Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L0593

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta' April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta' governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta' tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2016/2031

ĠU L 87, 31.3.2017, p. 500–517 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/11/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2017/593/oj

31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/500


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/593

tas-7 ta' April 2016

li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta' governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta' tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(12) u l-Artikolu 24(13) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/65/UE tistabbilixxi reġim komprensiv li għandu l-għan li jiżgura l-protezzjoni tal-investituri.

(2)

Il-protezzjoni tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti hija parti importanti minn dak ir-reġim, billi d-ditti tal-investiment huma soġġetti għal obbligu li jagħmlu arranġamenti xierqa biex jissalvagwardjaw is-sjieda u d-drittijiet tal-investitur fir-rigward ta' titoli u fondi fdati lil ditta tal-investiment. Id-ditti tal-investiment għandhom ikollhom arranġamenti xierqa u speċifiċi biex jiżguraw is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti.

(3)

Sabiex tispeċifika ulterjorament il-qafas regolatorju għall-protezzjoni tal-investituri u ż-żieda fiċ-ċarezza għall-klijenti, u f'konformità mal-istrateġija kumplessiva biex jiġu mrawma l-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni permezz ta' qafas legali u ekonomiku integrat li huwa effiċjenti u li jittratta lill-atturi kollha b'mod ġust, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa tadotta regoli dettaljati biex tindirizza riskji speċifiċi għall-protezzjoni tal-investitur jew għall-integrità tas-suq.

(4)

Meta ditta ta' investiment tiddepożita fondi li żżomm f'isem klijent f'fond tas-suq monetarju kwalifikanti, l-unitajiet jew l-ishma f'dak il-fond tas-suq monetarju għandhom jinżammu skont ir-rekwiżiti għaż-żamma ta' strumenti finanzjarji li jappartjenu għall-klijenti. Il-klijenti għandhom ikunu meħtieġa jagħtu kunsens espliċitu għad-depożitar ta' dawk il-fondi. Meta tiġi vvalutata l-kwalità ta' strument tas-suq monetarju, ma għandu jkun hemm l-ebda dipendenza mekkanika fuq klassifikazzjonijiet esterni. Madankollu tnaqqis fil-klassifikazzjoni taħt l-ogħla żewġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq perjodu qasir minn kwalunkwe aġenzija rreġistrata u taħt is-superviżjoni tal-ESMA li kklassifikat l-istrument għandu jwassal lill-maniġer biex iwettaq valutazzjoni ġdida tal-kwalità tal-kreditu tal-istrument tas-suq monetarju biex jiżgura li dan għadu ta' kwalità għolja.

(5)

Uffiċjali uniku b'responsabbiltà kumplessiva għas-salvagwardja tal-istrumenti u l-fondi tal-klijenti għandu jinħatar sabiex inaqqas ir-riskji ta' responsabbiltà frammentata fuq diversi dipartimenti, b'mod speċjali f'ditti kbar u kumplessi, u li jirrimedja s-sitwazzjonijiet mhux sodisfaċenti fejn id-ditti ma għandhomx il-fakultà ġenerali li jaraw il-mezzi li għandhom biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. L-uffiċjal uniku għandu jkollu biżżejjed ħiliet u awtorità biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu b'mod effettiv u mingħajr impediment, inkluż id-dover li jirrapporta lill-maniġment superjuri tad-ditta rigward is-sorveljanza tal-effettività tal-konformità tad-ditta mar-rekwiżiti ta' salvagwardja tal-assi tal-klijenti. Il-ħatra ta' uffiċjal uniku ma għandhiex tipprekludi l-uffiċjal milli jwettaq rwoli addizzjonali fejn dan ma jwaqqafx l-uffiċjal milli jwettaq id-doveri għas-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti b'mod effettiv.

(6)

Id-Direttiva 2014/65/UE teħtieġ li d-ditti ta' investiment jissalvagwardjaw l-assi tal-klijenti. L-Artikolu 16(10) tad-Direttiva 2014/65/UE jipprojbixxi lid-ditti milli jikkonkludu arranġamenti kollaterali finanzjarji bi trasferiment ta' titlu (TTCAs) ma' klijenti fil-livell ta' konsumatur għall-fini li jiġu żgurati jew koperti l-obbligi preżenti jew futuri, attwali jew kontinġenti jew prospettivi. Madankollu, id-ditti tal-investiment mhumiex projbiti milli jikkonkludu TTCA ma' klijenti mhux fil-livell ta' konsumatur. Għalhekk, hemm riskju li mingħajr aktar gwida, id-ditti tal-investiment jistgħu jużaw it-TTCA b'mod aktar frekwenti milli jkun raġonevolment ġustifikat meta jkunu qed jittrattaw ma' klijenti mhux fil-livell ta' konsumatur, u dan idgħajjef is-sistema globali li ġiet stabbilita għall-ħarsien tal-assi tal-klijenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-effetti tat-TTCAs fuq id-doveri tad-ditti lejn il-klijenti u sabiex jiġi żgurat li r-regoli ta' salvagwardja u segregazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE ma jiġux ipperikolati, id-ditti tal-investiment għandhom jikkunsidraw l-adegwatezza tal-arranġamenti kollaterali finanzjarji bi trasferiment ta' titlu użati ma' klijenti mhux fil-livell ta' konsumatur permezz tar-relazzjoni bejn l-obbligi tal-klijent lejn id-ditta u l-assi tal-klijent soġġetti għat-TTCA. Id-ditti għandhom ikunu permessi jużaw TTCA ma' klijent mhux fil-livell ta' konsumatur biss jekk dawn juru l-adegwatezza tat-TTCA fir-rigward ta' dak il-klijent u jiddivulgaw ir-riskji involuti kif ukoll l-effett tat-TTCA fuq l-assi tiegħu. Id-ditti għandhom ikollhom proċess dokumentat tal-użu tagħhom tat-TTCA. L-abilità tad-ditti li jidħlu f'TTCAs ma' klijenti mhux fil-livell ta' konsumatur ma għandhiex tnaqqas il-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens espress minn qabel tal-klijenti biex jintużaw l-assi tagħhom.

(7)

Il-prova ta' konnessjoni robusta bejn il-kollateral trasferit skont TTCA u l-obbligazzjoni tal-klijent ma għandhiex tipprekludi l-użu ta' garanzija xierqa kontra l-obbligazzjoni tal-klijent. Id-ditti tal-investiment għandhom għalhekk ikomplu jeħtieġu kollateral suffiċjienti u fejn xieraq, għandhom jagħmlu dan bl-użu ta' TTCA. Dak l-obbligu ma għandux jipprevjeni l-konformità mar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ma għandux jipprojbixxi l-użu xieraq tat-TTCAs fil-kuntest ta' tranżazzjonijiet ta' obbligazzjoni kontinġenti jew repos għal klijenti mhux fil-livell ta' konsumatur.

(8)

Filwaqt li ċertu tranżazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli jistgħu jeħtieġu t-trasferiment tat-titlu tal-assi tal-klijenti, f'dak il-kuntest id-ditti tal-investiment ma għandhomx ikunu jistgħu jagħmlu arranġamenti pprojbiti skont l-Artikolu 16(10) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(9)

Sabiex jiżguraw protezzjoni xierqa għall-klijenti fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFTs), id-ditti tal-investiment għandhom jadottaw arranġamenti speċifiċi biex jiżguraw li l-mutwatarju tal-assi tal-klijent jipprovdi l-kollateral xieraq u li d-ditta timmonitorja l-adegwatezza kontinwata ta' dan il-kollateral. Id-dover tad-ditti tal-investiment li jimmonitorjaw il-kollateral għandu japplika meta dawn ikunu parti għal ftehim SFT, inkluż meta jaġixxu bħala aġent għall-konklużjoni ta' SFT jew fil-każijiet ta' ftehim tripartitiku bejn il-mutwatarju estern, il-klijent u d-ditta tal-investiment.

(10)

Kunsens espress minn qabel mill-klijenti għandu jingħata u jiġi rreġistrat mid-ditti tal-investiment sabiex d-ditta tal-investiment tkun tista' turi b'mod ċar dak li l-klijent qabel fuqu u biex tgħin biex jiġi ċċarat l-istatus tal-assi tal-klijent. Madankollu, l-ebda rekwiżit legali ma għandu jiġi stabbilit fir-rigward tal-forma li fiha jista' jingħata l-kunsens, u rekord għandu jkun mifhum bħala kwalunkwe evidenza permissibbli taħt il-liġi nazzjonali. Il-kunsens tal-klijent jista' jingħata darba fil-bidu tar-relazzjoni kummerċjali, sakemm ikun ċar biżżejjed li l-klijent ta l-kunsens għall-użu tat-titoli tiegħu Meta ditta tal-investiment taġixxi fuq istruzzjoni tal-klijent biex issellef strumenti finanzjarji u meta dan jikkostitwixxi kunsens ta' dħul fi tranżazzjoni, id-ditti tal-investiment għandhom ikollhom evidenza li turi dan.

(11)

Sabiex iżommu standard għoli ta' protezzjoni tal-investitur, id-ditti tal-investiment li jiddepożitaw strumenti finanzjarji miżmuma f'isem il-klijenti tagħhom f'kont jew kontijiet miftuħa ma' parti terza għandhom jeżerċitaw il-ħila, il-kura u d-diliġenza kollha dovuta fl-għażla, il-ħatra u r-rieżami perjodiku tal-parti terza u tal-arranġamenti għaż-żamma u s-salvagwardja ta' dawk l-istrumenti finanzjarji. Sabiex jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji jkunu soġġetti għall-kura u l-protezzjoni dovuta f'kull ħin, id-ditti tal-investiment għandhom, bħala parti mid-diliġenza dovuta tagħhom, iqisu wkoll il-kompetenza u r-reputazzjoni fis-suq tal-partijiet terzi l-oħrajn li lilhom il-parti terza inizjali, li magħha jistgħu jiddepożitaw strumenti finanzjarji, tista' tkun iddelegat funzjonijiet rigward iż-żamma u s-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji.

