EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0957

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/957 tas-6 ta' Ġunju 2017 għat-tmiem tal-proċediment kontra d-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

C/2017/3693

ĠU L 144, 7.6.2017, p. 27–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/957/oj

7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/957

tas-6 ta' Ġunju 2017

għat-tmiem tal-proċediment kontra d-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fit-3 ta' Awwissu 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fetħet investigazzjoni antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' aċidu tereftaliku purifikat (“PTA”) u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (“il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”). Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-20 ta' Ġunju 2016 minn BP Aromatics Limited NV, Artland PTA SA u Indorama Ventures Quimica S.L.U. (“l-ilmentaturi”), li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali li jirriżulta, li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Il-partijiet interessati

(3)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet speċifikament lill-ilmentaturi, lill-produtturi esportaturi magħrufa oħrajn, lill-awtoritajiet Koreani, lill-importaturi magħrufa u lill-utenti dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom sabiex jipparteċipaw.

(4)

Partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjonijiet u jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.3.   Teħid ta' kampjuni

(5)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni stqarret li għandha mnejn tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(a)   Kampjunar ta' produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea

(6)

Il-Kummissjoni, sabiex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-Repubblika tal-Korea sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Korea għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tagħmel kuntatt ma' produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm minnhom, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(7)

Ħames produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tliet produtturi esportaturi bbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fil-ħin disponibbli. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufin kollha kkonċernati, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma saret l-ebda oġġezzjoni għall-kampjun propost.

(b)   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(8)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet se tibgħat il-kwestjonarju lis-sitt produtturi kollha magħrufa tal-prodott ikkonċernat. Minħabba n-numru żgħir, il-Kummissjoni ddeċidiet li t-teħid ta' kampjuni ma kienx meħtieġ.

(c)   Il-kampjunar tal-importaturi

(9)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(10)

Żewġ importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Minħabba n-numru żgħir, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

(d)   It-tweġibiet għall-kwestjonarju

(11)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun, lis-sitt produtturi tal-Unjoni, lid-disa' utenti u liż-żewġ importaturi magħrufa.

(12)

It-tweġibiet tal-kwestjonarji waslu mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun, mis-sitt produtturi tal-Unjoni, mit-12-il utent u miż-żewġ importaturi magħrufa.

(e)   Żjarat ta' verifika

(13)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha neċessarja għal determinazzjoni provviżorja ta' dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi esportaturi fil-Korea

Hanwha General Chemical Co. Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Samnam Petrolchemical Co. Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Taekwang Industrial Co. Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

 

Produtturi tal-Unjoni

Artlant PTA SA, Sines, il-Portugall

BP Aromatics Limited NV, Geel, il-Belġju

Indorama Ventures Europe B.V., Rotterdam, in-Netherlands

Indorama Ventures Quimica S.L.U., San Roque, Spanja

PKN Orlen SA, Płock, il-Polonja

 

Utenti

UAB Neo Group, Klaipeda, il-Litwanja

UAB Orion Global PET, Klaipeda, il-Litwanja

1.4.   Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(14)

L-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2015 sat-30 ta' Ġunju 2016 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-aċidu tereftaliku b'purità ta' 99,5 % bil-piż jew aktar u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (kodiċi TARIC 2917360010) (“il-prodott ikkonċernat”).

(16)

Il-PTA jinkiseb permezz tal-purifikazzjoni ta' aċidu tereftaliku mhux raffinat, li tirriżulta mir-reazzjoni bejn il-parassilin (PX) u solvent u soluzzjoni katalista.

(17)

Il-prodott ikkonċernat jintuża l-aktar bħala materja prima għas-sintetizzazzjoni ta' polimeri użati, pereżempju, il-produzzjoni ta' fibri ta' tessuti tal-poliester u fliexken tal-poli(etilene tereftalat) (PET).

