This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1672
Council Decision (CFSP) 2019/1672 of 4 October 2019 on a European Union action in support of the United Nations Verification and Inspection Mechanism in Yemen
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1672 tal-4 ta’ Ottubru 2019 dwar Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1672 tal-4 ta’ Ottubru 2019 dwar Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen
ST/12037/2019/INIT
ĠU L 256, 7.10.2019, p. 10–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
7.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 256/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1672
tal-4 ta’ Ottubru 2019
dwar Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-27 ta’ Diċembru 2017, l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNOPS) għamel proposta bil-għan li jissaħħu u jitwessgħu l-attivitajiet tal-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNVIM) għal perijodu addizzjonali ta’ sena sa Marzu 2019, b’mod partikolari billi jiġi aċċellerat aktar il-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-vjeġġi kummerċjali u billi tiżdied il-kapaċità tal-UNVIM li jiskjera persunal u riżorsi addizzjonali fil-portijiet ikkonċernati. |
(2) |
Fit-3 ta’ April 2017 u fl-25 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fejn fakkar fl-importanza li jiġi żgurat l-ipproċessar effettiv u f’waqtu tat-trasport marittimu kummerċjali fil-portijiet tal-Baħar l-Aħmar, inkluż it-trasport tal-fjuwil, u esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kontinwazzjoni tal-UNVIM u għall-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tiegħu. Barra minn hekk, f’dawk il-konklużjonijiet il-Kunsill iddikjara li ser jikkunsidra tisħiħ tal-UNVIM. |
(3) |
Abbażi ta’ talba mill-UNVIM, fit-18 ta’ Settembru 2018 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1249 (1). L-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjoni Deċiżjoni (PESK) 2018/1249 ġiet fdata f’idejn l-UNOPS bil-ħsieb li l-UNVIM ikun jista’ jkompli jwettaq il-kompiti tiegħu li jirrigwardaw il-monitoraġġ u l-ispezzjoni f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR) 2216 (2015). |
(4) |
Fit-13 ta’ Diċembru 2018, il-partijiet fil-konflitt fil-Jemen iffirmaw il-Ftehim ta’ Stokkolma, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew approvati permezz ta’ UNSCRs 2451 (2018) u 2452 (2019). Fit-18 ta’ Frar 2019, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fejn laqa’ l-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Stokkolma kif ukoll l-adozzjoni unanima ta’ UNSCRs 2451 (2018) u 2452 (2019). Il-Kunsill tenna l-appell tiegħu biex il-partijiet kollha jiffaċilitaw il-forniment ta’ provvisti kummerċjali, inkluż il-fjuwil, u fakkar li l-funzjonament tal-port ta’ Hodeidah kif ukoll il-portijiet ta’ Saleef u Ras Issa huma ta’ importanza kbira għas-sopravivenza ta’ miljuni ta’ Jemeniti. Il-Kunsill tenna l-appoġġ tiegħu lill-UNVIM bil-ħsieb li jiġi żgurat li jinżamm il-fluss ta’ oġġetti kummerċjali deħlin fil-Jemen f’konformità sħiħa mal UNSCR rilevanti kollha. |
(5) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2019, il-UNVIM għamel it-tieni proposta lid-donaturi għal operazzjonijiet estiżi, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stokkolma. Il-proposta rrigwardat it-tisħiħ tal-operazzjonijiet tal-UNVIM minn Ottubru 2019 sa Settembru 2020. |
(6) |
Jenħtieġ li l-Unjoni ġġedded l-appoġġ tagħha lill-UNVIM għall-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu. |
(7) |
Jenħtieġ li s-superviżjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tkun fdata f’idejn il-Kummissjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha ġġedded l-appoġġ tagħha lill-UNVIM biex jimplimenta l-mandat tiegħu kif stipulat fil-UNSCRs rilevanti, b’mod partikolari UNSCRs 2216 (2015), 2451 (2018) u 2452 (2019). Dak l-appoġġ għandu jkollu l-objettivi ġenerali li jikkontribwixxi biex jerġa’ jinkiseb il-fluss liberu bla xkiel ta’ oġġetti kummerċjali lejn il-Jemen permezz tal-provvista ta’ proċess ta’ awtorizzazzjoni trasparenti u effettiv għall-vjeġġi kummerċjali destinati għall-portijiet Jemeniti li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen, u li ssaħħaħ ir-rwol tal-UNVIM fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Stokkolma.