(12)

Meta d-ditti tal-investiment ipoġġu l-fondi ta' klijent ma' parti terza, id-ditta tal-investiment għandha teżerċita l-ħila, il-kura u d-diliġenza kollha dovuta fl-għażla, il-ħatra u r-rieżami perjodiku tal-parti terza u tal-arranġamenti għaż-żamma u s-salvagwardja tal-fondi tal-klijent u għandha tqis il-ħtieġa għal diversifikazzjoni u mitigazzjoni tar-riskji, fejn xieraq, billi tpoġġi l-fondi tal-klijenti ma' iżjed minn parti terza waħda sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tal-klijenti u timminimizza r-riskju ta' telf u l-użu ħażin. Id-ditti tal-investiment ma għandhomx jevitaw id-dover tagħhom li jikkunsidraw id-diversifikazzjoni billi jeħtieġu l-klijenti jirrinunzjaw għall-protezzjoni. Ir-rekwiżit tad-diversifikazzjoni għandu japplika għall-fondi tal-klijenti ddepożitati f'konformità mal-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva. Ir-rekwiżit tad-diversifikazzjoni ma għandux japplika għall-fondi tal-klijenti mqiegħda mal-parti terza biss għall-finijiet ta' eżekuzzjoni ta' tranżazzjoni għall-klijent. Għaldaqstant, meta ditta tal-investiment tkun ittrasferiet il-fondi tal-klijenti f'kont tat-tranżazzjonijiet sabiex tagħmel tranżazzjoni speċifika għall-klijent, tali fondi ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżit ta' diversifikazzjoni, pereżempju meta ditta tkun ittrasferiet fondi lil kontraparti ċentrali (CCP) jew f'borża sabiex tħallas appell għall-marġni.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-klijent ikunu protetti b'mod xieraq, kif meħtieġ bl-Artikolu 16(9) tad-Direttiva 2014/65/UE, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit limitu speċifiku fuq il-perċentwal tal-fondi tal-klijent li jista' jiġi depożitat f'istituzzjoni ta' kreditu intragrupp. Dan għandu jnaqqas b'mod sinifikanti kwalunkwe kunflitt potenzjali mar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta u jindirizza r-riskju ta' kontaġju inerenti fid-depożitar tal-fondi kollha tal-klijenti ma' istituzzjoni tal-kreditu fl-istess grupp tad-ditta tal-investiment. Filwaqt li f'ċerti ċirkostanzi jista' jkun proporzjonat u xieraq li d-ditti tal-investiment jiddepożitaw, wara kunsiderazzjoni xierqa, il-fondi tal-klijenti mal-entitajiet fi ħdan il-grupp tagħhom stess, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jimmonitorjaw mill-qrib ir-raġunijiet għala l-fondi tal-klijenti ma ġewx iddiversifikati barra mill-grupp tad-ditta tal-investiment sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni fejn jiġi applikat limitu intragrupp ġenerali.

(14)

Sabiex jipproteġu l-istrumenti finanzjarji jew il-fondi tal-klijenti mill-approprjazzjoni minn partijiet terzi li qegħdin ifittxu li jirkupraw dejn jew imposti li mhumiex id-dejn u l-imposti tal-klijenti, id-ditti ta' investiment għandhom ikunu jistgħu jaqblu dwar l-interessi fuq il-garanzija, rahan jew drittijiet ta' tpaċija fuq l-assi tal-klijenti biss fejn dan huwa meħtieġ mil-liġi applikabbli f'pajjiż terz. Divulgazzjonijiet tar-riskji mfasslin apposta biżżejjed għandhom isiru lill-klijenti sabiex iwissuhom dwar ir-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw f'każijiet bħal dawn.

(15)

Sabiex jevitaw u jnaqqsu mir-riskji potenzjali li jonqsu milli jikkonformaw mar-regoli ta' protezzjoni tal-investitur fi stadju bikri, id-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw u jiddistribwixxu strumenti finanzjarji għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' governanza tal-prodotti. Għall-fini tar-rekwiżiti ta' governanza tal-prodotti, id-ditti tal-investiment li joħolqu, jiżviluppaw, joħorġu u/jew ifasslu strumenti finanzjarji, inkluż meta jagħtu pariri lil emittenti korporattivi dwar it-tnedija ta' strumenti finanzjarji ġodda, għandhom jitqiesu bħala manifatturi filwaqt li ditti tal-investiment li joffru jew ibigħu strumenti u servizzi finanzjarji lill-klijenti għandhom jitqiesu bħala distributuri.

(16)

L-entitatjiet li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/65/UE iżda li jistgħu jkunu awtorizzati jwettqu servizzi ta' investiment skont dik id-Direttiva, għandhom jikkonformaw ukoll, fir-rigward ta' servizzi bħal dawn, mar-rekwiżiti ta' governanza tal-prodotti stabbiliti skont id-Direttiva 2014/65/UE.

(17)

Meta ditta tal-investiment li toħloq, tiżviluppa, toħroġ jew tfassal strumenti finanzjarji tkun involuta wkoll fid-distribuzzjoni ta' dawk il-prodotti, għandhom japplikaw kemm ir-regoli ta' governanza tal-prodotti tal-manifatturi kif ukoll tad-distributuri. Filwaqt li ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi ddupplikat l-eżerċizzju ta' valutazzjoni tas-suq fil-mira u l-istrateġija tad-distribuzzjoni, id-ditti għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju uniku ta' valutazzjoni tas-suq fil-mira u l-istrateġija tad-distribuzzjoni jkun dettaljat biżżejjed biex jissodisfa l-obbligi rilevanti tal-manifattur u tad-distributur f'dan il-qasam.

(18)

Fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE u fl-interess tal-protezzjoni tal-investitur, ir-regoli tal-governanza tal-prodotti għandhom japplikaw għall-prodotti kollha mibjugħin fi swieq primarji u sekondarji, irrispettivament mit-tip ta' prodott jew servizz ipprovdut u tar-rekwiżiti applikabbli fil-punt tal-bejgħ. Madankollu, dawk ir-regoli jistgħu jiġu applikati b'mod proporzjonat, skont il-kumplessità tal-prodott u l-livell safejn l-informazzjoni disponibbli pubblikament tista' tinkiseb, filwaqt li titqies in-natura tal-istrument, is-servizz ta' investiment u s-suq fil-mira. Il-proporzjonalità tfisser li dawn ir-regoli jistgħu jkunu relattivament sempliċi għal ċerti prodotti sempliċi distribwiti fuq bażi ta' eżekuzzjoni biss meta prodotti bħal dawn ikunu kompatibbli mal-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tas-suq tal-massa fil-livell ta' konsumatur.

(19)

Il-livell ta' granularità tas-suq fil-mira u l-kriterji użati għad-definizzjoni tas-suq fil-mira u d-determinazzjoni tal-istrateġija xierqa ta' distribuzzjoni għandhom ikunu rilevanti għall-prodott u għandhom jagħmluha possibbli li jiġi vvalutat liema klijenti jaqgħu fis-suq fil-mira, pereżempju biex jassistu r-reviżjonijiet li jkunu qed isiru wara t-tnedija tal-istrument finanzjarju. Għal prodotti aktar sempliċi u aktar komuni, is-suq fil-mira jista' jiġi identifikat b'inqas dettall filwaqt li għal prodotti iżjed kumplikati bħal strumenti li jistgħu jiġu rikapitalizzati internament jew prodotti inqas komuni, is-suq fil-mira għandu jkun identifikat f'aktar dettall.

(20)

Għall-funzjonament effiċjenti tal-obbligi ta' governanza tal-prodotti, id-distributuri għandhom jinformaw perjodikament lill-manifatturi dwar l-esperjenza tagħhom bil-prodotti. Filwaqt li d-distributuri ma għandhomx ikunu meħtieġa jirrapportaw kull bejgħ lill-manifatturi, dawn għandhom jipprovdu d-dejta li hija meħtieġa biex il-manifattur jirrieżamina l-prodott u jikkontrolla li dan jibqa' konsistenti mal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tas-suq fil-mira definiti mill-manifattur. L-informazzjoni rilevanti tista' tinkludi dejta dwar l-ammont ta' bejgħ barra mis-suq fil-mira tal-manifattur, l-informazzjoni fil-qosor tat-tipi ta' klijenti, sommarju tal-ilmenti riċevuti jew billi jsiru mistoqsijiet issuġġeriti mill-manifattur lil kampjun ta' klijenti għar-reazzjoni tagħhom.

(21)

Sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri u żżid iċ-ċarezza għall-klijenti dwar il-kwalità tas-servizzi li jirċievu, id-Direttiva 2014/65/UE tirrestrinġi ulterjorament il-possibbiltà tad-ditti li jirċievu jew iħallsu inċentivi. Għal dawn il-finijiet, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet dettaljati għar-riċeviment jew il-ħlas ta' inċentivi. B'mod partikolari, il-kundizzjoni li l-inċentivi għandhom itejbu l-kwalità tas-servizz lill-klijent għandhom ikunu speċifikati ulterjorament u inkwadrati. Għal dik il-fini, u soġġett għal ċerti kundizzjonijiet oħrajn, għandha titħejja lista mhux eżawrjenti ta' sitwazzjonijiet meqjusin rilevanti għall-kundizzjoni li l-inċentivi jtejbu l-kwalità tas-servizz lill-klijent rilevanti.

(22)

Tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju għandu jitħallas jew jiġi riċevut biss meta ġustifikat mill-provvista ta' servizz addizzjonali jew ta' livell ogħla lill-klijent rilevanti. Dan jista' jinkludi l-provvista ta' pariri ta' investiment dwar u l-aċċess għal firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji xierqa inkluż għadd xieraq ta' strumenti minn fornituri terzi ta' prodotti, jew il-provvista ta' pariri mhux indipendenti kkombinati jew ma' offerta lill-klijent, tal-anqas fuq bażi annwali, biex tiġi vvalutata l-idoneità kontinwata tal-istrumenti finanzjarji li fihom il-klijent investa jew ma' servizz attwali ieħor li probabbli jkun ta' valur għall-klijent. Dan jista' jkun il-każ ukoll, fil-qasam tas-servizzi mhux konsultattivi, fejn ditti tal-investiment jipprovdu aċċess, bi prezz kompetittiv, għal firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji li probabbilment jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijent, inkluż għadd xieraq ta' strumenti minn fornituri terzi ta' prodotti li ma għandhomx konnessjonijiet mill-qrib mad-ditta tal-investiment, flimkien ma', pereżempju, il-provvista ta' għodda ta' valur miżjud, bħal għodda ta' informazzjoni oġġettiva, li jgħinu lill-klijent rilevanti biex jagħmel deċiżjonijiet ta' investiment jew li jippermettu lill-klijent rilevanti jimmonitorja, jimmudella u jaġġusta l-firxa ta' strumenti finanzjarji li investa fihom. Il-valur tat-titjib fil-kwalità msemmi hawn fuq li d-ditta tal-investiment tipprovdi lill-klijenti li qegħdin jirċievu s-servizz rilevanti jrid ikun proporzjonali għall-inċentivi riċevuti mid-ditta tal-investiment.

(23)

Filwaqt li d-ditti tal-investiment għandhom, meta jkunu ssodisfaw il-kriterju ta' titjib tal-kwalità, iżommu l-livell imtejjeb tal-kwalità, dan ma għandux jimplika li dawn huma meħtieġa jipprovdu żieda kontinwa fil-kwalità tas-servizzi matul iż-żmien.

(24)

L-obbligi tad-ditti tal-investiment li jgħaddu lill-klijenti t-tariffi, il-kummissjonijiet jew il-benefiċċji monetarji kollha li jirċievu minn partijiet terzi marbuta mal-parir dwar l-investiment fuq bażi indipendenti jew servizzi ta' mmaniġġjar ta' portafolji għandhom jiġu speċifikati ulterjorament. Filwaqt li d-ditti għandhom jgħaddu l-inċentivi malajr kemm jista' jkun, ma għandux jiġi imponut perjodu ta' żmien speċifiku għaliex il-ħlasijiet minn partijiet terzi jistgħu jiġu riċevuti mid-ditta tal-investiment f'punti ta' żmien differenti u għal diversi klijenti f'daqqa.