2.2.   Prodott simili

(18)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat

il-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat kif ukoll

il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(19)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għaldaqstant prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(20)

L-ambitu tal-prodott definit fil-premessa (15) hawn fuq jinkludi varjanti ta' PTA li minbarra l-varjazzjoni l-aktar pura ta' PTA (“il-PTA l-aktar pur”) jinkludi wkoll l-hekk imsejjaħ aċidu tereftaliku kwalifikat (“QTA”) ta' kwalità medja u aċidu tereftaliku (iktar 'il quddiem l-“MTA”). Il-varjanti jistgħu jiġu identifikati essenzjalment permezz tal-livelli ta' purità. L-MTA u l-QTA għandhom livelli ogħla ta' impuritajiet mill-iktar PTA pur. Fi kwalunkwe każ, il-livell ta' impuritajiet f'kull wieħed minn dawn il-varjanti ma jaqbiżx 0,5 % u għalhekk huma kollha inklużi fid-definizzjoni tal-prodott stabbilit fil-premessa (15).

(21)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li QTA għandu jkun eskluż mill-kamp mill-applikazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat. Skont dawn il-partijiet, il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-QTA huma differenti minn dawk tal-PTA l-aktar pur u dawn id-differenzi jwasslu għal użi differenti. Huma argumentaw ukoll li l-proċessi tal-produzzjoni u l-użu ta' QTA huma differenti minn dawk tal-PTA l-aktar pur u li l-ispiża tal-produzzjoni u l-prezz tal-bejgħ ta' QTA huma aktar baxxi minn dawk tal-PTA -aktar pura.

(22)

Filwaqt li l-aktar PTA pur fih sa 0,01 % ta' impuritajiet, QTA jista' jkun fih sa 0,2 % ta' impuritajiet u hemm ukoll xi differenzi fit-tip ta' tal-impuritajiet ikkontenuti. Madankollu, minkejja din id-differenza ta' impuritajiet, il-formula kimika tal-varjanti kollha ta' PTA hija l-istess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenza relattivament żgħira fl-impuritajiet ma tbiddilx il-fatt li l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi bażiċi kollha tal-varjanti ta' PTA huma l-istess u għaldaqstant ma jiġġustifikawx l-esklużjoni tal-QTA mill-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat.

(23)

L-istess partijiet interessati sostnew ukoll li QTA u PTA pur għandhom użi differenti. Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenzi ma kinux sinifikanti sabiex jeskludu QTA mill-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat.

(24)

L-istess partijiet interessati sostnew ukoll li QTA u l-iktar PTA pur jiġu prodotti minn proċessi ta' produzzjoni differenti, jiġifieri li tekniki tal-produzzjoni li jipproduċu l-aktar PTA pur jiffokaw primarjament fuq ir-reazzjoni tal-ossidazzjoni, ir-raffinar u t-tnaqqis tar-reazzjoni, li jappartjeni għall-produzzjoni fi żewġ stadji filwaqt li t-teknika tal-produzzjoni QTA tiffoka l-iktar fuq ir-reazzjoni tal-ossidazzjoni preċiża u raffinar, li jappartjeni għal teknika ta' produzzjoni ta' stadju wieħed. Il-Kummissjoni sabet illi ż-żewġ proċessi ta' produzzjoni jużaw l-istess materja prima u l-proċessi u partijiet tagħhom huma fil-biċċa l-kbira simili.

(25)

L-istess partijiet interessati fl-aħħar sostnew li minħabba d-differenza bejn it-tekniki ta' stadju wieħed u b'żewġ stadji msemmija hawn fuq, l-ispiża tal-produzzjoni ta' tekniki QTA hija bejn 18 u EUR 36/MT orħos minn dik tal-PTA l-aktar pur. L-investigazzjoni sabet li d-differenza fl-ispiża tal-produzzjoni ma kinetx sinifikanti. Fi kwalunkwe każ, id-differenzi fl-ispejjeż ta' produzzjoni bħala tali mhumiex rilevanti sabiex jiġi ddefinit l-ambitu tal-prodott iżda pjuttost karatteristiċi tekniki, kimiċi u fiżiċi simili u l-użu bażiku. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(26)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata tenniet id-dikjarazzjonijiet tagħha li QTA għandu jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat minħabba d-differenzi fil-kompożizzjoni u l-kontenut tal-impuritajiet, id-differenzi fil-proċess tal-produzzjoni u l-ispejjeż ta' produzzjoni u użi. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn id-differenzi huma relattivament żgħar u ma jbiddlux il-konklużjoni li l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-użi bażiċi ta' kemm il-QTA kif ukoll tal-aktar PTA pur huma essenzjalment l-istess. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(27)