2. L-objettivi speċifiċi ta’ dan il-proġett huma:
— |
li jiżdied il-fluss ta’ merkanzija kummerċjali lejn il-Jemen billi jiġi aċċellerat aktar il-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-vjeġġi kummerċjali u billi tinkiseb mill-ġdid l-fiduċja tal-kumpanniji tat-trasport marittimu fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa f’każ li dawk il-portijiet jinfetħu għat-trasport marittimu kummerċjali; |
— |
li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UNVIM li jiskjera fil-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa kif stipulat fil-Ftehim ta’ Stokkolma u l-UNSCRs rilevanti. |
3. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi permezz ta’ din id-Deċiżjoni għall-ispejjeż assoċjati mat-tisħiħ tal-UNVIM, u b’hekk tgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni Jemenita bħala parti minn strateġija umanitarja usa’.
Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-proġett tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli") għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata f’idejn l-UNOPS. Dan għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-fini, ir-Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa mal-UNOPS.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 4 458 333.
2. In-nefqa ffinanzjata bl-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi ġestit f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata bl-ammont stabbilit fil-paragrafu 1. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-UNOPS. Il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jistipula li l-UNOPS jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ kontribuzzjoni msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-UNVIM, inkluż rapporti dwar il-laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-UNVIM. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Kunsill dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2019.
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 12-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni u l-UNOPS imsemmi fl-Artikolu 3(3).
Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
K. MIKKONEN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1249 tat-18 ta’ Settembru 2018 dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen (ĠU L 235, 19.9.2018, p. 14).
ANNESS
1. Sfond
Il-gwerra fil-Jemen ikkawżat l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja. Aktar minn 24 miljun ruħ huma dipendenti fuq xi forma ta’ għajnuna, u l-għadd ta’ Jemeniti li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ insigurtà tal-ikel akuta kompla jikber. Bħalissa n-NU qed titma aktar minn 10 miljun ruħ kull xahar f’dik li hija l-akbar operazzjoni tagħha fl-istorja. Fl-2019, il-komunità internazzjonali ġiet mitluba tikkontribwixxi USD 4.2 biljun f’assistenza umanitarja, l-akbar appell għall-għajnuna fid-dinja.
F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li l-oġġetti kummerċjali jibqgħu deħlin fil-pajjiż. In-NU kontinwament appellat lill-partijiet fil-konflitt biex jiżguraw il-fluss mingħajr xkiel ta’ oġġetti kummerċjali, inkluż il-fjuwil, lejn il-Jemen. L-operazzjonalizzazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNVIM) fl-2016 kienet maħsuba biex tiffaċilita dan il-fluss u tagħti ħajja ġdida lill-ekonomija tal-pajjiż f’konformità ma’ UNSCR 2216 (2015).
L-UNVIM stabbilixxa l-bażi prinċipali tal-operazzjonijiet tiegħu f’Djibouti b’erba’ Spetturi, erba’ Timijiet ta’ Klieb għall-Individwazzjoni tal-Isplussivi, 13-il membru tal-persunal maniġerjali/tekniku u sa seba’ persuni ssekondati mir-Renju Unit. L-UNVIM issa jinsab preżenti wkoll f’Jeddah (żewġ superviżuri), fil-port Re Abdullah (qed jiġu reklutati żewġ superviżuri) u f’Hodeidah (ħames superviżuri, li tlieta minnhom diġà ġew reklutati). L-UNVIM ntuża biex titrawwem relazzjoni bejn in-NU (Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNOPS)) u l-Koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, kif ukoll mal-Gvern tal-Jemen. Matul il-proġett ġew organizzati diversi laqgħat ma’ kumpanniji tat-trasport marittimu bil-għan li tiżdied il-fiduċja u l-prevedibbiltà għall-esportaturi li jagħmlu kummerċ mal-Jemen.