(25)

Sabiex jiżguraw li l-klijenti jirċievu ħarsa ġenerali komprensiva tal-informazzjoni rilevanti rigward is-servizzi pprovduti, id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti dwar it-tariffi, il-kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju trasferit lilhom.

(26)

Id-ditti ta' investiment li jipprovdu kemm servizzi ta' eżekuzzjoni kif ukoll ta' riċerka għandhom jipprezzaw u jipprovduhom separatament sabiex jippermettu lid-ditti tal-investiment stabbiliti fl-Unjoni jikkonformaw mar-rekwiżit li ma jaċċettawx u jżommux tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju mħallas jew ipprovdut minn kwalunkwe parti terza jew persuna li qiegħda taġixxi f'isem ta' parti terza għall-provvista tas-servizz lill-klijenti stabbilit fl-Artikolu 24(7) u (8) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(27)

Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali rigward l-applikazzjoni ta' regoli ġodda għar-riċeviment jew il-ħlas ta' inċentivi, b'mod partikolari fir-rigward ta' ditti tal-investiment li jipprovdu pariri dwar l-investiment fuq bażi indipendenti jew servizzi ta' mmaniġġjar ta' portafolji, għandhom jingħataw kjarifiki ulterjuri relatati mal-ħlas jew ir-riċeviment tar-riċerka. B'mod partikolari, meta r-riċerka ma titħallasx direttament mid-ditta tal-investiment mir-riżorsi proprji iżda permezz ta' ħlasijiet minn kont tal-ħlas tar-riċerka separat, iridu jiġu żgurat ċertu kundizzjonijiet essenzjali. Il-kont tal-ħlas tar-riċerka għandu jkun iffinanzjat biss minn imposta speċifika għar-riċerka lill-klijent li għandha tkun ibbażata biss fuq baġit għar-riċerka stabbilit mid-ditta tal-investiment u mhux marbuta mal-volum u/jew il-valur tat-tranżazzjonijiet imwettqa f'isem il-klijenti. Kull arranġament operazzjonali għall-ġbir tal-imposti għar-riċerka mill-klijent għandu jikkonforma kompletament ma' dawk il-kundizzjonijiet. Meta tuża arranġamenti bħal dawn, ditta tal-investiment għandha tiżgura li l-kost tar-riċerka ffinanzjata mill-imposti tal-klijenti ma jkunx marbut mal-volum jew il-valur ta' servizzi jew benefiċċji oħrajn jew jintużaw biex ikopru skopijiet oħrajn bħal imposti għall-eżekuzzjoni.

(28)

Sabiex jiġi żgurat li l-maniġers tal-portafolji u l-konsulenti finanzjarji indipendenti jimmonitorjaw kif xieraq l-ammonti mħallsa għar-riċerka u biex jiġi żgurat li l-ispejjeż tar-riċerka jsiru fl-aħjar interessi tal-klijent, huwa xieraq li jiġu speċifikati rekwiżiti dettaljati tal-governanza dwar l-infiq tar-riċerka. Id-ditti tal-investiment għandhom iżommu kontroll suffiċjenti fuq l-infiq globali fuq ir-riċerka, il-ġbir tal-ħlasijiet tar-riċerka tal-klijenti u d-determinazzjoni tal-ħlasijiet. Ir-riċerka f'dan il-kuntest għandha tinftiehem bħala li tkopri materjal jew servizzi ta' riċerka li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew aktar, jew assi oħra, jew l-emittenti jew l-emittenti potenzjali ta' strumenti finanzjarji, jew tkun relatata mill-qrib ma' industrija jew suq speċifiċi b'mod li tinforma l-fehmiet dwar l-istrumenti finanzjarji, l-assi jew l-emittenti f'dak is-settur. Dak it-tip ta' materjal jew servizzi jirrakkomanda b'mod espliċitu jew impliċitu jew jissuġġerixxi strateġija ta' investiment u jipprovdi opinjoni sostanzjata dwar il-valur jew il-prezz preżenti jew futur ta' strumenti jew assi bħal dawn, jew inkella fih analiżi u għarfien oriġinali u jilħaq konklużjonijiet ibbażati fuq informazzjoni ġdida jew eżistenti li tista' tintuża biex tinforma strateġija ta' investiment u tkun rilevanti u kapaċi żżid valur tad-deċiżjonijiet tad-ditta tal-investiment f'isem il-klijenti li qed jiġu debitati għal dik ir-riċerka.

(29)

Għal aktar ċarezza rigward ir-restrizzjoni fuq ir-riċeviment ta' inċentivi minn ditti tal-investiment relatati ma' pariri dwar investiment indipendenti jew mmaniġġjar ta' portafolji u l-applikazzjoni tar-regoli tar-riċerka, huwa xieraq ukoll li jiġi indikat kif l-eżenzjoni għal benefiċċju żgħir mhux monetarju tista' tiġi applikata fir-rigward ta' ċertu tipi oħrajn ta' informazzjoni jew materjal riċevuti minn partijiet terzi. B'mod partikolari, il-materjal miktub minn parti terza li huwa kkummissjonat u mħallas minn emittent korporattiv jew emittent potenzjali biex jippromwovi emittenza ġdida minn dik il-kumpanija, jew fejn parti terza hija involuta kuntrattwalment u mħallsa mill-emittent biex tipproduċi materjal bħal dan fuq bażi kontinwa, għandu jitqies aċċettabbli bħala benefiċċju żgħir mhux monetarju soġġett għad-divulgazzjoni u d-disponibbiltà miftuħa ta' dak il-materjal. Barra dan, materjal jew servizzi mhux sostantivi li jikkonsistu pereżempju minn kummentarju dwar is-suq fuq terminu qasir dwar l-aħħar statistika ekonomika jew ir-riżultati tal-kumpanija jew informazzjoni dwar l-emittenzi jew avvenimenti li ġejjin, li hija pprovduta minn parti terza u fiha biss sommarju fil-qosor tal-opinjoni proprja dwar tali informazzjoni li la hija sostanzjata u lanqas ma tinkludi kwalunkwe analiżi sostantiva bħal fejn sempliċement itenni fehma bbażata fuq rakkomandazzjoni eżistenti jew materjal ta' riċerka jew servizzi sostantivi, tista' titqies li hija informazzjoni relatata ma' strument finanzjarju jew servizz ta' investiment ta' daqs u natura li tikkostitwixxi benefiċċju żgħir mhux monetarju aċċettabbli.

(30)

B'mod partikolari, kull benefiċċju mhux monetarju li jinvolvi parti terza li talloka riżorsi siewja lil ditta tal-investiment ma għandux jitqies bħala żgħir u għandu jiġi ġġudikat li jaffettwa ħażin il-konformità mad-dover tad-ditta tal-investiment li taġixxi fl-aħjar interess tal-klijent.

(31)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari d-dritt li tiġi protetta d-dejta personali, il-libertà li wieħed iwettaq negozju, id-dritt għal protezzjoni tal-konsumatur, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u trid tiġi applikata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(32)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ġiet ikkonsultata għal parir tekniku dwar ir-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.

(33)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u d-ditti tal-investiment ikunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda f'din id-Direttiva sabiex ikunu jistgħu japplikaw b'mod effiċjenti u effettiv, id-data tat-traspożizzjoni kif ukoll id-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu allenjati rispettivament mad-dati tat-traspożizzjoni u tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/65/UE,

(34)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet li jikkorrispondu fl-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment, għall-kumpaniji maniġerjali skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u għall-maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi skont l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

2.   Għall-finijiet tal-Kapitoli II, III u IV ta' din id-Direttiva, ir-referenzi għad-ditti tal-investiment u l-istrumenti finanzjarji għandhom jinkudu l-istituzzjonijiet ta' kreditu u depożiti strutturati relatati mar-rekwiżiti kollha msemmijin fl-Artikolu 1(3) u (4) tad-Direttiva 2014/65/UE.

3.   “tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli” tfisser tranżazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3 punt (11) tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid.

4.   “fond tas-suq monetarju kwalifikanti” jfisser ditta ta' investiment kollettiv awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE, jew li hija soġġetta għal superviżjoni u, jekk applikabbli, awtorizzata minn awtorità skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru li jawtorizza, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-għan primarju ta' investiment tagħha jrid ikun li żżomm il-valur nett tal-assi tad-ditta jew kostanti b'parita (nett mill-qligħ), jew fil-valur tal-kapital inizjali tal-investituri flimkien mal-qligħ;

(b)

trid, bil-għan li tikseb dak l-objettiv ta' investiment primarju, tinvesti esklussivament fi strumenti tas-suq monetarju ta' kwalità għolja b'maturità jew maturità residwa ta' mhux iżjed minn 397 jum, jew aġġustamenti tar-rendiment regolari konsistenti ma' tali maturità, u b'maturità medja ponderata ta' 60 jum. Din tista' tikseb ukoll dan l-objettiv billi tinvesti fuq bażi anċillari f'depożiti ma' istituzzjonijiet tal-kreditu;

(c)

trid tipprovdi likwidità permezz ta' saldu fl-istess jum jew fil-jum ta' wara.

Għall-finijiet tal-punt (b), strument tas-suq monetarju għandu jitqies li huwa ta' kwalità għolja jekk il-kumpanija maniġerjali/ta' investiment twettaq il-valutazzjoni proprja dokumentata tal-kwalità tal-kreditu tal-istrumenti tas-suq monetarju li tippermettiha tqis strument tas-suq monetarju bħala ta' kwalità għolja. Fejn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu waħda jew iktar irreġistrata u taħt superviżjoni tal-ESMA tkun tat klassifikazzjoni tal-istrument, il-valutazzjoni interna tal-kumpanija maniġerjali/ta' investiment għandha tqis, inter alia, dawk il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

KAPITOLU II

IS-SALVAGWARDJA TAL-ISTRUMENTI FINANZJARJI U L-FONDI TAL-KLIJENTI

Artikolu 2

Is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

iridu jżommu rekords u kontijiet li jippermettuhom fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien jiddistingwu l-assi miżmuma minn klijent wieħed minn assi miżmuma għal kwalunkwe klijent ieħor u mill-assi tagħhom stess;

(b)

iridu jżommu r-rekords u l-kontijiet tagħhom b'mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u b'mod partikolari il-korrispondenza tagħhom mal-istrumenti finanzjarji u l-fondi miżmuma għall-klijenti u li dawn jistgħu jintużaw bħala rendikont tal-entrati;

(c)

iridu jwettqu, fuq bażi regolari, rikonċiljazzjonijiet bejn il-kontijiet u r-rekords interni tagħhom u dawk ta' kwalunkwe parti terza li żżomm dawk l-assi;

(d)

iridu jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe strument finanzjarju tal-klijent depożitat ma' parti terza, skont l-Artikolu 3, ikun identifikabbli separatament mill-istrumenti finanzjarji li jappartjenu għad-ditta tal-investiment u mill-istrumenti finanzjarji li jappartjenu għal dik il-parti terza, permezz ta' kontijiet b'titli differenti fil-kotba tal-parti terza jew miżuri oħrajn ekwivalenti li jiksbu l-istess livell ta' protezzjoni;

(e)

iridu jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-fondi tal-klijenti depożitati, skont l-Artikolu 4, f'bank ċentrali, istituzzjoni tal-kreditu jew bank awtorizzat f'pajjiż terz jew fond tas-suq monetarju li jikkwalifika jkunu miżmuma f'kont jew kontijiet identifikati separatament minn kwalunkwe kont użat biex iżomm fondi li jappartjenu għad-ditta tal-investiment;

(f)

iridu jintroduċu arranġamenti organizzazzjonali xierqa biex jimminimizzaw ir-riskju tat-telf jew it-tnaqqis tal-assi tal-klijenti, jew tad-drittijiet marbuta ma' dawk l-assi, bħala riżultat ta' użu ħażin tal-assi, frodi, amministrazzjoni ħażina, żamma tar-rekords mhux xierqa jew negliġenza.