Għar-raġunijiet ta' hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet li jeskludu QTA mill-ambitu tal-prodott ġew miċħuda.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Valur normali

(28)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku għal kull produttur esportatur fil-kampjun kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur li jesporta jkun mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur tal-prodott simili fil-kampjun fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(29)

Il-Kummissjoni wara eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jkun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li għal kull produttur esportatur fil-kampjun, il-volum totali tal-bejgħ domestiku kien jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(30)

Il-Kummissjoni imbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall kalkolu tal-valur normali, b'konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(31)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku attwali, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ hux bi profitt jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew aktar mill-kost ikkalkulat tal-produzzjoni, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta' dan it-tip ta' prodott; kif ukoll

(b)

il-prezz tal-bejgħ medju ponderat huwiex daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(32)

F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku matul il-PI.

(33)

Għal wieħed mill-produtturi esportaturi l-kundizzjonijiet imsemmija fil-premessa 31 kienu sodisfatti u l-volum ta' bejgħ bi profitt ta' dan il-prodott kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili. Għal dan il-produttur esportatur, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, ikkalkulat bħala medja ponderata tal-bejgħ domestiku kollu.

(34)

Il-valur normali kien il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott tal-bejgħ domestiku bi profitt tat-tipi ta' prodotti matul il-PI, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ bi profitt jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali tal-bejgħ; jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta' dan it-tip ta' prodott ikun inqas mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità.

(35)

Għal żewġ produtturi esportaturi l-analiżi tal-bejgħ domestiku uriet li inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku kien bi profitt. Għaldaqstant, għal dawn iż-żewġ produtturi esportaturi l-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss.

(36)

Parti waħda argumentat li l-entità tagħha li tipproduċi l-PTA tifforma entità ekonomika waħda mal-fornitur relatat tal-materja prima ewlenija tagħha. Il-fornitur relatat iħallas ukoll dividendi lill-produttur tal-PTA fil-kampjun. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tnaqqas il-profitt magħmul mill-fornitur relatat fuq il-materja prima mibjugħa lil produttur tal-PTA fil-kampjun għall-produzzjoni tal-PTA għall-kalkolu tal-marġni ta' dumping. Il-kumpanija kienet ikkalkolat il-profitt li jrid jitnaqqas bħala d-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz totali tal-produzzjoni tal-materja prima.

(37)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba li l-produttur tal-PTA fil-kampjun u l-fornitur tal-materja prima relatat jifformaw entità ekonomika singola għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, l-investigazzjoni kkonfermat li l-produttur tal-PTA fil-kampjun m'għandux il-maġġoranza tal-ishma tal-fornitur relatat, li jfisser li hu m'għandux is-setgħa waħdanija ta' teħid ta' deċiżjonijiet fuq il-fornitur relatat. It-tieni, peress li l-bejgħ tal-materja prima kien jirrapreżenta biss parti żgħira tal-bejgħ totali relatat tal-fornitur tal-materja prima matul il-perjodu tal-investigazzjoni, ma hemm l-ebda rabta diretta bejn il-marġni ta' profitt għall-materja prima u d-dividendi li jiġu rċevuti.

(38)

It-tielet, il-fornitur relatat ma jbigħx materja prima esklussivament lill-produttur tal-PTA fil-kampjun, iżda wkoll lil klijenti oħra. Barra minn hekk, ibigħ ukoll għadd ta' prodotti oħra lil klijenti oħra. Għalhekk, ma hemm ebda rabta diretta bejn il-bejgħ ta' materja prima mill-fornitur relatat għall-produttur tal-PTA fil-kampjun u d-dividendi li hu jħallas lill-produttur tal-PTA fil-kampjun.

