EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1252

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1252 tal-11 ta' Lulju 2017 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom

ĠU L 179, 12.7.2017, p. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 16/06/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1252/oj

12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1252

tal-11 ta' Lulju 2017

b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003 il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, li l-Kapitolu II tagħha fiha lista ta' miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(2)

L-Unjoni qiegħda timplimenta dik l-Istrateġija attivament u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxijin minn istituzzjonijiet multilaterali, biex b'hekk l-Istati jingħataw assistenza teknika u ħila esperta fir-rigward ta' firxa wiesgħa ta' miżuri ta' nonproliferazzjoni, u billi tippromwovi r-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU).

(3)

Fit-28 ta' April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“UNSCR 1540 (2004)”), li kienet l-ewwel strument internazzjonali biex jiġu ttrattati b'mod integrat u komprensiv l-armi ta' qerda massiva, il-mezzi ta' kunsinna tagħhom u l-materjal relatat. Il-UNSCR 1540 (2004) stabbilixxiet obbligi vinkolanti għall-Istati kollha bl-għan li timpedixxi u tiskoraġġixxi lill-atturi li mhumiex Stati milli jaċċedu għal tali armi u materjali relatati mal-armi. Permezz tal-UNSCR 1540 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda wkoll li l-Istati kollha jieħdu u jinfurzaw miżuri effettivi biex jistabbilixxu kontrolli domestiċi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, inkluż billi jistabbilixxu kontrolli adegwati fuq materjal relatat.

(4)

Aderenza universali mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-UNSCR 1540 (2004) u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Ukrajna fil-qasam tan-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, speċjalment fil-qafas tas-sħubija nonpermanenti mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għat-terminu 2016-2017.

(5)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim ta' Assoċjazzjoni”) ġie ffirmat fil-21 ta' Marzu u s-27 ta' Ġunju 2014. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprevedi, fost l-oħrajn, l-armonizzazzjoni malajr tal-leġislazzjoni Ukrena mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluż dwar l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe xkiel għall-implimentazzjoni komprensiva tal-UNSCR 1540 (2004). Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġie applikat proviżorjament, f'parti, sa minn Novembru 2014 u Jannar 2016.

(6)

Skont il-Pjan tal-Gvern tal-Ukrajna 2014-2017 għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-Ukrajna impenjat ruħha biex tiżviluppa regolamenti dwar il-kontroll ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi. Il-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna ddeċieda wkoll li jtejjeb is-sigurtà u s-sikurezza kimika billi jiżviluppa miżuri leġislattivi u regolatorji dwar il-konformità mar-rekwiżiti dwarl-immaniġġar sigur ta' sustanzi kimiċi perikolużi u l-prevenzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni illeċita ta' prodotti kimiċi perikolużi.

(7)

Fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2014 l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bl-appoġġ tal-Uffiċċju tan-N U għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), l-Unjoni tal-Ispeċjalististi fil-Kimika Ukreni, u ċ-Ċentru Internazzjonali għas-Sigurtà u s-Sikurezza Kimika (ICCSS), organizzat diskussjoni madwar mejda fi Kyiv dwar il-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza kimika (ICSSP) fl-Ukrajna u l-iżvilupp ta' programm integrat għas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna, inkluż il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Id-diskussjoni madwar mejda laqqgħet flimkien udjenza magħmula minn diversi partijiet interessati mill-Ukrajna kif ukoll sħab internazzjonali, u l-eżitu tagħha ġie kkonfermat permezz tal-approvazzjoni ta' sett ta' rakkomandazzjonijiet.

(8)

Mill-24 sas-26 ta' Frar 2015 saret fi Vjenna laqgħa tal-partijiet interessati u s-sħab internazzjonali prinċipali dwar l-iżvilupp ta' ICSSP fl-Ukrajna, inkluż il-promozzjoni tal-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Il-parteċipanti mill-Ukrajna qablu dwar pjan direzzjonali għall-ICSSP fl-Ukrajna.

(9)

F'dak il-qafas, il-proposti tal-proġetti tħejjew mis-Segretarjat tal-OSKE f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti fl-Ukrajna u ġew ippreżentati lill-Unjoni għall-finanzjament mill-baġit tal-PESK.