2.   Jekk, għar-raġunijiet tal-liġi applikabbli, inkluż b'mod partikolari l-liġi relatata mal-proprjetà jew l-insolvenza, id-ditti tal-investiment ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-klijenti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(8) u (9) tad-Direttiva 2014/65/UE, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li d-ditti tal-investiment jistabbilixxu arranġamenti biex jiżguraw li l-assi tal-klijenti jkunu mħarsa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Jekk il-liġi applikabbli tal-ġuriżdizzjoni li fih huma miżmuma l-fondi jew l-istrumenti finanzjarji tal-klijenti tipprevjeni d-ditti tal-investiment milli jkunu konformi mal-punti (d) jew (e) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jippreskrivu rekwiżiti li għandhom effett ekwivalenti f'termini ta' salvagwardja tad-drittijiet tal-klijenti.

Meta jiddependu fuq tali rekwiżiti ekwivalenti skont l-Artikolu 2(1)(d) jew (e), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment jinformaw il-klijenti li f'tali ċikostanzi huma ma jibbenefikawx mid-dispożizzjonijiet previsti skont id-Direttiva 2014/65/UE u din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interessi tat-titoli, ir-rahan jew id-drittijiet ta' tpaċija fuq strumenti finanzjarji jew fondi ta' klijenti li jippermettu parti terza tiddisponi mill-istrumenti finanzjarji jew il-fondi ta' klijent sabiex tirkupra dejn li mhuwiex relatat mal-klijent jew il-provvista ta' servizzi lill-klijent ma jkunux permessi ħlief meta dan huwa meħtieġ mil-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni ta' parti terza li fiha huma miżmuma l-fondi jew l-istrumenti finanzjarji tal-klijent.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu d-ditti tal-investiment, fejn id-ditta hija obbligata li tidħol fi ftehimiet li joħolqu tali interessi tat-titoli, rahan jew drittijiet ta' tpaċija, li tiddivulga dik l-informazzjoni lill-klijenti u tindikalhom ir-riskji assoċjati ma' dawk l-arranġamenti.

Meta l-interessi tat-titoli, ir-rahan jew id-drittijiet ta' tpaċija jingħataw mid-ditta fuq l-istrumenti finanzjarji jew il-fondi tal-klijent, jew fejn id-ditta tkun ġiet informata li dawn ingħataw, dawn għandhom jiġu rreġistrati fil-kuntratti tal-klijenti u l-kontijiet porprji tad-ditti biex l-istatus tas-sjieda tal-assi tal-klijenti jkun ċar, bħal fil-każ ta' insolvenza.

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jagħmlu l-informazzjoni li tappartjeni għall-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti faċilment disponibbli għall-entitajiet li ġejjin: l-awtoritajiet kompetenti, il-prattikanti tal-insolvenza maħturin u dawk responsabbli għar-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet li fallew. L-informazzjoni li għandha ssir disponibbli għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

kontijiet u rekords interni relatati li jidenfikaw faċilment il-bilanċi tal-fondi u l-istrumenti finanzjarji miżmuma għal kull klijent;

(b)

fejn il-fondi tal-klijent huma miżmuma mid-ditti tal-investiment skont l-Artikolu 4, id-dettalji dwar il-kontijiet li l-fondi tal-klijent huma miżmuma fihom u dwar il-ftehimiet rilevanti ma' dawk id-ditti;

(c)

fejn l-istrumenti finanzjarji huma miżmuma mid-ditta tal-investiment skont l-Artikolu 3, id-dettalji dwar il-kontijiet miftuħin ma' partijiet terzi u dwar il-ftehimiet rilevanti ma' dawk il-partijiet terzi, flimkien ma' dettalji dwar il-ftehimiet rilevanti ma' dawk id-ditti tal-investiment;

(d)

dettalji tal-partijiet terzi li jwettqu kwalunkwe kompitu (esternalizzat) relatat u d-dettalji ta' kull kompitu esternalizzat

(e)

individwi prinċipali tad-ditta involuti fil-proċessi relatati, inklużi dawk responsabbli għas-sorveljanza tar-rekwiżiti tad-ditta relatati mas-salvagwardja tal-assi tal-klijenti; u

(f)

ftehimiet rilevanti li jistabbilixxu s-sjieda tal-klijenti fuq l-assi.

Artikolu 3

Id-depożitar tal-istrumenti finanzjarji tal-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lid-ditti tal-investiment jiddepożitaw strumenti finanzjarji miżmuma f'isem il-klijenti tagħhom f'kont jew kontijiet miftuħa ma' parti terza sakemm id-ditti jeżerċitaw il-ħila, il-kura u d-diliġenza kollha dovuta fl-għażla, il-ħatra u r-rieżami perjodiku tal-parti terza u tal-arranġamenti għaż-żamma u s-salvagwardja ta' dawk l-istrumenti finanzjarji.

B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment iqisu l-kompetenza u r-reputazzjoni fis-suq tal-parti terza kif ukoll kull rekwiżit legali relatat maż-żamma ta' dawk l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jaffettwaw ħażin id-drittijiet tal-klijenti.

2.   Meta ditta tal-investiment tipproponi li tiddepożita l-istrumenti finanzjarji ta' klijent ma' parti terza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-ditta tal-investiment tiddepożita biss strumenti finanzjarji ma' parti terza f'ġuriżdizzjoni fejn is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji f'isem persuna oħra hija soġġetta għal regolamentazzjoni u superviżjoni speċifika u li dik il-parti terza hija soġġetta għal dik ir-regolamentazzjoni u superviżjoni speċifika.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment ma jiddepożitawx strumenti finanzjarji miżmuma f'isem il-klijenti ma' parti terza f'pajjiż terz li ma jirregolax iż-żamma u s-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji f'isem persuna oħra sakemm ma tiġix issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

in-natura tal-istrumenti finanzjarji jew tas-servizzi ta' investiment konnessi ma' dawk l-istrumenti jeħtieġu li dawn ikunu depożitati ma' parti terza f'dak il-pajjiż terz;

(b)

fejn l-istrumenti finanzjarji huma miżmuma f'isem klijent professjonali, dak il-klijent jitlob lid-ditta bil-miktub biex tiddepożitahom ma' parti terza f'dak il-pajjiż terz.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti skont il-paragrafu 2 u 3 japplikaw ukoll meta parti terza tkun iddelegat kwalunkwe funzjoni tagħha rigward iż-żamma u s-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji lil parti terza oħra.

Artikolu 4

Id-depożitar tal-fondi tal-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment, meta jirċievu kwalunkwe fond tal-klijenti, biex ipoġġu dawk il-fondi minnufih f'kont wieħed miftuħ jew aktar ma' kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

bank ċentrali;

(b)

istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(c)

bank awtorizzat f'pajjiż terz;

(d)

fond tas-suq monetarju kwalifikanti.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' depożiti skont it-tifsira ta' dik id-Direttiva miżmuma minn dik l-istituzzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn id-ditti tal-investiment ma jiddepożitawx fondi tal-klijenti ma' bank ċentrali, dawn jeżerċitaw il-ħila, il-kura u d-diliġenza kollha dovuti fl-għażla, il-ħatra u r-rieżami perjodiku tal-istituzzjoni tal-kreditu, il-bank jew il-fond tas-suq monetarju fejn jitpoġġew il-fondi u l-arranġamentu għaż-żamma ta' dawk il-fondi u li jqisu l-ħtieġa għad-diversifikazzjoni ta' dawn il-fondi bħala parti mid-diliġenza dovuta tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'mod partikolari, li d-ditti tal-investiment iqisu l-kompetenza u r-reputazzjoni fis-suq ta' tali istituzzjonijiet jew fondi tas-suq monetarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-klijenti, kif ukoll kwalunkwe rekwiżit legali jew regolatorju jew prattiki tas-suq relatati maż-żamma ta' fondi ta' klijenti li jistgħu jaffettwaw ħażin id-drittijiet tal-klijenti.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-klijenti jagħtu l-kunsens espliċitu tagħhom għall-pjazzament tal-fondi tagħhom f'fond tas-suq monetarju kwalifikanti. Sabiex jiżguraw li dan id-dritt għal kunsens ikun effettiv, id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw il-klijenti li l-fondi pjazzati f'fond tas-suq monetarju kwalifikanti mhux se jinżamm skont ir-rekwiżiti għas-salvagwardja tal-fondi tal-klijenti stabbiliti f'din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn id-ditti tal-investiment jiddepożitaw il-fondi tal-klijenti ma' istituzzjoni tal-kreditu, bank jew fond tas-suq monetarju tal-istess grupp tad-ditta tal-investiment, dawn jillimitaw il-fondi li jiddepożitaw ma' kwalunkwe entità bħal din fi grupp jew kombinazzjoni ta' entitajiet fi grupp bħal dan sabiex il-fondi ma jaqbżux 20 % ta' dawn il-fondi.

Ditta tal-investiment tista' ma tkunx konformi ma' dan il-limitu fejn tista' turi li, minħabba n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħha, kif ukoll is-sigurtà offruta mill-partijiet terzi meqjusin fis-subparagrafu preċedenti, u inkluż fi kwalunkwe każ il-bilanċ żgħir tal-fondi tal-klijenti li d-ditta tal-investiment iżżomm, ir-rekwiżit fil-paragrafu preċedenti mhuwiex proporzjonali. Id-ditti tal-investiment għandhom jirrieżaminaw perjodikament il-valutazzjoni li ssir skont dan is-subparagrafu u għandhom jinnofitikaw il-valutazzjonijiet inizjali u rieżaminati tagħhom lill-NCAs.

