EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1052

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1052 tat-8 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-kundizzjonijiet applikabbli għal programmi ta' riakkwist u miżuri ta' stabbilizzazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1357

ĠU L 173, 30.6.2016, p. 34–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1052/oj

30.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/34


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1052

tat-8 ta' Marzu 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-kundizzjonijiet applikabbli għal programmi ta' riakkwist u miżuri ta' stabbilizzazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni mill-projbizzjonijiet tal-abbuż tas-suq, in-negozjar f'ishma proprji fi programmi ta' riakkwist u n-negozjar ta' titoli jew strumenti assoċjati għall-istabbilizzazzjoni ta' titoli għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u f'dan ir-Regolament.

(2)

Għalkemm ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jippermetti l-istabbilizzazzjoni permezz ta' strumenti assoċjati, l-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet relatati ma' programmi ta' riakkwist għandha tkun limitata għal negozjar attwali fl-ishma proprji tal-emittent u ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet f'derivattivi finanzjarji.

(3)

Billi t-trasparenza hija prerekwiżit għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq, huwa importanti li jiġi żgurat li jiġi żvelat jew irrappurtat tagħrif xieraq qabel, matul u wara negozjar f'ishma proprji fi programmi ta' riakkwist u n-negozjar għall-istabbilizzazzjoni tat-titoli.

(4)

Sabiex ikun hemm prevenzjoni tal-abbuż tas-suq, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet rigward il-prezz tax-xiri u l-volum permess ta' kuljum tan-negozjar f'ishma proprji fi programmi ta' riakkwist (“buy-back”). Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni ta' dawn il-kundizzjonijiet, it-tranżazzjonijiet ta' riakkwist għandhom isiru f'ċentru tan-negozjar fejn l-ishma tal-emittent ikunu ammessi għan-negozjar jew innegozjati. Madankollu, it-tranżazzjonijiet negozjati li ma jikkontribwixxux għall-formazzjoni tal-prezz jistgħu jintużaw għall-finijiet ta' programm ta' riakkwist u jibbenefikaw mill-eżenzjoni, sakemm ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha msemmija fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u f'dan ir-Regolament.

(5)

Biex jiġi evitat ir-riskju ta' abbuż mill-eżenzjoni għal negozjar f'ishma proprji fi programmi ta' riakkwist, huwa importanti li dan ir-Regolament jistabbilixxi restrizzjonijiet fir-rigward tat-tip ta' tranżazzjonijiet li emittent jista' jagħmel matul programm ta' riakkwist u l-perjodi li fihom isir negozjar fl-ishma proprji tiegħu. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom għalhekk jimpedixxu l-bejgħ tal-ishma proprji mill-emittent matul il-perjodu ta' programm ta' riakkwist u jikkunsidraw li jista' jkun hemm projbizzjonijiet temporanji għall-kummerċ fl-emittent u l-fatt li emittent jista' jkollu raġunijiet leġittimi biex idewwem id-divulgazzjoni pubblika ta' tagħrif minn ġewwa.

(6)

L-istabbilizzazzjoni tat-titoli hija intenzjonata sabiex tipprovdi sostenn għall-prezz ta' offerta tat-titoli inizjali jew sekondarja matul perjodu limitat ta' żmien jekk it-titoli jinġiebu taħt pressjoni ta' bejgħ, u b'hekk tittaffa l-pressjoni tal-bejgħ iġġenerata mill-investituri fuq perjodu qasir u jinżamm suq bl-ordni f'dawn it-titoli. B'dan il-mod tikkontribwixxi għal fiduċja akbar tal-investituri u tal-emittenti fis-swieq finanzjarji. Għalhekk, fl-interess ta' investituri li jkunu ssottoskrivew jew xtraw it-titoli fil-kuntest ta' distribuzzjoni sinifikanti, u fl-interess tal-emittent, in-negozjar fi blokok li jkunu strettament tranżazzjonijiet privati ma għandhomx jitqiesu bħala distribuzzjoni sinifikanti ta' titoli.