L-Unjoni ddeċidiet li tappoġġa l-UNVIM permezz tal-adozzjoni fit-18 ta’ Settembru 2018 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1249 . Din segwiet sejħiet ripetuti mill-Unjoni fejn saħqet dwar l-importanza tal-ipproċessar effettiv u f’waqtu tat-trasport marittimu kummerċjali. L-appoġġ tal-Unjoni għall-UNVIM permezz ta’ Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-UE bbażata fuq l-Artikolu 28 TUE ppermetta li l-Unjoni: tattendi l-laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-UNVIM, fejn huma rrappreżentati wkoll il-Gvern tal-Jemen u l-Koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; tistabbilixxi relazzjoni ta’ ħidma mal-Koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-Gvern tal-Jemen; tapprofondixxi l-koordinazzjoni tagħha ma’ donaturi oħra (b’mod partikolari r-Renju Unit u l-Istati Uniti); u żżid il-viżibbiltà tal-Unjoni fir-rigward tal-appoġġ tagħha għall-proċess immexxi min-NU fil-Jemen.
Il-partijiet fil-konflitt iffirmaw il-Ftehim ta’ Stokkolma taħt l-awspiċji tan-NU fit-13 ta’ Diċembru 2018. Huma qablu dwar "rwol ewlieni tan-NU fl-appoġġ għall-Yemen Red Sea Ports Corporation fil-ġestjoni u l-ispezzjonijiet fil-portijiet ta’ Hodeidah, Salif u Ras al-Isa, biex ikun inkluż monitoraġġ imtejjeb tal-UNVIM fil-portijiet ta’ Hodeidah, Salif u Ras Issa". Għaldaqstant, il-UNVIM jibqa’ element vitali tal-pjan tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Stokkolma.
Il-progress f’dan ir-rigward tqies mill-uffiċċju tal-Mibgħut Speċjali tan-NU bħala essenzjali qabel ma nimxu lejn konsultazzjonijiet politiċi bejn il-partijiet. Il-UNVIM beda l-iskjerament tiegħu ta’ superviżuri fil-port ta’ Hodeidah fil-25 ta’ Frar 2019, u kellu diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-port fir-rigward tal-istabbiliment tal-attivitajiet tal-UNVIM. Dawn id-diskussjonijiet involvew il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li Tappoġġa l-Ftehim ta’ Hodeidah (UNMHA). Il-UNVIM issa għandu bżonn aktar appoġġ għall-operazzjonijiet tiegħu, kif ukoll għall-iskjerament tiegħu fil-portijiet tal-Baħar l-Aħmar.
2. Proċess ta’ spezzjoni u verifika tal-UNVIM
Attwalment, il-Proċeduri Operattivi Standard tal-UNVIM japplikaw għal: (i) il-bastimenti kollha ta’ aktar minn 100 tunnellata metrika destinati għall-portijiet Jemeniti li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen u għall-bastimenti kollha li jittrasportaw oġġetti kummerċjali mixtrija minn entitajiet kummerċjali jew tal-gvern ibbażati fil-Jemen maħsuba għall-bejgħ fil-Jemen; u (ii) l-assistenza bilaterali mill-Istati Membri tan-NU li ma tingħatax permezz ta’ Aġenzija tan-NU, Fond jew Programm jew organizzazzjoni umanitarja internazzjonali rikonoxxuta.
Il-proċess ta’ verifika jibda meta kumpannija tat-trasport marittimu tippreżenta talba ta’ awtorizzazzjoni online fuq www.vimye.org, ittella’ d-dokumenti meħtieġa u tippreżenta lill-UNVIM id-dokumenti kollha mitluba. Fi żmien 48 siegħa, il-UNVIM jeżamina d-dokumenti u jibgħat notifika lis-sħab esterni bħaċ-Ċellula għall-Evakwazzjoni u l-Operazzjonijiet Umanitarji tal-Forzi ta’ Koalizzjoni (EHOC). Il-UNVIM imbagħad jiddeċiedi jekk jispezzjonax il-bastiment jew le abbażi tal-proċess tiegħu stess li jinkludi diskrepanzi fid-dokumenti li rċieva, waqfiet f’portijiet mhux iddikjarati, moviment suspettuż tal-bastiment, it-tifi tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) għal aktar minn erba’ sigħat u l-feedback li jirċievi minn sħab esterni. L-ispezzjonijiet tal-bastiment jitwettqu fil-port fl-ilmijiet territorjali jew fuq il-baħar fl-ilmijiet internazzjonali.