Artikolu 5

L-użu tal-istrumenti finanzjarji tal-klijenti

1.   L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu lid-ditti tal-investiment jidħlu f'arranġamenti għal tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli fir-rigward ta' strumenti finanzjarji miżmuma minnhom f'isem klijent, jew inkella jużaw strumenti finanzjarji bħal dawn għalihom innifishom jew f'isem kwalunkwe persuna jew klijent ieħor tad-ditta, sakemm ma jiġux issodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-klijent ikun ta l-kunsens espress tiegħu minn qabel għall-użu tal-istrumenti fuq termini speċifiċi, kif muri b'mod ċar bil-miktub u eżegwit fl-affermattiv b'firma jew ekwivalenti, u

(b)

l-użu tal-istrumenti finanzjarji ta' dak il-klijent huwa ristrett għat-termini speċifikati li l-klijent jagħti l-kunsens għalihom.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu lid-ditti tal-investiment jidħlu f'arranġamenti għal tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli fir-rigward ta' strumenti finanzjarji miżmuma minnhom f'isem klijent f'kont omnibus miżmum minn parti terza, jew inkella jużaw strumenti finanzjarji miżmuma f'kont bħal dan għalihom innifishom jew f'isem kwalunkwe persuna oħra sakemm, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, ma tiġix issodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kull klijent li l-istrumenti finanzjarji tiegħu huma miżmuma flimkien f'kont omnibus irid ikun ta kunsens espress minn qabel skont il-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b)

id-ditta tal-investiment irid ikollha fis-seħħ sistemi u kontrolli li jiżguraw li huma biss l-istrumenti finanzjarji li jappartjenu għall-klijenti li jkunu taw kunsens espress minn qabel skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 li jintużaw.

Ir-rekords tad-ditta tal-investiment għandhom jinkludu d-dettalji tal-klijent li fuq l-istruzzjonijiet tiegħu sar l-użu tal-istrumenti finanzjarji, kif ukoll l-għadd ta' strumenti finanzjarji użati li jappartjenu għal kull klijent li jkun ta l-kunsens tiegħu, sabiex titwettaq l-allokazzjoni korretta ta' kwalunkwe telf.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat tal-istrumenti finanzjarji tal-klijenti għalihom infushom jew f'isem persuna oħra bħal:

(a)

il-konklużjoni ta' ftehimiet mal-klijenti dwar miżuri li jridu jittieħdu mid-ditti tal-investiment fil-każ li l-klijent ma jkollux provvediment suffiċjenti fil-kont tiegħu fid-data tas-saldu, bħal teħid b'self tat-titoli korrispondenti f'isem il-klijent jew it-tħollija tal-pożizzjoni;

(b)

il-monitoraġġ mill-qrib mid-ditta tal-investiment tal-abilità projettata tagħha li tikkonsenja fid-data tas-saldu u t-twaqqif ta' miżuri ta' rimedju jekk dan ma jistax jitwettaq; u

(c)

il-monitoraġġ mill-qrib u t-talba minnufih ta' titoli dovuti mhux konsenjati fil-jum tas-saldu u wara.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment jadottaw arranġamenti speċifiċi għall-klijenti kollha biex jiżguraw li l-mutwatarju tal-istrumenti finanzjarji tal-klijenti jipprovdi l-kollateral xieraq u li d-ditta timmonitorja l-adegwatezza kontinwata ta' dan il-kollateral u tieħu l-passi meħtieġa biex iżżomm il-bilanċ mal-valur tal-istrumenti tal-klijent.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment ma jidħlux f'arranġamenti li huma projbiti skont l-Artikolu 16(10) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Artikolu 6

L-użu mhux xieraq tal-arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titli

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment iqisu b'mod xieraq l-użu tal-arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu fil-kuntest tar-relazzjoni bejn l-obbligu tal-klijent lejn d-ditta u l-assi tal-klijent soġġetti għall-arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu mid-ditta, u li jkunu kapaċi juru li għamlu dan.

2.   Meta jqisu u jiddokumentaw l-adegwatezza tal-użu tal-arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu, id-ditti tal-investiment għandhom iqisu dawn il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk hemmx biss rabta dgħajfa ħafna bejn l-obbligu tal-klijent lejn id-ditta u l-użu tal-arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu, inkluż jekk il-probabbiltà ta' obbligazzjoni tal-klijent lejn d-ditta hijiex baxxa jew negliġibbli;

(b)

jekk l-ammont ta' fondi jew strumenti finanzjarji tal-klijent soġġetti għal arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu jaqbiżx b'mod sinifikanti l-obbligu tal-klijent, jew anke jekk huwiex saħansitra illimitat jekk il-klijent għandu xi obbligu lejn id-ditta; u

(c)

jekk l-istrumenti finanzjarji jew il-fondi tal-klijenti kollha jkunux soġġetti għal arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu, mingħajr kunsiderazzjoni għat-tip ta' obbligu li kull klijent għandu lejn id-ditta.

3.   Meta jintużaw arranġamenti ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu, id-ditti tal-investiment għandhom jenfasizzaw mal-klijenti professjonali u l-kontrapartijiet eliġibbli r-riskji involuti u l-effett ta' kwalunkwe arranġament ta' kollateral bi trasferiment ta' titlu fuq l-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijent.

Artikolu 7

Arranġamenti ta' governanza dwar is-salvagwardja tal-assi tal-klijenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti ta' investiment jaħtru uffiċjal uniku ta' ħila u awtorità biżżejjed b'responsabbiltà speċifika għal kwistjonijiet relatati mal-konformità mid-ditti mal-obbligi tagħhom fir-rigward tas-salvagwardja tal-istrumenti u l-fondi finanzjarji tal-klijenti.

L-Istati Membri għandhom jippermettu lid-ditti tal-investiment jiddeċiedu, filwaqt li jiżguraw konformità sħiħa ma' din id-Direttiva, jekk l-uffiċjal maħtur għandux ikun iddedikat biss għal dan il-kompitu jew jekk l-uffiċjal jistax iwettaq ir-responsabbiltajiet b'mod effettiv filwaqt li jkollu responsabbiltajiet addizzjonali.

Artikolu 8

Rapporti minn awdituri esterni

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment jiżguraw li l-awdituri esterni tagħhom jirrapportaw mill-inqas darba fis-sena lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta dwar l-adegwatezza tal-arranġamenti tad-ditta skont l-Artikolu 16(8), (9) u (10) tad-Direttiva 2014/65/UE u ta' dan il-Kapitolu.

KAPITOLU III

REKWIŻITI TA' GOVERNANZA TAL-PRODOTTI

Artikolu 9

Obbligi ta' governanza tal-prodotti għad-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment ikunu konformi ma' dan l-Artikolu meta jimmanifatturaw strumenti finanzjarji, inklużi l-ħolqien, l-iżvilupp, l-emittenza u/jew it-tfassil ta' strumenti finanzjarji.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lid-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji biex jikkonformaw, b'mod li huwa xieraq u proporzjonat, mar-rekwiżiti rilevanti fil-paragrafi 2 sa 15, waqt li titqies in-natura tal-istrument finanzjarju, is-servizz tal-investiment u s-suq fil-mira għall-prodott.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri u miżuri biex jiżguraw li l-manifattura tal-istrumenti finanzjarji tkun konformi mar-rekwiżiti tal-ġestjoni xierqa tal-kunflitti ta' interess, inkluża r-remunerazzjoni. B'mod partikolari, id-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw l-istrumenti finanzjarji għandhom jiżguraw li t-tfassil tal-istrument finanzjarju, inkluż il-karatteristiċi tiegħu, ma jaffettwax ħażin lill-klijenti finali jew iwassal għal problemi fl-integrità tas-suq billi jippermetti lid-ditta timmitiga u/jew tiddisponi mir-riskji proprji tagħha jew l-iskopertura għall-assi sottostanti tal-prodott, meta d-ditta tal-investiment diġà żżomm l-assi sottostanti f'isimha stess.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment janalizzaw il-kunflitti ta' interess potenzjali kull darba li jiġi mmanifatturat strument finanzjarju. B'mod partikolari, id-ditti għandhom jivvalutaw jekk l-istrument finanzjarju joħloqx sitwazzjoni fejn il-klijenti finali jistgħu jkunu affettwati ħażin jekk jieħdu:

(a)

skopertura li hija l-oppost għal dik miżmuma preċedentement mid-ditta stess; jew

(b)

skopertura li hija l-oppost għal dik li d-ditta tixtieq iżżomm wara l-bejgħ tal-prodott.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment iqisu jekk l-istrument finanzjarju jistax jirrappreżenta theddida għall-funzjonament ordnat jew għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji qabel jiddeċiedu li jipproċedu bit-tnedija tal-prodott.

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-persunal rilevanti involut fil-manifattura tal-istrumenti finanzjarji jkollu l-kompetenza meħtieġa biex jifhem il-karatteristiċi u r-riskji tal-istrumenti finanzjarji li għandhom l-intenzjoni li jimmanifatturaw.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-korp maniġerjali jkollu kontroll effettiv fuq il-proċess ta' governanza tal-prodotti tad-ditta. Id-ditti tal-investiment għandhom jiżguraw li r-rapporti dwar il-konformità lill-korp maniġerjali jinkudu sistematikament l-informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji mmanifatturati mid-ditta, inkluża l-informazzjoni dwar l-istrateġija tad-distribuzzjoni. Id-ditti tal-investiment għandhom jagħmlu r-rapporti disponibbi għall-awtorità kompetenti tagħhom meta din titlobhom.

7.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-funzjoni tal-konformità tagħhom timmonitorja l-iżvilupp u r-rieżami perjodiku tal-arranġamenti ta' governanza tal-prodotti sabiex jiskopru kwalunkwe riskju ta' nuqqas ta' konformità mid-ditta mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu.

8.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment, fejn dawn jikkollaboraw, inkluż ma' entitajiet li mhumiex awtorizzati u sorveljati skont id-Direttiva 2014/65/UE jew ditti minn pajjiżi terzi, li joħolqu, jiżviluppaw, jemettu u/jew ifasslu prodott, li dawn jiddeskrivu r-responsabbiltajiet reċiproki tagħhom bi ftehim bil-miktub.

9.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jidentifikaw f'livell granulari biżżejjed is-suq fil-mira potenzjali għal kull strument finanzjarju u li jispeċifikaw it-tip(i) ta' klijent(i) li l-istrument finanzjarju huwa kompatibbli mal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-għanijiet tiegħu/tagħhom. Bħala parti minn dan il-proċess, id-ditta għandha tidentifika kwalunkwe grupp ta' klijenti li l-istrument finanzjarju mhuwiex kompatibbli mal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-għanijiet tagħhom. Fejn id-ditti tal-investiment jikkollaboraw biex jimmanifatturaw strument finanzjarju, hemm bżonn jiġi identifikat suq fil-mira wieħed biss.