(7)

Fil-kuntest ta' offerti pubbliċi inizjali, ċerti Stati Membri jippermettu l-kummerċ qabel il-bidu tal-kummerċ uffiċjali f'suq regolat. Dan spiss jissejjaħ “when issued trading”. Għalhekk, dan għandu jkun possibbli għall-finijiet tal-eżenzjoni għall-istabbilizzazzjoni ta' titoli li l-perjodu ta' stabbilizzazzjoni jibda qabel il-bidu tal-kummerċ uffiċjali sakemm ċerti kundizzjonijiet ta' trasparenza u ta' kummerċ ikunu ssodisfati.

(8)

L-integrità tas-suq teħtieġ l-iżvelar pubbliku adegwat ta' miżuri ta' stabbilizzazzjoni. Ir-rappurtar tat-tranżazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni huwa wkoll neċessarju sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jissorveljaw il-miżuri ta' stabbilizzazzjoni. Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-investitur, tiġi ppreżervata l-integrità tas-swieq u jipi skoraġġit l-abbuż mis-suq, huwa importanti wkoll li l-awtoritajiet kompetenti, fit-twettiq tal-attivitajiet superviżorji tagħhom, ikunu konxji ta' kull tranżazzjoni ta' stabbilizzazzjoni, irrispettivament minn jekk isiru f'ċentru tan-negozjar kif barra minnu. Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi ċċarata minn qabel id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-emittenti, l-offerenti, jew l-entitajiet li jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni fir-rigward tat-twettiq ta' rekwiżiti applikabbli ta' rapportar u ta' trasparenza. Tali diviżjoni ta' responsabbiltajiet għandha tieħu f'kunsiderazzjoni min ikun fil-pussess ta' informazzjoni rilevanti. L-entità maħtura għandha tkun ukoll responsabbli li twieġeb għal kull talba mill-awtorità kompetenti f'kull Stat Membru kkonċernat. Sabiex jiġi żgurat aċċess faċli għal kull investitur jew parteċipant fis-suq, l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata qabel il-bidu tal-offerta inizjali jew sekondarja tat-titoli li għandhom jiġu stabbilizzati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (2), tkun bla ħsara għar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament.

(9)

Għandu jkun hemm fil-post kordinament adegwat bejn id-ditti kollha tal-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu li jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni. Matul l-istabbilizzazzjoni, azjenda ta' investiment jew istituzzjoni tal-kreditu waħda għandha taġixxi bħala punt ċentrali ta' investigazzjoni għal kull intervent regolatorju mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull wieħed mill-Istati Membri interessati.

(10)

Biex jiġu pprovduti riżorsi u kopertura għall-attività tal-istabbilizzazzjoni, għandhom ikunu permessi l-istabbilizzazzjoni anċillarja fil-forma tal-eżerċizzju ta' sovrallokazzjoni jew inkella l-għażliet hekk imsejħa “greenshoe”. Madankollu, huwa importanti li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet rigward it-trasparenza ta' tali stabbilizzazzjoni anċillarja u l-mod kif din tiġi eżerċitata, inkluż il-perjodu li matulu tista' titwettaq. Barra minn dan, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-eżerċizzju ta' faċilità ta' sovrallokazzjoni minn ditta tal-investiment jew minn istituzzjoni tal-kreditu għall-iskop ta' stabbilizzazzjoni meta jirriżulta f'posizzjoni mhux koperta bil-għażla “greenshoe”.

(11)

Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni, l-istabbilizzazzjoni għandha titwettaq b'tali mod li jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq u l-prezz tal-offerti tat-titoli. Tranżazzjonijiet sabiex jillikwidaw posizzjonijiet li kienu ġew stabbiliti bħala riżultat ta' miżuri ta' stabbilizzazzjoni għandhom isiru biex jimminimizzaw l-impatt tas-suq, b'kunsiderazzjoni xierqa mogħtija għall-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Billi l-għan tal-istabbilizzazzjoni hu li jiġi sostnut il-prezz, il-bejgħ ta' titoli li jkunu ġew akkwistati permezz ta' xiri ta' stabbilizzazzjoni, inkluż bejgħ sabiex tiġi ffaċilitata attività sussegwenti ta' stabbilizzazzjoni, ma għandux jitqies li jkun għall-finijiet ta' sostenn tal-prezzijiet. La dan il-bejgħ u lanqas ix-xirjiet sussegwenti ma għandhom jiġu kkunsidrati abbużivi fihom infushom, anki jekk huma ma jkunux jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(13)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(14)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DIŻPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“programm ta' riakkwist skedat biż-żmien” tfisser programm ta' riakkwist li fih id-dati u l-kwantitajiet tat-titoli li jridu jiġu kkummerċjati matul il-perjodu taż-żmien tal-programm jiġu ddikjarati fil-mument tad-divulgazzjoni pubblika tal-programm ta' riakkwist;

(b)

“divulgazzjoni pubblika adegwata” tfisser il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni b'tali mod li jippermetti aċċess rapidu u sħiħ, valutazzjoni korretta u f'waqtha tal-informazzjoni mill-pubbliku skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1055 (4) u, fejn applikabbli, fil-mekkaniżmu maħtur uffiċjalment imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(c)

“offerent” tfisser il-pussessur ta' qabel, jew l-entità tal-ħruġ, tat-titoli;

(d)

“tqassim” tfisser il-proċess jew il-proċessi li bihom jiġi stabbilit in-numru ta' titoli li jridu jiġu rċevuti minn investituri li preċedentement ikunu ssottoskrivew u applikaw għalihom;

(e)

“stabbilizzazzjoni anċillarja” tfisser l-eżerċizzju tal-faċilità tas-sovrallokazzjoni jew ta' għażla “greenshoe” mid-ditti tal-investment jew l-istituzzjonijiet tal-kreditu, fil-kuntest ta' distribuzzjoni sinifikanti ta' titoli, esklussivament sabiex tiġi ffaċilita l-attivita ta' stabbilizzazzjoni;

(f)

“faċilita ta' sovrallokazzjoni” tfisser klawżola fil-ftehim tas-sottoskrizzjoni jew il-ftehim tal-ġestjoni prinċipali li tippermetti l-aċċettazzjoni ta' sottoskrizzjonijiet jew offerti għax-xiri ta' numru iktar ta' titoli milli offruti oriġinarjament;

(g)

“għażla greenshoe” tfisser għażla konċessa mill-offerent favur ditta/ditti tal-investiment jew istituzzjoni/jiet tal-kreditu involuti fl-offerta bil-għan li tkopri s-sovrallokazzjonijiet, li skont it-termini tagħha din/dawn id-ditta/ditti jew istituzzjoni/jiet ikunu jistgħu jixtru sa ċertu ammont ta' titoli bil-prezz tal-offerta għal ċertu perjodu taż-żmien wara l-offerta tat-titoli.

KAPITOLU II

PROGRAMMI TA' RIAKKWIST

Artikolu 2

Obbligi ta' divulgazzjoni u rappurtar

1.   Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, qabel il-bidu tan-negozjar fi programm ta' riakkwist permess skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-emittent jara li jkun hemm id-divulgazzjoni pubblika adegwata tat-tagħrif li ġej:

(a)

l-iskop tal-programm kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

(b)

l-ammont finanzjarju massimu allokat għall-programm;

(c)

in-numru massimu ta' ishma li għandhom jiġu akkwistati;

(d)

il-perjodu li għalih tkun ingħatat awtorizzazzjoni għall-programm (minn hawn 'il quddiem: “il-perjodu tal-programm”).

L-emittent jara li ssir divulgazzjoni pubblika adegwata ta' bidliet sussegwenti għall-programm u għall-informazzjoni li diġà tkun ippubblikata skont l-ewwel subparagrafu.