Imbagħad iċ-ċertifikat tal-awtorizzazzjoni jew jingħata jew jiġi rrifjutat (jiġifieri kkanċellat, irrifjutat jew imħassar). Fil-każ ta’ bastiment li jingħata l-awtorizzazzjoni, il-UNVIM jibqa’ jagħmel monitoraġġ tal-movimenti tiegħu permezz tal-AIS, inkluż: it-transitu għaż-żona ta’ stennija tal-Koalizzjoni; il-moviment miż-żona ta’ stennija għaż-żona tal-ankraġġ; u l-moviment mill-ankraġġ lejn l-irmiġġ għall-ħatt. Il-monitoraġġ tal-UNVIM jispiċċa ladarba l-bastiment li jkun ingħata l-awtorizzazzjoni jitlaq mill-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen wara li jkun ħatt il-merkanzija tiegħu u telaq mill-port. Matul il-proċess kollu, il-UNVIM iżomm kuntatt strett mal-kumpanniji tat-trasport marittimu u mal-Kap tal-bastiment (il-Kaptan) u jaqdi rwol kritiku fl-indirizzar ta’ kwalunkwe kwistjoni li l-bastiment jista’ jiltaqa’ magħha fuq il-baħar, inkluż medjazzjoni mal-EHOC u mal-Koalizzjoni. Il-faċilitazzjoni tal-UNVIM tal-proċess kollu tal-awtorizzazzjoni u l-komunikazzjoni konsistenti mal-kumpanniji tat-trasport marittimu huma kruċjali biex tinżamm il-fiduċja tal-linji tat-trasport marittimu internazzjonali, u għaldaqstant biex jiġi żgurat li l-importazzjonijiet kummerċjali lejn il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Jemenita jibqgħu jsiru minkejja l-konflitt li għaddej.
Il-UNVIM fittex ukoll li jserraħ ras il-komunità tat-trasport marittimu internazzjonali permezz ta’ laqgħat kull tliet xhur mar-rappreżentanti tagħhom, filwaqt li jiżgura li d-diffikultajiet u l-isfidi tagħhom jinftehmu u jiġu indirizzati sew.
3. Objettivi ġenerali
Sabiex jiġi żgurat li l-UNVIM ikun jista’ jimplimenta l-mandat tiegħu bla xkiel, l-objettiv ġenerali tal-Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-UE huwa li tikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tal-fluss bla xkiel ta’ oġġetti kummerċjali lejn il-Jemen permezz tal-provvista ta’ proċess ta’ awtorizzazzjoni trasparenti u effettiv għall-vjeġġi kummerċjali destinati għall-portijiet Jemeniti li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen. Dan attwalment jinkludi, skont il-Ftehim ta’ Stokkolma, l-iskjerament tal-UNVIM fil-portijiet tal-Baħar l-Aħmar ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa.
L-objettivi speċifiċi tal-Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-UE huma li:
— |
jiżdied il-fluss ta’ merkanzija kummerċjali lejn il-Jemen billi jiġi aċċellerat il-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-vjeġġi kummerċjali u tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja tal-kumpanniji ta’ trasport marittimu; |
— |
tiżdied il-kapaċità tal-UNVIM li jiskjera persunal u riżorsi fir-reġjun, u b’mod partikolari f’Hodeidah, Saleef u Ras Issa skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Stokkolma. |
Jekk il-mandat jew il-ħtiġijiet tal-UNVIM jinbidlu b’mod li jinħolqu dubji dwar l-adegwatezza jew ir-rilevanza tal-proġett biex jinkisbu l-objettivi msemmijin hawn fuq, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tiġi vvalutata mill-ġdid kif xieraq.
4. Deskrizzjoni tal-attivitajiet
Il-UNOPS ser ikun responsabbli għall-implimentazzjoni teknika tal-proġett.
Attività 1: Jiżdied l-għadd ta’ membri tal-persunal tal-UNVIM.
L-għadd ta’ membri tal-persunal operazzjonali għandu jiżdied, fl-ewwel stadju sa total ta’ disgħa, bl-opzjoni li l-għadd ta’ membri tal-persunal operazzjonali jiżdied aktar fi stadju aktar ’il quddiem.