Id-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji li huma distribwiti permezz ta' ditti tal-investiment oħrajn, għandhom jiddeterminaw il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tal-klijenti li l-prodott huwa kompatibbli magħhom fuq il-bażi tal-għarfien teoretiku tagħhom u l-esperjenza tal-imgħoddi bl-istrument finanzjarju jew strumenti finanzjarji simili, is-swieq finanzjarji u l-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tal-klijenti aħħarin potenzjali.

10.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment iwettqu analiżi tax-xenarji tal-istrumenti finanzjarji tagħhom li għandha tivvaluta r-riskji ta' riżultati ħżiena għall-klijenti finali, li joħloq il-prodott u f'liema ċirkostanzi jistgħu jseħħu dawn ir-riżultati. Id-ditti tal-investiment għandhom jivvalutaw l-istrument finanzjarju taħt kundizzjonijiet negattivi li jkopru x'jiġri jekk, pereżempju:

(a)

l-ambjent tas-suq jiddeterjora;

(b)

il-manifattur jew parti terza involuta fil-manifattura u/jew il-funzjonament tal-istrument finanzjarju jkollu diffikultajiet finanzjarji jew jimmaterjalizza riskju ta' kontraparti oħra;

(c)

l-istrument finanzjarju ma jirnexxilux isir kummerċjalment vijabbli; jew

(d)

id-domanda għall-istrument finanzjarju tkun ferm ogħla minn dik antiċipata, li tpoġġi piż fuq ir-riżorsi tad-ditta u/jew fuq is-suq tal-istrument sottostanti.

11.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment jiddeterminaw jekk strument finanzjarju jissodisfax il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi identifikati tas-suq fil-mira, inkluż bl-eżaminazzjoni tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-istrument finanzjarju huwa konsistenti mas-suq fil-mira; u

(b)

id-disinn tal-istrument finanzjarju huma mmotivat minn karatteristiċi li jibbenefikaw il-klijent u mhux minn xi mudell ta' negozju li jiddependi fuq riżultati ħżiena għall-klijenti biex jagħmel profitt.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment iqisu l-istruttura tal-imposti proposta għall-istrument finanzjarju, inkluż permezz tal-eżaminazzjoni ta' dan li ġej:

(a)

il-kostijiet u l-imposti tal-istrument finanzjarju huma kompatibbli mal-ħtiġijiet, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira;

(b)

l-imposti ma jostakolawx l-aspettativi ta' redditu tal-istrument finanzjarju, bħal fejn l-kostijiet jew l-imposti jkunu ugwali, jeċċedu jew ineħħu kważi l-vantaġġi tat-taxxa kollha mistennija marbuta mal-istrument finanzjarju; u

(c)

l-istruttura tal-imposti tal-istrument finanzjarju hija trasparenti b'mod xieraq għas-suq fil-mira, b'mod li ma taħbix l-imposti jew tkun kumplessa wisq biex tinftiehem.

13.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-provvista ta' informazzjoni dwar strument finanzjarju lid-distributuri tinkludi informazzjoni dwar il-kanali xierqa għad-distribuzzjoni tal-istrument finanzjarju, il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodott u l-valutazzjoni tas-suq fil-mira u tkun ta' standard xieraq li tippermetti d-distributuri jifhmu u jirrakkomandaw jew ibigħu l-istrument finanzarju kif xieraq.

14.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jirrieżaminaw l-istrumenti finanzjarji li jimmanifatturaw fuq bażi regolari, waqt li jitqies kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa materjalment ir-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti tal-investiment għandhom jikkunsidraw jekk l-istrument finanzjarju jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tas-suq fil-mira u jekk qiegħedx jiġi distribwit lis-suq fil-mira, jew huwiex qiegħed jilħaq klijenti li l-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom mhuwiex kompatibbli mal-istrument finanzjarju.

15.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jirrieżaminaw l-istrumenti finanzjarji qabel ma jemettuhom jew iniduhom mill-ġdid, jekk jafux bi kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa materjalment ir-riskju potenzjali għall-investituri u f'intervalli regolari biex jivvalutaw jekk l-istrumenti finanzjarji humiex qegħdin jiffunzjonaw kif maħsub. Id-ditti tal-investiment għandhom jiddeterminaw ir-regolarità tar-rieżami tal-istrumenti finanzjarji tagħhom fuq il-bażi ta' fatturi rilevanti, inklużi fatturi marbutin mal-kumplessità jew in-natura innovattiva tal-istrateġiji ta' investiment li qed jintużaw. Id-ditti għandhom jidentifikaw ukoll avvenimenti kruċjali li jistgħu jaffettwaw ir-riskju potenzjali jew l-aspettativi ta' redditu tal-istrument finanzjarju, bħal:

(a)

il-qbiż ta' livell limitu li se jaffettwa l-profil tar-redditu tal-istrument finanzjarju; jew

(b)

is-solvenza ta' ċerti emittenti li t-titoli jew il-garanziji tagħhom jista' jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni tal-istrument finanzjarju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jseħħu avvenimenti bħal dawn, id-ditti tal-investiment jieħdu azzjoni xierqa li tista' tikkonsisti f'dan li ġej:

(a)

li tiġi pprovduta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-avveniment u l-konsegwenzi tiegħu fuq l-istrument finanzjarju lill-klijenti jew lid-distributuri tal-istrument finanzjarju jekk id-ditta ta' investiment ma toffrix jew ma tbigħx l-istrument finanzjarju direttament lill-klijenti;

(b)

li jiġi mibdul il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti;

(c)

li l-istrument finanzjarju ma jibqax jiġi emess;

(d)

li l-istrument finanzjarju jiġi mibdul sabiex jiġu evitati termini kuntrattwali mhux ġusti;

(e)

li jitqies jekk il-kanali tal-bejgħ li permezz tagħhom jinbiegħu l-istrumenti finanzjarji humiex xierqa meta d-ditti jaraw li l-istrument finanzjarju mhux qed jinbiegħ kif previst;

(f)

li jsir kuntatt mad-distributur biex tiġi diskussa modifika tal-proċess tad-distribuzzjoni;

(g)

li tintemm ir-relazzjoni mad-distributur; jew

(h)

li tiġi informata l-awtorità kompetenti rilevanti.

Artikolu 10

Obbligi ta' governanza tal-prodotti għad-distributuri

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment, meta jiddeċiedu dwar il-firxa ta' strumenti finanzjarji li jemettu huma stess jew ditti u servizzi oħrajn li beħsiebhom joffru jew jirrakkomandaw lill-klijenti, jikkonformaw, b'mod li huwa xieraq u proporzjonat, mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 10, waqt li titqies n-natura tal-istrument finanzjarju, is-servizz ta' investiment u s-suq fil-mira għall-prodott.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/65/UE meta joffru jew jirrakkomandaw strumenti finanzjarji mmanifatturati minn entitajiet li jkunux soġġetti għad-Direttiva 2014/65/UE. Bħala parti minn dan il-proċess, dawn id-ditti tal-investiment għandhom ikollhom arranġamenti effettivi biex jiżguraw li jiksbu informazzjoni suffiċjenti dwar dawn l-istrumenti finanzjarji minn dawn il-manifatturi.

Id-ditti tal-investiment għandhom jiddeterminaw is-suq fil-mira għall-istrument finanzjarju rispettiv, anke jekk is-suq fil-mira ma ġiex iddefinit mill-manifattur.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment ikollhom arranġamenti ta' governanza tal-prodotti xierqa biex jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi li għandhom l-intenzjoni li joffru jew jirrakkomandaw ikunu kompatibbli mal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi ta' suq fil-mira identifikat u li l-istrateġija ta' distribuzzjoni maħsuba tkun konsistenti mas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti tal-investiment għandhom jidentifikaw u jivvalutaw b'mod xieraq iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tal-klijenti li għandhom l-intenzjoni jiffokaw fuqhom, sabiex jiżguraw li l-interessi tal-klijenti ma jkunux kompromessi bħala riżultat ta' pressjonijiet kummerċjali jew ta' finanzjament. Bħala parti minn dan il-proċess, id-ditti għandhom jidentifikaw kwalunkwe grupp ta' klijenti li l-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom ma jkunux kompatibbli mal-prodott jew is-servizz.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment jiksbu mill-manifatturi li huma soġġetti għad-Direttiva 2014/65/UE, informazzjoni sabiex jiksbu l-fehim u l-għarfien meħtieġ tal-prodotti li beħsiebhom jirrakkomandaw jew ibigħu sabiex jiżguraw li dawn il-prodotti sejrin jiġu distribwiti skont il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tas-suq fil-mira identifikat,

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jiżguraw li jiksbu wkoll informazzjoni adegwata u affidabbli mill-manifatturi mhux soġġetti għad-Direttiva 2014/65/UE biex jiżguraw li l-prodotti sejrin jiġu distribwiti skont il-karatteristiċi, l-objettivi u l-ħtiġijiet tas-suq fil-mira. Meta l-informazzjoni rilevanti ma tkunx pubblikament disponibbli, id-distributur għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jikseb din l-informazzjoni rilevanti mill-manifattur jew l-aġent tiegħu. Informazzjoni disponibbli pubblikament li hija aċċettabbli hija informazzjoni li hija ċara, affidabbli u prodotta biex tissodisfa r-rekwiżiti regolatorji, bħar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni skont id-Direttiva 2003/71/KE (8) jew 2004/109/KE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan l-obbligu huwa rilevanti għall-prodotti li jinbiegħu fis-swieq primarji u sekondarji u għandu japplika b'mod proporzjonat, skont il-grad safejn tista' tinkiseb l-informazzjoni disponibbli pubblikament u l-kumplessità tal-prodott.

Id-ditti tal-investiment għandhom jużaw l-informazzjoni miksuba mill-manifatturi u l-informazzjoni dwar il-klijenti tagħhom stess biex jidentifikaw is-suq fil-mira u l-istrateġija tad-distribuzzjoni. Meta ditta tal-investiment taġixxi kemm bħala manifattur kif ukoll bħala distributur, tkun meħtieġa valutazzjoni tas-suq fil-mira waħda biss.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment, meta jiddeċiedu dwar il-firxa ta' strumenti u servizzi finanzjarji li joffru jew jirrakkomandaw u s-swieq fil-mira rispettivi, ikollhom proċeduri u miżuri sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti kollha applikabbli skont id-Direttiva 2014/65/UE inklużi dawk relatati mad-divulgazzjoni, il-valutazzjoni tal-idoneità jew l-adegwatezza, l-inċentivi u l-ġestjoni xierqa tal-kunflitti ta' interess. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari meta d-distributuri jkollhom l-intenzjoni li joffru jew jirrakkomandaw prodotti ġodda jew meta jkun hemm varjazzjonijiet fis-servizzi illi joffru.

4.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jirrieżaminaw u jaġġornaw perjodikament l-arranġamenti ta' governanza tal-prodotti tagħhom sabiex jiżguraw li dawn jibqgħu robusti u adatti għall-iskop tagħhom, u li jieħdu l-azzjonijiet xierqa fejn dawn huma meħtieġa.