2.   L-emittent ikollu mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettulu li jkun jista' jissodisfa l-obbligi ta' rappurtar lill-awtorità kompetenti u li jirreġistraw kull tranżazzjoni li jkollha x'taqsam ma' programm ta' riakkwist, inkluża l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. L-emittent jirrapporta lill-awtorità kompetenti ta' kull ċentru tan-negozjar, li fih jiġu ammessi ishma għan-negozjar jew jiġu nnegozjati mhux aktar tard minn tmiem is-seba' sessjoni ta' kuljum tas-suq wara d-data tat-twettiq tat-tranżazzjoni, it-tranżazzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-programm ta' riakkwist, f'forma dettaljata u f'forma aggregata. Il-forma aggregata tindika l-volum aggregat u l-prezz medju ponderat għal kull jum u għal kull ċentru tan-negozjar.

3.   L-emittent jara li jkun hemm divulgazzjoni pubblika adegwata dwar it-tranżazzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-programmi ta' riakkwist li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 mhux iktar tard minn tmiem is-seba' sessjoni ta' kuljum tas-suq wara d-data tat-twettiq ta' tali tranżazzjonijiet. L-emittent iqiegħed ukoll fuq is-sit web tiegħu t-tranżazzjonijiet divulgati u jżomm dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin mid-data tad-dvulgazzjoni pubblika adegwata.

Artikolu 3

Il-kundizzjonijiet għall-kummerċ

1.   Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, it-tranżazzjonijiet relatati ma' programmi ta' riakkwist jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ishma jinxtraw mill-emittent f'ċentru tan-negozjar fejn l-ishma huma ammessi għan-negozjar jew innegozjati;

(b)

fil-każ ta' ishma nnegozjati kontinwament f'ċentru tan-negozjar, l-ordnijiet ma jitqegħdux matul fażi ta' irkant u l-ordnijiet imqiegħda qabel il-bidu tal-fażi tal-irkant ma jiġux immodifikati waqt din il-fażi;

(c)

fil-każ ta' ishma nnegozjati biss f'post tan-negozjar permezz ta' rkantijiet, l-ordnijiet isiru u jiġu modifikati mill-emittent matul l-irkant bil-kundizzjoni li parteċipanti oħra tas-suq jkollhom biżżejjed żmien biex jirreaġixxu għalihom.

2.   Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti, fl-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet permezz tal-programm ta' riakkwist, ma jixtrux ishma bi prezz ogħla mill-prezz iktar għoli tal-aħħar negozjar indipendenti u l-ogħla offerta indipendenti korrenti ta' xiri fiċ-ċentru tan-negozjar fejn isir ix-xiri, inkluż meta l-ishma jkunu nnegozjati f'ċentri tan-negozjar differenti.

3.   Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti, fl-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet permezz ta' programm ta' riakkwist, ma jixtrux fi kwalunkwe jum ta' negozjar aktar minn 25 % tal-volum medju ta' kuljum tal-ishma fiċ-ċentri tan-negozjar li fih isir ix-xiri.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-volum medju ta' kuljum ikun imsejjes fuq il-volum medju ta' kuljum innegozjat matul xi wieħed mill-perjodi li ġejjin:

(a)

fix-xahar ta' qabel ix-xahar tad-divulgazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 2(1); tali volum fiss issir referenza għalih fil-programm ta' riakkwist u japplika għall-perjodu ta' dak il-programm;

(b)

l-20 jum ta' kummerċ ta' qabel id-data tax-xiri, meta l-programm ma jagħmel l-ebda riferiment għal dan il-volum.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fuq il-kummerċ

1.   Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittent, għal kemm idum il-programm ta' riakkwist, ma jidħolx fl-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-bejgħ ta' ishma proprji;

(b)

negozju matul il-perjodu magħluq li ssir referenza għalih fl-Artikolu 19(11) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

(c)

negozju fejn l-emittent ikun iddeċieda li jdewwem id-divulgazzjoni pubblika tat-tagħrif privileġġat skont l-Artikolu 17(4) jew (5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

2.   Il-paragrafu 1 ma japplikax meta:

(a)

l-emittent ikollu programm ta' riakkwist skedat biż-żmien: jew

(b)

il-programm ta' riakkwist ikun ġestit u mmexxi minn ditta tal-investiment jew minn istituzzjoni tal-kreditu li tagħmel id-deċiżjonijiet ta' negozju tagħha rigward meta tagħmel ix-xiri tal-ishma tal-emittent b'mod indipendenti mill-emittent.

