom programm ta’ tilqim approvat kontra l-LSD.

    (4)

    Fl-2017, l-LSD kienet preżenti f’livell iktar baxx fix-Xlokk tal-Ewropa, b’rikorrenza fuq skala kbira fl-Albanija, u xi ftit tifqigħat sporadiċi addizzjonali fil-Greċja u fil-Maċedonja ta’ fuq. Fl-2018 u sal-lum fl-2019, kien hemm titjib stabbli tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-LSD u ma ġie rrappurtat ebda każ tal-LSD f’ebda Stat Membru u f’ebda pajjiż terz ġar fix-Xlokk tal-Ewropa, ħlief it-Turkija. Matul l-istess sena, it-tilqim tal-massa annwali kontra l-LSD kompla fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi terzi ġirien fix-Xlokk tal-Ewropa li kienu ġew affettwati bl-LSD.

    (5)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika favorevoli, il-Kroazja waqqfet it-tilqim preventiv kontra l-LSD sa mill-bidu tal-2018 u ssostitwietu b’sorveljanza sistematika tal-mard. Din is-sorveljanza kkonfermat in-nuqqas tal-LSD matul l-2018. B’riżultat ta’ dan, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 (5) ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/81 (6), sabiex dak l-Istat Membru jitħassar mil-lista ta’ Stati Membri li għandhom status ta’ “żoni ħielsa bit-tilqim” fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/82 (7), sabiex il-Kroazja titħassar mil-lista tal-Istati Membri li għandhom programm approvat ta’ tilqim kontra l-LSD.

    (6)

    F’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), fejn it-tilqim kontra l-LSD ma jitkompliex f’pajjiż jew f’żona tiegħu, hemm bżonn ta’ perjodu minimu ta’ tmien xhur qabel ma jista’ jerġa’ jinkiseb l-istatus ta’ ħieles mil-LSD, fil-każ ta’ tilqim preventiv, jew perjodu minimu ta’ 14-il xahar, fil-każ ta’ tilqim b’reazzjoni għal okkorrenza tal-LSD. Għalhekk, il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ għal perjodu minimu ta’ tmien xhur jew 14-il xahar, skont iż-żona, qabel ma jkun jista’ jerġa’ jiġi stabbilit l-istatus ħieles mil-LSD.

    (7)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2019, u għaldaqstant il-miżuri attwali fir-rigward tal-LSD fil-Greċja u fil-Bulgarija stabbiliti f’dak l-att mhux se jibqgħu japplikaw wara dik id-data. Minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali u ż-żmien minimu meħtieġ biex jerġa’ jinkiseb l-istatus ħieles mil-LSD, huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għal perjodu ta’ żmien xieraq.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat, inkluża l-LSD. Billi dak ir-Regolament irid japplika mill-21 ta’ April 2021, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 jenħtieġ li jiġi estiż sal-20 ta’ April 2021.

    (9)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 tiġi emendata skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009, id-data “31 ta’ Diċembru 2019” hija sostitwita bid-data “20 ta’ April 2021”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

    (4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2009 tal-15 ta’ Novembru 2016 li tapprova l-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 66).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 tal-15 ta’ Novembru 2016 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 51).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/81 tas-17 ta’ Jannar 2019 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f’ċerti Stati Membri (ĠU L 18, 21.1.2019, p. 43).

    (7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/82 tas-17 ta’ Jannar 2019 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2009 li tapprova l-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri (ĠU L 18, 21.1.2019, p. 48).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).


    Top