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jirrevedu l-prodotti ta' investiment li joffru jew jirrakkomandaw u s-servizzi li jipprovdu fuq bażi regolari, waqt li jitqies kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa materjalment ir-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti għandhom jivvalutaw mill-inqas jekk il-prodott jew is-servizz jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tas-suq fil-mira identifikat u jekk l-istrateġija ta' distribuzzjoni maħsuba tibqax xierqa. Id-ditti għandhom jikkunsidraw mill-ġdid is-suq fil-mira u/jew jaġġornaw l-arranġamenti ta' governanza tal-prodotti jekk jaraw li identifikaw ħażin is-suq fil-mira għal prodott jew servizz speċifiku jew li l-prodott jew servizz ma jibqax jissodisfa ċ-ċirkostanzi tas-suq fil-mira identifikat, bħal fejn il-prodott ma jibqax likwidu jew isir volatili ħafna minħabba tibdil fis-suq.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-funzjoni tal-konformità tagħhom tissorvelja l-iżvilupp u r-rieżami perjodiku tal-arranġamenti ta' governanza tal-prodotti sabiex jiskopru kwalunkwe riskju ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu.

7.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-persunal rilevanti jkollu l-kompetenza meħtieġa biex jifhem il-karatteristiċi u r-riskji tal-prodotti li għandhom l-intenzjoni li joffru jew jirrakkomandaw u s-servizzi pprovduti kif ukoll il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tas-suq fil-mira identifikat.

8.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-korp maniġerjali jkollu kontroll effettiv fuq il-proċess ta' governanza tal-prodotti tad-ditta biex jiddeterminaw il-firxa ta' prodotti ta' investiment li joffru jew jirrakkomandaw u s-servizzi pprovduti lis-swieq fil-mira rispettivi. Id-ditti tal-investiment għandhom jiżguraw li r-rapporti dwar il-konformità lill-korp maniġerjali jinkludu sistematikament l-informazzjoni dwar il-prodotti li joffru jew jirrakkomandaw u s-servizzi pprovduti. Ir-rapporti dwar il-konformità għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti jekk dawn jitolbuhom.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-distributuri jipprovdu l-manifatturi bl-informazzjoni dwar il-bejgħ u, fejn xieraq, l-informazzjoni dwar ir-rieżamijiet imsemmijin hawn fuq biex isostnu r-rieżamijiet tal-prodotti mwettqa mill-manifatturi.

10.   Meta ditti differenti jaħdmu flimkien fid-distribuzzjoni ta' prodott jew servizz, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditta tal-investiment li għandha relazzjoni diretta mal-klijent ikollha r-responsabbiltà aħħarija biex tissodisfa l-obbligi ta' governanza tal-prodotti stabbiliti f'dan l-Artikolu. Madankollu, id-ditti tal-investiment intermedjarji għandhom:

(a)

jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-prodotti rilevanti tiġi mgħoddija mill-manifattur lid-distributur finali fil-katina;

(b)

jekk il-manifattur jeħtieġ informazzjoni dwar il-bejgħ tal-prodotti sabiex ikun konformi mal-obbligi ta' governanza tal-prodotti tiegħu stess, jgħinuh jikseb it-tali informazzjoni; u

(c)

japplikaw l-obbligi ta' governanza tal-prodotti għall-manifatturi, kif rilevanti, fir-rigward tas-servizz li jipprovdu.

KAPITOLU IV

INĊENTIVAR

Artikolu 11

Inċentivar

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment li jħallsu jew jitħallsu kwalunkwe tariffa jew kummissjoni jew li jipprovdu jew jiġu pprovduti bi kwalunkwe benefiċċju mhux monetarju konness mal-provvista ta' servizzi ta' investiment jew servizz anċillari lill-klijenti, jiżguraw li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 24(9) tad-Direttiva 2014/65/UE u r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2-5 jiġu ssodisfati f'kull waqt.

2.   Tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju għandu jitqies li huwa mfassal biex itejjeb il-kwalità tas-servizzi rilevanti lill-klijent jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

huwa ġustifikat mill-provvista ta' servizzi addizzjonali jew ta' livell ogħla lill-klijent rilevanti, proporzjonali għal-livell tal-inċentivi riċevuti, bħal:

(i)

il-provvista ta' pariri dwar l-investiment mhux indipendenti dwar u l-aċċess għal firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji xierqa inkluż għadd xieraq ta' strumenti minn fornituri terzi ta' prodotti li ma għandhomx konnessjonijiet mill-qrib mad-ditta ta' investiment;

(ii)

il-provvista ta' pariri tal-investiment mhux indipendenti kkombinati jew ma': offerta lill-klijent, tal-anqas fuq bażi annwali, biex tiġi vvalutata l-idoneità kontinwata tal-istrumenti finanzjarji li fihom il-klijent investa; jew ma' servizz attwali ieħor li probabbli jkun ta' valur għall-klijent bħal pariri dwar l-allokazzjoni ottima tal-assi ssuġġerita tal-klijent; jew

(iii)

il-provvista ta' aċċess, għal prezz kompetittiv, għal firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji li probabbilment jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijent, inkluż għadd xieraq ta' strumenti minn fornituri terzi ta' prodotti li ma għandhomx konnessjonijiet mill-qrib mad-ditta tal-investiment, flimkien ma', pereżempju, il-provvista ta' għodda ta' valur miżjud, bħal għodda ta' informazzjoni oġġettiva, li jgħinu lill-klijent rilevanti biex jagħmel deċiżjonijiet ta' investiment jew li jippermetti lill-klijent rilevanti jimmonitorja, jimmudella u jaġġusta l-firxa ta' strumenti finanzjarji li investa fihom, jew il-provvista ta' rapporti perjodiċi tal-prestazzjoni u l-ispejjeż u l-imposti assoċjati mal-istrumenti finanzjarji.

(b)

ma jibbenefikax direttament lid-ditta riċevitriċi, lill-azzjonisti jew lill-impjegati tagħha mingħajr benefiċċju tanġibbi għall-klijent rilevanti;

(c)

huwa ġustifikat mill-provvista ta' benefiċċju kontinwu lill-klijent rilevanti fir-rigward ta' inċentivar kontinwu.

Tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju ma għandux jitqies bħala aċċettabbli jekk il-provvista ta' servizzi rilevanti lill-klijent hija preġudikata jew distorta bħala riżultat tat-tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju.

3.   Id-ditti tal-investiment għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 fuq bażi kontinwa sakemm ikomplu jħallsu jew jirċievu t-tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju.

4.   Id-ditti tal-investiment għandhom ikollhom evidenza li kull tariffia, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju mħallas jew riċevut mid-ditta huma mfasslin biex itejbu l-kwalità tas-servizz rilevanti lill-klijent:

(a)

billi jżommu lista interna tat-tariffi, kummissjonijiet u benefiċċji mhux monetarji kollha riċevuti mid-ditta tal-investiment minn parti terza relatati mal-provvista ta' servizzi ta' investiment jew anċillari; u

(b)

billi jirreġistraw kif it-tariffi, kummissjonjiet u benefiċċji mhux monetarji mħallsa jew riċevuti mid-ditta tal-investiment, jew li beħsieba tuża, itejbu l-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-klijenti rilevanti u l-passi meħudin sabiex ma jiġix affettwat ħażin id-dover tad-ditta li taġixxi b'mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijent.

5.   Rigward kwalunkwe ħlas jew benefiċċju riċevut minn jew imħallas lil partijiet terzi, id-ditti tal-investiment għandhom jiddivulgaw lill-klijent l-informazzjoni li ġejja:

(a)

qabel il-provvista tas-servizz ta' investiment jew anċillari rilevanti, id-ditta tal-investiment għandha tiddivulga lill-klijent informazzjoni dwar il-ħlas jew il-benefiċċju konċernat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(9) tad-Direttiva 2014/65/UE. Benefiċċji mhux monetarji żgħar jistgħu jiġu deskritti b'mod ġeneriku. Benefiċċji mhux monetarji oħrajn riċevuti jew imħallsa mid-ditta tal-investiment b'konnessjoni mas-servizz ta' investiment ipprovdut lil klijent għandhom ikunu pprezzati u divulgati separatament;

(b)

meta ditta tal-investiment ma setgħetx tivverifika fuq bażi ex ante l-ammont ta' kwalunkwe pagament jew benefiċċju li jrid jiġi riċevut jew imħallas, u minflok divulgat lill-klijent il-metodu biex jiġi kkalkulat dak l-ammont, id-ditta għandha tipprovdi wkoll il-klijent b'informazzjoni dwar l-ammont eżatt tal-pagament jew benefiċċju li rċeviet jew ħallset fuq bażi ex post; u

(c)

mill-inqas darba fis-sena, sakemm jiġu riċevuti inċentivi (kontinwi) mid-ditta tal-investiment relatati mas-servizzi ta' investiment ipprovduti lill-klijenti rilevanti, id-ditta tal-investiment għandha tinforma l-klijenti tagħha fuq bażi individwali dwar l-ammont attwali tal-pagamenti jew benefiċċji riċevuti jew imħallsa. Benefiċċji mhux monetarji żgħar jistgħu jiġu deskritti b'mod ġeneriku.

Fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti, id-ditti tal-investiment għandhom iqisu r-regoli dwar l-ispejjeż u l-imposti stabbiliti fl-Artikolu 24(4)(c) u tad-Direttiva 2014/65/UE u l-Artikolu 50 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (10)

Meta aktar ditti jkunu involuti f'kanal tad-distribuzzjoni, kull ditta tal-investiment li tipprovdi servizz ta' investiment jew anċillari għandha tikkonforma mal-obbligi tagħha biex tagħmel divulgazzjonijiet lill-klijenti tagħha.

Artikolu 12

Inċentivi fir-rigward ta' pariri dwar l-investiment fuq bażi indipendenti jew servizzi ta' mmaniġġjar ta' portafolji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment li jipprovdu pariri dwar l-investiment fuq bażi indipendenti jew immaniġġjar ta' portafolji jagħtu lura lill-klijenti kwalunkwe tariffa, kummissjoni jew benefiċċju monetarju mħallsa jew ipprovduti minn kwalunkwe parti terza jew persuna li taġixxi f'isem parti terza fir-rigward tas-servizzi pprovduti lil dak il-klijent malajr kemm huwa raġonevolment possibbli wara li tirċevuhom. It-tariffi, kummissjonijiet jew benefiċċji monetarji kollha riċevuti minn partijiet terzi fir-rigward tal-għoti ta' pariri dwar l-investiment indipendenti u l-immaniġġjar ta' portafolji għandhom ikunu trasferiti kompletament lill-klijenti.

Id-ditti tal-investiment għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw politika biex jiżguraw li kwalunkwe tariffa, kummissjoni jew kwalunkwe benefiċċju monetarju mħallas jew ipprovdut minn kwalunkwe parti terza jew persuna li taġixxi f'isem parti terza fir-rigward tal-għoti ta' pariri ta' investiment indipendenti u mmaniġġjar ta' portafolji jiġu allokati u trasferiti lil kull klijenti individwali.

Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti dwar it-tariffi, il-kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju trasferiti lilhom, bħal permezz ta' dikjarazzjonijiet ta' rapportar perjodiċi pprovduti lill-klijent.

2.   Id-ditti tal-investiment li jipprovdu pariri ta' investiment fuq bażi individwali jew immaniġġjar ta' portafolji ma għandhomx jaċċettaw benefiċċji mhux monetarji li ma jikkwalifikawx bħala benefiċċji mhux monetarji żgħar aċċettabbli skont il-paragrafu 3.

3.   Il-benefiċċji li ġejjin għandhom jikkwalifikaw bħala benefiċċji mhux monetarji żgħar aċċettabbli biss jekk dawn ikunu:

(a)

informazzjoni jew dokumentazzjoni relatata ma' strument finanzjarju jew servizz ta' investiment, hija ġenerika fin-natura tagħha jew personalizzata biex tirrifletti ċ-ċirkostanzi ta' klijent individwali;

(b)

materjal miktub minn parti terza li huwa kkummissjonat u mħallas minn emittent korporattiv jew emittent potenzjali biex jippromwovi l-emittenza ġdida minn dik il-kumpanija, jew fejn ditta terza tkun mqabbda kuntrattwalment u mħallsa mill-emittent biex tipproduċi materjal bħal dan fuq bażi kontinwa, sakemm ir-relazzjoni tkun divulgata b'mod ċar fil-materjal u li dak il-materjal ikun disponibbli fl-istess ħin għal kwalunkwe ditta tal-investiment li tixtieq tirċevih jew għall-pubbliku ġenerali;

(c)

parteċipazzjoni f'konferenzi, seminars u avvenimenti ta' taħriġ oħrajn fuq il-benefiċċji u l-karatteristiċi ta' strument finanzjarju jew servizz ta' investiment speċifiku;

(d)

ospitalità ta' valur de minimis raġonevoli, bħal ikel u xorb matul laqgħa ta' negozju jew konferenza, seminar jew avvenimenti oħrajn ta' taħriġ imsemmijin fil-punt (c); u

(e)

benefiċċji mhux monetarji oħrajn żgħar li l-Istat Membru jqis kapaċi li jtejbu l-kwalità tas-servizz ipprovdut lil klijent u, filwaqt li wieħed iqis il-livell totali ta' benefiċċji pprovduti minn kwalunkwe entità waħda jew grupp ta' entitajiet, huma ta' daqs u natura li huwa improbabbli li jistgħu jaffettwaw ħażin il-konformità mad-dover ta' ditta tal-investiment li taġixxi fl-aħjar interess tal-klijent.

Il-benefiċċji mhux monetarji żgħar aċċettabbli għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati u ta' tali daqs li jkun improbabbli li jinfluwenzaw l-imġiba tad-ditta tal-investiment b'mod li huwa detrimentali għall-interessi tal-klijent rilevanti.

Id-divulgazzjoni ta' benefiċċji mhux monetarji żgħar għandha ssir qabel il-provvista tas-servizzi ta' investiment jew anċillari rilevanti lill-klijent. Skont l-Artikolu 11(5)(a), il-benefiċċji mhux monetarji żgħar jistgħu jkunu deskritti b'mod ġeneriku.

Artikolu 13

Inċentivar relatat mar-riċerka

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-provvista ta' riċerka minn partijiet terzi lil ditti tal-investiment li jipprovdu mmaniġġjar ta' portafolji jew servizzi oħrajn ta' investiment jew anċillari lill-klijenti ma għandhiex titqies bħala inċentivar jekk tiġi riċevuta bħala ħlas għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

pagamenti diretti mid-ditta tal-investiment mir-riżorsi proprji;

(b)

pagamenti minn kont ta' pagament ta' riċerka separat kkontrollat mid-ditta tal-investiment, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin relatati mal-operat tal-kont:

(i)

il-kont ta' pagament tar-riċerka huwa ffinanzjat minn imposta tar-riċerka speċifika debitata lill-klijent;

(ii)

bħala parti mill-istabbiliment tal-kont ta' pagament ta' riċerka u l-qbil fuq l-imposta għar-riċerka mal-klijenti, id-ditti tal-investiment jistabbilixxu u jivvalutaw regolarment baġit għar-riċerka bħala miżura amministrattiva interna;

(iii)

id-ditta tal-investiment hija miżmuma responsabbli għall-kont ta' pagament ta' riċerka;

(iv)

id-ditta tal-investiment tivvaluta regolarment il-kwalità tar-riċerka mixtrija bbażata fuq kriterji ta' kwalità robusti u l-abilità tagħha li tikkontribwixxi għal deċiżjonijiet aħjar ta' investiment.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, meta ditta tal-investiment tuża kont ta' pagament ta' riċerka, għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-klijenti:

(a)

qabel il-provvista ta' servizz ta' investiment lill-klijenti, informazzjoni dwar l-ammont ibbaġitjat għar-riċerka u l-ammont tal-imposta stmata għar-riċerka għal kull wieħed minnhom;

(b)

informazzjoni annwali dwar il-kostijiet totali li kull wieħed minnhom ikun ġarrab għar-riċerka minn parti terza.

2.   Meta ditta tal-investiment topera kont ta' pagament ta' riċerka, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditta tal-investiment għandha tkun meħtieġa wkoll, fuq talba mill-klijenti tagħha jew minn awtoritajiet kompetenti, tipprovdi sommarju tal-fornituri mħallsin minn dan il-kont, l-ammont totali li tħallsu fuq perjodu definit, il-benefiċċji u s-servizzi riċevuti mid-ditta tal-investiment, u kif l-ammont totali li ntefaq mill-kont jitqabbel mal-baġit stabbilit mid-ditta għal dak il-perjodu, b'kont meħud ta' kwalunkwe ribass jew riport jekk fil-kont jibqgħu xi fondi residwi. Għall-fini tal-punt (b)(i) tal-paragrafu 1, l-imposta ta' riċerka speċifika għandha:

(a)

tkun ibbażata biss fuq baġit tar-riċerka stabbilit mid-ditta tal-investiment biex tistabbilixxi r-raġuni għal riċerka minn parti terza fir-rigward tas-servizzi ta' investiment mogħtija lill-klijenti tagħha; u

(b)

ma tkunx marbuta mal-volum u/jew il-valur tat-tranżazzjonijiet eżegwiti f'isem il-klijenti.

3.   Kull arranġament operazzjonali għall-ġbir tal-imposta għar-riċerka mill-klijent, fejn din ma tiġix miġbura separatament iżda flimkien ma' kummissjoni għat-tranżazzjoni, għandu jindika imposta għar-riċerka identifikabbli separatament u għandu jkun konformi bis-sħiħ mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

4.   L-ammont totali tal-imposti ta' riċerka riċevuti ma jistgħux jaqbżu l-baġit tar-riċerka.

5.   Id-ditta tal-investiment għandha taqbel mal-klijenti, fil-ftehim ta' mmaniġġjar tal-investiment jew it-termini ġenerali tan-negozju tad-ditta, l-imposta għar-riċerka kif ibbaġittjata mid-ditta u l-frekwenza li biha l-imposta tar-riċerka speċifika sejra titnaqqas mir-riżorsi tal-klijent matul is-sena. Żidiet fil-baġit tar-riċerka għandhom iseħħu biss wara li tingħata informazzjoni ċara lill-klijenti dwar tali żidiet maħsuba. Jekk ikun hemm surplus fil-kont ta' pagament tar-riċerka fl-aħħar ta' perjodu, id-ditta għandu jkollha proċess biex tirrifondi dawk il-fondi lill-klijent jew biex tpaċihom kontra l-baġit tar-riċerka u l-imposta kkalkulata għall-perjodu li jmiss.

6.   Għall-fini tal-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-baġit tar-riċerka għandu jkun immaniġġjat biss mid-ditta tal-investiment u għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni raġonevoli tal-ħtieġa għar-riċerka minn parti terza. L-allokazzjoni tal-baġit tar-riċerka għall-akkwist tar-riċerka minn parti terza għandha tkun soġġetta għal kontrolli xierqa u sorveljanza mill-maniġment superjuri sabiex jiġi żgurat li din tiġi mmaniġġjata u użata fl-aħjar interessi tal-klijenti tad-ditta. Dawk il-kontrolli jinkludu rendikont tal-entrati ċar tal-pagamenti li saru lill-fornituri tar-riċerka u kif l-ammonti mħallsin kienu determinati b'referenza għall-kriterji ta' kwalità msemmijin fil-paragrafu 1 (b) (iv). Id-ditti tal-investiment ma għandhomx jużaw il-baġit tar-riċerka u l-kont ta' pagament tar-riċerka biex jiffinanzjaw riċerka interna.

7.   Għall-fini tal-punt (b)(iii) tal-paragrafu 1, id-ditta tal-investiment tista' tiddelega l-amministrazzjoni tal-kont ta' pagament tar-riċerka lil parti terza, sakemm l-arranġament jiffaċilita l-akkwist tar-riċerka minn parti terza u l-pagamenti lill-fornituri tar-riċerka f'isem id-ditta tal-investiment mingħajr dewmien mhux dovut skont l-istruzzjoni tad-ditta tal-investiment.

8.   Għall-fini tal-punt (b)(iv) tal-paragrafu 1, id-ditti tal-investiment għandhom jistabbilixxu l-elementi kollha meħtieġa f'politika bil-miktub u jipprovduha lill-klijenti tagħhom. Din għandha tindirizza wkoll il-livell safejn ir-riċerka akkwistata permezz tal-kont ta' pagament tar-riċerka tista' tibbenefika l-portafolji tal-klijenti, inkluż, fejn rilevanti, billi wieħed iqis l-istrateġiji tal-investiment applikabbli għat-tipi differenti ta' portafolji, u l-approċċ li d-ditta sejra tieħu biex talloka tali spejjeż b'mod ġust lill-portafolji differenti tal-klijenti.

9.   Ditta tal-investiment li tipprovdi servizzi eżekuttivi għandha tidentifika l-imposti separati għal dawn is-servizzi li jirriflettu biss l-ispiża tat-twettiq tat-tranżazzjoni. Il-provvista ta' kull benefiċċju jew servizz ieħor mill-istess ditta tal-investiment lil ditti tal-investiment, stabbiliti fl-Unjoni għandha tkun soġġetta għal imposta identifikabbli separatament; il-provvista ta' u l-imposti għal dawk il-benefiċċji jew servizzi ma għandhomx jinfluwenzaw jew ikunu kkundizzjonati mil-livelli ta' pagament għas-servizzi ta' eżekuzzjoni.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-3 ta' Lulju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet ammistrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-3 ta' Jannar 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(5)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' transazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(8)  Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(9)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta' April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta' dik id-Direttiva (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)


Top