(10)

Jenħtieġ li s-Segretarjat tal-OSKE jiġi fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-proġetti li jridu jitwettqu skont din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà, kif ukoll multilateraliżmu effettiv fuq livelli globali u reġjonali, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni permezz tat-tnaqqis tat-theddida li ġejja mill-kummerċ illeċitu ta' sustanzi kimiċi kontrollati u tossiċi fir-reġjun tal-OSKE, b'mod partikolari fl-Ukrajna;

(b)

l-appoġġ tal-multilateraliżmu effettiv fuq livell reġjonali permezz tal-appoġġ tal-azzjoni tal-OSKE biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-Ukrajna li jipprevjenu l-kummerċ illeċitu ta' sustanzi kimiċi kontrollati u tossiċi f'konformità mal-obbligi skont l-UNSCR 1540 (2004).

2.   Sabiex jinkiseb l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tieħu l-miżuri li ġejjin:

(a)

it-titjib tas-sistema regolatorja tal-Ukrajna dwar is-sigurtà u s-sikurezza kimika;

(b)

l-istabbiliment ta' ċentru ta' riferiment nazzjonali Ukren għall-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi;

(c)

it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-movimenti transkonfinali tas-sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi.

Deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu hija mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-miżuri msemmija fl- fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat tal-OSKE. Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tal-OSKE.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-miżuri msemmija fl- fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 431 156,90.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat tal-OSKE. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat tal-OSKE irid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tal-OSKE. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussel, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).


ANNESS

It-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1540 (2004)

1.   Kuntest

L-użu ta' armi kimiċi jew ta' sustanzi kimiċi bħala armi, minn atturi li mhumiex Stati saret theddida realistika. Minħabba l-ambjent ta' sigurtà attwali, it-theddid u r-riskji ta' użu mhux awtorizzat ta' sustanzi kimiċi jew attakki kontra installazzjonijiet kimiċi huma sfida serja għas-sigurtà, l-ekonomija, is-saħħa u l-ambjent fl-Ukrajna. Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bl-appoġġ tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), l-Unjoni tal-Ispeċjalisti fil-Kimika Ukreni u ċ-Ċentru Internazzjonali għas-Sigurtà u s-Sikurezza Kimika (ICCSS), organizzat diskussjoni nazzjonali madwar mejda dwar il-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza kimika (“ICSSP”) fl-Ukrajna u l-iżvilupp ta' programm integrat għas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna, inkluż il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 1540 (2004), fi Kyiv fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2014.

Bħala segwitu, bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2015 saret Laqgħa fi Vjenna dwar l-iżvilupp ta' ICSSP fl-Ukrajna. Il-parteċipanti nazzjonali qablu dwar pjan direzzjonali għall-ICSSP. Bħala l-ewwel stadju, twettaq rieżami komprensiv tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna (“Ir-Rieżami Komprensiv”) minn esperti internazzjonali. Ir-Rieżami Komprensiv analizza, fost l-oħrajn, il-politika ġenerali marbuta mas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna, is-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport ta' sustanzi kimiċi perikolużi, l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tekniċi għall-analiżi ta' sustanzi kimiċi perikolużi, il-kontrolli doganali u fil-fruntiera dwar il-moviment ta' sustanzi kimiċi perikolużi, u s-sigurtà u s-sikurezza tal-manifattura, il-ħażna u l-użu ta' sustanzi kimiċi mill-industrija nazzjonali.

B'riżultat ta' dan, tħejjew tliet proġetti mill-OSKE bil-ħsieb li jiġi appoġġat l-ICSSP fl-Ukrajna. Dawn ġew żviluppati f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti. Il-proġetti kollha jiġu implimentati f'konformità mad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-pjan għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”).

2.   Objettivi

L-objettiv ġenerali ta' din id-Deċiżjoni huwa li tappoġġa l-proġetti tal-OSKE li għandhom l-għan li jsaħħu s-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-UNSCR 1540 (2004) u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni billi tipprovdi kontribut sinifikanti għall-ICSSP fl-Ukrajna. B'mod partikolari, din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tnaqqas it-theddida mill-kummerċ illeċitu ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi fir-reġjun tal-OSKE, b'mod partikolari fl-Ukrajna, biex b'hekk tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni.

3.   Deskrizzjoni tal-proġetti

3.1.   Proġett 1: it-titjib tas-sistema regolatorja tal-Ukrajna dwar is-sigurtà u s-sikurezza kimika

3.1.1.   Objettiv tal-proġett

It-titjib tal-bażi leġislattiva u regolatorja tal-Ukrajna b'rabta mas-sigurtà u s-sikurezza kimika, bħala parti mill-ICSSP, f'konformità mal-obbligi skont il-UNSCR 1540 (2004).