(39)

Ir-raba', il-produttur tal-PTA fix-kampjun jixtri l-materja prima mill-fornitur relatat bi prezzijiet li jinkludu profitt. Dawn il-prezzijiet huma konformi mal-prezzijiet li bihom hu jixtri l-istess materja prima minn fornituri mhux relatati.

(40)

Il-ħames, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-produttur PTA fil-kampjun mhumiex konsolidati mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-fornitur relatat.

(41)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, it-talba li l-produttur tal-PTA fil-kampjun jifforma entità ekonomika waħda mal-fornitur tal-materja prima relatat ġiet miċħuda. Konsegwentement, il-perċentwal tal-profitt impost mill-fornitur relatat għall-produttur tal-PTA fil-kampjun ma tnaqqasx mill-prezz tax-xiri.

(42)

Wara d-divulgazzjoni, żewġ partijiet interessati saqsew għaliex il-Kummissjoni ma applikatx mira ta' profitt sabiex jiġi definit il-proporzjon ta' bejgħ bi profitt fis-suq domestiku fid-determinazzjoni tal-valur normali. Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, il-parametru referenzjarju rilevanti għal tranżazzjonijiet bi profitt huma l-kostijiet medji ta' produzzjoni ta' unità (fissi u varjabbli) flimkien mal-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u dawk amministrattivi. Il-kunċett ta' mira ta' profitt ma huwiex rilevanti f'dan il-kuntest u, għaldaqstant, dan l-argument ġie rrifjutat.

(43)

L-istess partijiet esprimew dubju wkoll dwar għaliex il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tal-proporzjon ta' bejgħ bi profitt fuq bażi ta' kull xahar. L-investigazzjoni ma stabbilixxiet l-ebda raġuni għala l-analiżi tal-bejgħ bi profitt jew id-determinazzjoni tal-valur normali għandha tiddevja mill-metodoloġija standard, li huwa l-użu tal-medja ponderata tal-valur normali bbażat fuq tranżazzjonijiet li seħħew matul il-perjodu kollu tal-investigazzjoni. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

3.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(44)

Il-produtturi esportaturi fil-kampjun esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil konsumaturi indipendenti jew inkella permezz ta' kumpaniji esportaturi relatati li jinsabu 'l barra mill-Unjoni.

(45)

Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li tħallas realment jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(46)

Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta' kumpaniji relatati, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(47)

F'każ li l-produtturi esportaturi esportaw il-prodott konċernat permezz ta' kumpaniji tan-negozju li mhumiex relatati li jinsabu barra mill-Unjoni, l-ewwel ġie stabbilit li l-bejgħ lil kumpaniji kummerċjali mhux relatati kien tabilħaqq il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. F'dan il-każ il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz attwalment imħallas jew li jista' jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.3.   Paragun

(48)

Il-Kummissjoni pparagunat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ex-works.

(49)

Fejn kien iġġustifikat bil-ħtieġa ta' tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezz, b'konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, il-ġestjoni u t-tagħbija, l-imballaġġ, il-kostijiet bankarji, l-ispejjeż tal-kreditu u l-kummissjonijiet.

3.4.   Il-marġnijiet tad-dumping

(50)

Għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni paragunat il-valur normali medju ponderat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(51)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping medji peżati, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Il-marġni tad-dumping (%)

Hanwha General Chemical Co. Ltd

3,5

Samnam Petrolchemical Co. Ltd

0,3

Taekwang Industrial Co. Ltd

0,0

(52)

Il-ħames produtturi esportaturi li kkooperaw imsemmija fil-premessa 7 kienu jirrappreżentaw l-esportazzjonijiet kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat, u t-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 75 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(53)

Il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-livell għoli ta' kooperazzjoni, il-livell għoli ta' rappreżentattività tal-kampjun imsemmi fil-premessa 52 iktar 'il fuq kif ukoll il-fatt li kien biss wieħed mill-esportaturi fil-kampjun li kellu marġini ta' dumping aktar mid-de minimis kif imsemmi fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, sabiex jiġi vvalutat jekk il-marġni ta' dumping għal produtturi esportaturi barra mill-kampjun, kien iktar baxx mid-de minimis, ġie stabbilit marġini medju peżat ta' dumping tal-pajjiż. Instab li dan il-marġni kien iktar baxx mill-livell de minimis, jiġifieri 0,8 %.

