This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D2013
Council Implementing Decision (EU) 2017/2013 of 7 November 2017 authorising the Kingdom of the Netherlands to introduce a special measure derogating from Article 193 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2013 tas-7 ta' Novembru 2017 li tawtorizza lir-Renju tan-Netherlands jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2013 tas-7 ta' Novembru 2017 li tawtorizza lir-Renju tan-Netherlands jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 292, 10.11.2017, p. 59–60
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018
10.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 292/59 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2013
tas-7 ta' Novembru 2017
li tawtorizza lir-Renju tan-Netherlands jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tforni merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
(2) |
Skont l-Artikolu 199a(1)(g) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq fornimenti ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni hija l-persuna taxxabbli li lilha jsir il-forniment (il-mekkaniżmu tar-reverse charge). In-Netherlands ma jagħmlux użu minn din l-għażla. |
(3) |
Reċentement ġew skoperti każijiet ta' frodi fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni fin-Netherlands. Konsegwentement, in-Netherlands jixtiequ jintroduċu l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-fornimenti domestiċi ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni. |
(4) |
Skont l-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-mekkaniżmu tar-reverse charge jista' jiġi applikat biss sal-31 ta' Diċembru 2018 u l-perijodu minimu ta'applikazzjoni huwa ta' sentejn. Minħabba li l-kundizzjoni tal-perijodu minimu ta' applikazzjoni ma jistax jiġi ssodisfat, in-Netherlands ma jistgħux japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge abbażi tal-Artikolu 199a(1)(g) ta' dik id-Direttiva. |
(5) |
Konsegwentement, permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta' Lulju 2017, in-Netherlands talbu deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE biex ikunu awtorizzati japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-fornimenti ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni abbażi tal-Artikolu 395 ta' dik id-Direttiva. |
(6) |
F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra datata l-5 ta' Settembru 2017 bit-talba magħmula min-Netherlands. Permezz ta' ittra datata s-6 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lin-Netherlands li kellha l-informazzjoni li hija tqis neċessarja biex tqis it-talba. |
(7) |
L-għan tad-deroga mitluba huwa li tevita l-frodi tal-VAT fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Minkejja li l-fornimenti ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni huma suxxettibbli għall-frodi u qed jiġu ssorveljati mill-qrib, in-Netherlands reċentement skoprew skemi kummerċjali frodulenti b'rabta ma' minuti ta' telefonati li jinvolvu għadd ta' negozjanti nieqsa u ta' kumpaniji buffer. Dawk l-iskemi jirriżultaw f'telf sinifikanti ta' dħul mit-taxxa. |
(8) |
Abbażi tal-informazzjoni mressqa min-Netherlands, il-metodi konvenzjonali għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi mhumiex effettivi, minħabba li s-servizzi involuti jiġu minn barra l-Unjoni u ma jissemmew fl-ebdareġistru jew lista. Il-ħlasijiet isiru permezz ta' pjattaformi ta' ħlas f'kontijiet bankarji barra l-Unjoni u dan jagħmel it-tranżazzjonijiet aktar diffiċli biex jiġu identifikati u impossibbli li tinkiseb informazzjoni mill-banek. In-Netherlands jenfasizzaw li mingħajr il-mekkaniżmu tar-reverse charge għas-servizzi kkonċernati t-telf ta' taxxa se jiżdied b'mod esponenzjali. |
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li n-Netherlands ikunu awtorizzati japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-fornimenti ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2018. |
(10) |
Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, fil-każ ta' fornimenti ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni, in-Netherlands huma awtorizzati li jinnominaw lir-riċevitur tal-forniment bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.
Għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TÕNISTE
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.