Id-disa’ membri tal-persunal operazzjonali ser ikunu:
— |
seba’ membri tal-persunal tal-UNVIM, li għandhom jiġu skjerati f’Hodeidah: uffiċjal ta’ koordinazzjoni wieħed, konsulent dwar is-sigurtà fuq il-post wieħed, superviżur wieħed, operatur tal-iscanner wieħed, assistent protokollari u tal-operazzjonijiet wieħed, assistent tas-sigurtà lokali wieħed, u assistent amministrattiv wieħed f’Hodeidah; |
— |
żewġ superviżuri, li wieħed minnhom jiġi skjerat f’Saleef u l-ieħor f’Ras Issa. Din iż-żieda fil-kapaċità tippermetti lill-UNVIM skjerament effikaċi fil-portijiet tal-Baħar l-Aħmar. |
Barra minn hekk, għandhom jiġu ffinanzjati wkoll membri tal-persunal ta’ appoġġ amministrattiv (uffiċjal finanzjarju, uffiċjal tal-akkwist, eċċ) meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-UE.
L-attivitajiet ippjanati huma dawn li ġejjin:
— |
Il-UNOPS ser jirrekluta s-superviżuri, l-ispetturi u l-uffiċjali l-ġodda f’konformità mar-regoli u l-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-UNOPS; |
— |
Il-UNOPS ser jinforma lis-SEAE minn qabel dwar kwalunkwe ftuħ ta’ pożizzjoni. |
Kronoloġija: tul id-durata kollha tal-proġett.
Attività 2: Il-kiri ta’ parti mill-port ta’ Djibouti u l-kiri ta’ uffiċċju f’Sanaa. L-Unjoni ser tkompli tiffinanzja l-kiri tal-faċilitajiet tal-port biex tiżgura post kostanti fejn isiru l-ispezzjonijiet. Barra minn hekk, l-Unjoni ser tiffinanzja l-kera tal-uffiċċju f’Sanaa, li jservi bħala bażi temporanja għall-konnettività tal-persunal tal-UNVIM lejn u minn Hodeidah u Djibouti.
Kronoloġija: Tul id-durata kollha tal-proġett.
Attività 3: Ix-xiri ta’ tagħmir addizzjonali ta’ spezzjoni. il-UNVIM ser jixtri tagħmir ta’ spezzjoni addizzjonali (bħal scanners) meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-UE. Dan ser jiffaċilita l-ispezzjoni f’waqtha tal-bastimenti fil-port tal-Djibouti u fl-ilmijiet internazzjonali.
L-attivitajiet ippjanati huma dawn li ġejjin:
— |
l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li għaddej bħalissa; |
— |
skont il-proċeduri ta’ akkwist tal-UNOPS, tnedija ta’ sejħa internazzjonali għall-offerti għall-provvisti u l-għoti ta’ kuntratt; |
— |
kunsinna tat-tagħmir u t-taħriġ tal-persunal rilevanti. |
Kronoloġija: L-ewwel sal-erba’ xahar inklużiv tal-proġett. Fi tmiem il-proġett, id-disponiment tal-assi ser isir skont il-kuntratt iffirmat mal-Kummissjoni Ewropea.
Attività 4: Titjib tas-sigurtà tal-UNVIM. Din l-attività ser tkun iddedikata biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tal-UNVIM fil-portijiet tal-Baħar l-Aħmar jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà adatti u jippermettu li l-ħidma tal-UNVIM titwettaq b’mod korrett.
L-attivitajiet ippjanati huma dawn li ġejjin:
— |
l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li għaddej bħalissa; |
— |
skont il-proċeduri ta’ akkwist tal-UNOPS, tnedija ta’ sejħa internazzjonali għall-offerti għall-provvisti u l-għoti ta’ kuntratt; |
— |
kunsinna tat-tagħmir u t-taħriġ tal-persunal rilevanti. |
Kronoloġija: L-ewwel sal-erba’ xahar inklużiv tal-proġett. Fi tmiem il-proġett, id-disponiment tal-assi ser isir skont il-kuntratt iffirmat mal-Kummissjoni Ewropea.