3.1.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Sabiex jiġu appoġġati l-aġenziji tal-gvern Ukren biex jindirizzaw it-theddid minn użu ħażin ta' sustanzi kimiċi tossiċi, l-OSKE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna identifikaw erba' dokumenti prijoritarji marbuta mat-titjib tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà u s-sikurezza kimika:

Ir-Regolament Tekniku dwar il-ġestjoni sikura tal-prodotti kimiċi;

Ir-Regolament Tekniku dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar ta' sustanzi kimiċi perikolużi;

Emendi għal-Liġi tal-Ukrajna dwar l-istabbilimenti b'riskju għoli;

Id-Digriet tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna dwar l-identifikazzjoni u d-dikjarazzjoni tas-sigurtà tal-istabbilimenti b'riskju għoli.

3.1.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

Il-proġett ser jipproduċi l-erba' dokumenti msemmija fil-punt 3.1.2, li għandhom jiġu adottati fil-qafas regolatorju u leġislattiv.

3.1.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Kummerċ tal-Ukrajna

Is-Servizz Pubbliku ta' Emerġenza tal-Ukrajna

3.2.   Proġett 2: l-istabbiliment ta' ċentru ta' riferiment nazzjonali Ukren għall-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi

3.2.1.   Objettiv tal-proġett

Kapaċità mtejba tal-awtoritajiet Ukreni li jidentifikaw sustanzi kimiċi u prekursuri tossiċi u li jwettqu investigazzjonijiet forensiċi tal-użu ħażin, bħala parti mill-ICSSP, f'konformità mal-obbligi skont il-UNSCR 1540 (2004).

3.2.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

F'konformità mar-rakkomandazzjoni tar-Rieżami Komprensiv, u kif ikkonfermat mill-Ministru għas-Saħħa Ukren, jista' jiġi stabbilit ċentru ta' riferiment nazzjonali abbażi ta' ċentru għar-riċerka diġà eżistenti. Madankollu, il-laboratorji ta' dak iċ-ċentru għar-riċerka m'għandhomx il-bażi regolatorja rilevanti, il-proċeduri operattivi standard biex jipprovdu servizzi lill-awtoritajiet interessati u lill-organizzazzjonijiet tas-settur privat, kif ukoll strumenti speċifiċi għall-analiżi kimika b'riżoluzzjoni għolja għas-sejbien u l-identifikazzjoni preċiżi u affidabbli ta' sustanzi kimiċi perikolużi. Il-proġett għalhekk ser jgħin fl-istabbiliment ta' ċentru ta' riferiment nazzjonali kompletament funzjonali, inkluż l-akkwist ta' strumenti għall-analiżi kimika b'riżoluzzjoni għolja u t-taħriġ adegwat tal-persunal tal-laboratorju.

3.2.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

Iċ-ċentru ta' riferiment nazzjonali għall-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi jiġi stabbilit u integrat fis-sistemi nazzjonali u internazzjonali ta' reazzjoni għat-theddid kimiku

It-tagħmir tal-laboratorju taċ-ċentru għar-riċerka jiġi aġġornat

Iċ-ċentru ta' riferiment Nazzjonali jiġi inkorporat fil-qafas internazzjonali

Persunal tal-laboratorju mħarreġ

3.2.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Il-Ministeru għas-Saħħa Ukren

3.3.   Proġett 3: it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-movimenti transkonfinali tas-sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi

3.3.1.   Objettiv tal-proġett

Kontrolli mtejba fuq il-fruntiera u monitoraġġ aħjar tas-sustanzi kimiċi li jgħaddu mill-Ukrajna, f'konformità mal-obbligi skont l-UNSCR 1540 (2004)

3.3.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Ir-Rieżami Komprensiv indika li jeħtieġ li jissaħħu l-kontrolli interni tal-moviment transkonfinali ta' sustanzi kimiċi tossiċi u jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali f'dak ir-rigward. Għalhekk, il-ħsieb hu li l-proġett jistabbilixxi sistemi nazzjonali ta' taħriġ debitament formalizzati u taħriġ għal min iħarreġ mis-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna u s-Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna dwar is-sejbien u l-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi li jaqsmu l-fruntiera statali tal-Ukrajna. Dan ser jipprovdi lill-awtoritajiet Ukreni b'għarfien sostenibbli u bl-aħjar prassi dwar il-proċeduri fis-sigurtà u s-sikurezza kimika u l-ġestjoni ta' kriżijiet fil-qasam ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi permezz tal-iżvilupp ta' proċeduri operattivi standard nazzjonali armonizzati ma' dawk tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' standards internazzjonali u prassi f'dak il-qasam, kif ukoll it-twettiq ta' eżerċizzji ta' simulazzjoni, u eżerċizzji fil-post tal-fruntieri, eċċ. Il-proġett ser jgħin ukoll biex jissaħħaħ il-kontroll tal-esportazzjonijiet permezz tal-infurzar tal-lista ta' kontroll tal-Unjoni tal-oġġetti b'użu doppju min-naħa tal-awtoritajiet doganali Ukreni.