(54)

Wara d-divulgazzjoni, żewġ partijiet interessati saqsew għaliex il-marġni ta' dumping stabbilit għal Hanwha (3,5 %) ma kienx applikat għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun. Kif spjegat fil-premessa 53 hawn fuq, il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-livell għoli ta' kooperazzjoni, il-livell għoli ta' rappreżentattività tal-kampjun kif ukoll il-fatt li kien biss wieħed mill-esportaturi fil-kampjun li kellu marġni ta' dumping ogħla mil-livell de minimis. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istima l-aktar raġonevoli għall-marġni ta' dumping għal produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun u għall-marġini ta' dumping għall-pajjiż kollu għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' tqabbil ta' valur normali medju peżat ma' prezz tal-esportazzjoni medju ponderat għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kif deskritt hawn fuq. Huwa mfakkar ukoll li l-istess metodoloġija kienet applikata f'każ simili qabel (3). Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(55)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata minnhom iddikjarat li kien hemm differenzi bejn l-istatistika tal-esportazzjoni Koreana u l-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat. Barra minn hekk, fid-dawl ta' dan, din il-parti esprimiet dubji dwar l-affidabbiltà tad-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi u użata mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat il-marġini tad-dumping. Il-Kummissjoni kkonfermat li wara l-prattika stabbilita u kif spjegat fil-premessa 52 hawn fuq, l-esportazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienu bbażati fuq id-dejta tal-Eurostat. Huwa mfakkar ukoll li kif spjegat fil-premessa 13 hawn fuq, il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa għad-determinazzjoni ta' dumping, u li d-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi kienet ivverifikata kif xieraq f'konformità mal-prattika stabbilita. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(56)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata waħda ressqet ipoteżi differenti u xenarji alternattivi rigward ir-relazzjoni bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, u saqsa jekk jiġix applikat il-prezz tal-esportazzjoni u l-valuri normali fuq il-bażi ta' dawn ix-xenarji kienx jirriżulta f'marġnijiet tad-dumping differenti. Il-Kummissjoni fakkret li l-kalkoli tad-dumping kienu bbażati fuq dejta attwali verifikata tat-tranżazzjoni u li dawn għandhom ikunu stabbiliti billi tintuża l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Ix-xenarji alternattivi ppreżentati minn din il-parti interessata ma kinux skont ir-Regolament bażiku u għalhekk ġew miċħuda.

(57)

Fir-rigward tal-marġni tad-dumping de minimis mal-pajjiż, ma għandhomx jiġu imposti miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-PTA li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea.

4.   ĦSARA, KAWŻALITÀ U L-INTERESS TAL-UNJONI

(58)

Fid-dawl tas-sejbiet li ssemmew hawn fuq fir-rigward tad-dumping mhuwiex ikkunsidrat neċessarju li tiġi ppreżentata analiżi dwar il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni.

(59)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata ddubitat ir-raġunijiet għaż-żieda tal-esportazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea lejn l-Unjoni mill-2012. Kif spjegat hawn fuq, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tad-dumping, mhuwiex ikkunsidrat neċessarju li tiġi ppreżentata analiżi dwar il-ħsara. Għalhekk, din it-talba ġiet rifjutata.

5.   TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(60)

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, il-proċediment għalhekk għandu jitwaqqaf peress li l-marġni tad-dumping determinat għar-Repubblika tal-Korea huwa inqas minn 2 %. Il-partijiet interessati ġew infurmati b'dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(61)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment tal-antidumping rigward l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea għandu jitwaqqaf mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri tal-antidumping.

(62)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku b'purità ta' 99,5 % bil-piż jew aktar u l-melħ tiegħu li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (kodiċi TARIC 2917360010) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea, huwa b'hekk terminat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea (ĠU C 281, 3.8.2016, p. 18).

(3)  Ara l-premessi 27 sa 30 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/32/UE tad-19 ta' Jannar 2011 li jtemmu l-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja (ĠU L 15, 20.1.2011, p. 22).


Top