Attività 5: Implimentazzjoni tal-proġett. Il-UNOPS ser jipprovdi sorveljanza tal-ġestjoni tal-programm. Din is-sorveljanza ser tinkludi l-iżvilupp ta’ stadji importanti, rieżamijiet interni, sorveljanza tal-ftehimiet kuntrattwali u ġestjoni finanzjarja. L-attivitajiet antiċipati jinkludu:
— |
l-akkwist ta’ servizzi esterni jew Ftehim dwar Servizzi Speċjali għal assistenza teknika għall-implimentazzjoni tal-proġett; |
— |
il-ġestjoni finanzjarja u kuntrattwali tas-servizzi li l-UNOPS jissottokuntratta lil pajjiżi terzi. |
Kronoloġija: Tul id-durata kollha tal-proġett.
5. Riżultati mistennija
Bl-intensifikazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali tal-UNVIM, ir-riżultati mistennija tal-proġett huma kif ġej:
— |
impediment tal-fluss ta’ oġġetti projbiti milli jidħlu fil-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen; |
— |
faċilitazzjoni tal-fluss liberu ta’ oġġetti kummerċjali lejn il-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen; |
— |
appoġġ lill-Yemen Red Sea Ports Corporation fil-ġestjoni u l-ispezzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa; |
— |
tinbena fiduċja fost il-komunità tat-trasport marittimu internazzjonali billi jiġi pproġettat proċess trasparenti u effiċjenti għad-dħul ta’ oġġetti kummerċjali lejn il-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen, minkejja l-konflitt li għaddej; |
— |
appoġġ għall-Gvern tal-Jemen biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tiegħu għall-komoditajiet bażiċi li mhumiex qed jiġu kompletament issodisfati mill-għajnuna umanitarja u s-sorsi lokali. |
6. Durata stmata
Id-durata prevista tal-proġett hija stmata li tkun 12-il xahar. Ser jiġi ffirmat ftehim ta’ kontribuzzjoni adatt bejn il-Kummissjoni u l-UNOPS.
7. Viżibbiltà tal-Unjoni
Ir-responsabbiltà tal-UNOPS għall-implimentazzjoni teknika tal-proġett, ser tiżgura viżibbiltà xierqa tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, pereżempju f’rapporti, avvenimenti jew laqgħat. Ser ikun hemm bandiera tal-UE fuq id-dokumentazzjoni kollha tal-UNVIM. Il-UNVIM/UNOPS ser juru viżibbiltà xierqa fuq it-tagħmir kollu mixtri bil-fondi tal-UE li mhuwiex għall-konsum, inkluż il-wiri tal-logo tal-UE. Fejn tali wiri jista’ jipperikola l-privileġġi u l-immunitajiet tal-UNOPS jew is-sikurezza tal-persunal jew tal-benefiċjarji aħħarija tiegħu, ser isiru arranġamenti alternattivi adatti.
8. Parteċipazzjoni tal-UE fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-UNVIM
Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-UNVIM huwa magħmul mir-Renju tal-Arabja Sawdija (rappreżentat mill-EHOC u l-Ministeru għad-Difiża), l-Emirati Għarab Magħquda, il-Gvern tal-Jemen (rappreżentat minn uffiċjal ta’ kollegament tal-UNVIM ibbażat f’Djibouti u rappreżentant tal-Ministeru għat-Trasport), l-UNOPS u l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji. Bl-istess mod bħall-Istati Uniti, in-Netherlands u r-Renju Unit jattendu tali laqgħat bi "status ta’ osservatur" fil-kapaċità tagħhom bħala donaturi għall-UNVIM, l-Unjoni ser tkompli tipparteċipa fil-laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-UNVIM.
9. Rapportar
Il-UNVIM/UNOPS ser jipprovdu rapport ta’ kull xahar lis-SEAE għar-rieżami tal-progress lejn it-twettiq tar-riżultati tal-proġett. Dawn ir-rapporti ser jitqassmu lill-korp rilevanti tal-Kunsill.
Is-SEAE ser jirrapporta lill-korp rilevanti tal-Kunsill dwar il-laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-UNVIM.
Il-UNVIM/UNOPS ser jirrapportaw direttament lill-korp rilevanti tal-Kunsill kull tliet xhur fi Brussell.
Il-UNVIM/UNOPS ser jippreżentaw rapport narrattiv u finanzjarju finali fi żmien sitt xhur minn tmiem il-perijodu tal-implimentazzjoni.