Ġew identifikati l-oqsma għall-intervent li ġejjin:

analiżi u monitoraġġ tas-sustanzi kimiċi fi transitu;

kontroll fuq il-fruntiera u traffikar;

edukazzjoni u sensibilizzazzjoni;

introduzzjoni ta' regolamenti amministrattivi u operattivi rilevanti marbuta mas-sigurtà u s-sikurezza kimika;

rispons ta' emerġenza għal inċidenti waqt it-transitu.

3.3.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

Programmi nazzjonali ta' taħriġ żviluppati għas-Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna u s-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna dwar proċeduri ta' sigurtà u sikurezza kimika u l-ġestjoni ta' kriżi marbut mal-moviment transkonfinali ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u perikolużi minn punti tal-qsim tal-fruntiera fuq l-art, portijiet tal-baħar u ajruporti

Persunal imħarreġ, inkluż ħarrieġa nazzjonali mis- Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna u s-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna, kif ukoll l-awtoritajiet tat-trasport, fuq livell regolatorju, maniġerjali u operazzjonali

Kontroll imsaħħaħ tal-esportazzjonijiet u kapaċitajiet tal-infurzar imsaħħa għall-kontroll tal-moviment transkonfinali ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u perikolużi minn punti tal-qsim tal-fruntiera fuq l-art, portijiet tal-baħar u ajruporti

3.3.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Is-Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna

Is-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna

4.   Appoġġ amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-proġetti

Persunal iddedikat fis-Segretarjat tal-OSKE u fl-uffiċċju tal-Koordinatur tal-Proġett tal-OSKE fl-Ukrajna ser jikkoordina u jimmaniġġja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġetti stipulati fit-taqsima 3 sabiex jiġi żviluppat aktar il-qafas kollaborattiv bejn is-sħab Ukreni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' proposti ġodda għal proġetti u miżuri nazzjonali rilevanti.

Il-persunal ta' appoġġ ser iwettaq il-kompiti li ġejjin:

il-ġestjoni tal-proġetti tul il-passi kollha taċ-ċiklu tal-proġetti;

it-twettiq ta' sorveljanza finanzjarja ta' kuljum tal-proġetti;

l-għoti ta' għarfien espert tekniku u legali, l-appoġġ għall-għoti ta' kuntratti akbar, l-involviment ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, it-twettiq ta' assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll tal-kwalità tar-riżultati tanġibbli tal-proġetti approvati, ir-rapportar lill-Unjoni dwar l-attivitajiet kollha tal-PSSK;

l-appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni biex jiżviluppaw miżuri nazzjonali ġodda skont l-ICSSP f'konformità mal-UNSCR 1540 (2004).

5.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta' 36 xahar.

6.   Entità ta' implementazzjoni teknika

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata lis-Segretarjat tal-OSKE. Is-Segretarjat tal-OSKE ser jimplimenta l-attivitajiet taħt din id-Deċiżjoni f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali oħrajn, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ggarantiti sinerġiji effettivi u tiġi evitata d-duplikazzjoni mal-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi, b'koerenza mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

7.   Rapportar

Is-Segretarjat tal-OSKE ser iħejji rapporti regolari, kif ukoll rapporti wara li titlesta kull waħda mill-attivitajiet deskritti. Ir-rapporti finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Unjoni sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.

8.   Kumitat tat-Tmexxija

Il-Kumitat ta' Tmexxija għal dawn il-proġetti ser ikun magħmul minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli u rappreżentant tal-entità ta' implimentazzjoni msemmija fit-taqsima 6 ta' dan l-Anness. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser iwettaq rieżami regolarment tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, tal-anqas darba kull sitt xhur, inkluż permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettronika.

L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 1 431 156,90.

9.   Spiża totali stmata tal-proġetti u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 1 431 156,90.


Top