3.   Il-punt (a) tal-paragrafu 1 ma japplikax jekk l-emittent ikun ditta tal-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu u jkun stabbilixxa, implimenta u jżomm arranġamenti u proċeduri interni adegwati u effettivi, taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti, sabiex jipprevjeni divulgazzjoni illegali ta' informazzjoni privileġġata minn persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni privileġġata li tirrigwarda, direttament jew indirettament, lill-emittent lil persuni responsabbli għal kull deċiżjoni rigward il-kummerċ tal-ishma proprji, waqt il-kummerċ fl-ishma proprji abbażi ta' tali deċiżjoni.

4.   Il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 ma japplikawx jekk l-emittent ikun ditta tal-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu u jkun stabbilixxa, implimenta u jżomm arranġamenti u proċeduri interni adegwati u effettivi, taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti, sabiex jipprevjeni divulgazzjoni illegali ta' informazzjoni privileġġata minn persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni privileġġata li tirrigwarda, direttament jew indirettament, lill-emittent, inklużi deċiżjonijiet ta' akkwist permezz tal-programm ta' riakkwist, lil persuni responsabbli għall-kummerċ ta' ishma proprji f'isem klijenti, waqt in-negozjar ta' ishma proprji f'isem dawk il-klijenti.

KAPITOLU III

MIŻURI TA' STABBILIZZAZZJONI

Artikolu 5

Kundizzjonijiet rigward il-perjodu ta' stabbilizzazzjoni

1.   Rigward l-ishma u titoli oħra ekwivalenti għall-ishma, il-perjodu limitat li ssir referenza għalih fl-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 (minn hawn 'il quddiem “il-perjodu ta' stabbilizzazzjoni”):

(a)

fil-każ ta' distribuzzjoni sinifikanti fil-forma ta' offerta inizjali mħabbra pubblikament, jibda fid-data tal-bidu tan-negozjar tat-titoli fiċ-ċentru tan-negozjar konċernat u jintemm mhux aktar tard minn 30 jum tal-kalendarju wara dan.

(b)

fil-każ ta' distribuzzjoni sinifikanti fil-forma ta' offerta sekondarja, jibda fid-data ta' divulgazzjoni pubbliku adegwata tal-prezz finali tat-titoli u jintemm mhux iktar tard minn 30 jum tal-kalendarju wara d-data tat-tqassim.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, meta l-offerta inizjali mħabbra pubblikament issir fi Stat Membru li jippermetti n-negozjar qabel il-bidu tan-negozjar f'ċentru tan-negozjar, il-perjodu ta' stabbilizzazzjoni jibda fid-data tad-divulgazzjoni pubblika adegwata tal-prezz finali tat-titoli u jdum mhux aktar tard minn 30 jum tal-kalendarju wara dan. Tali negozjar isir f'konformità mar-regoli applikabbli taċ-ċentru tan-negozjar li fih it-titoli jkun sejrin jiġu ammessi għan-negozjar, inkluża kull regola li tirrigwarda d-divulgazzjoni pubblika u r-rappurtaġġ tan-negozjar.

3.   Fil-każ ta' bonds u forom oħra ta' dejn titolizzat, inkluż dejn titolizzat konvertibbli jew li jista' jiġi skambjat f'ishma jew f'titoli ekwivalenti għall-ishma, il-perjodu ta' stabbilizzazzjoni jibda mid-data tad-divulgazzjoni pubblika adegwata tat-termini tal-offerta tat-titoli u jintemm jew mhux iktar tard minn 30 jum tal-kalendarju wara d-data li fiha l-emittent tal-istrumenti jkun irċieva l-introjtu mill-ħruġ, jew mhux iktar tard minn 60 jum tal-kalendarju wara d-data tat-tqassim tat-titoli, liema minnhom tiġi l-ewwel.

Artikolu 6

Obbligi ta' divulgazzjoni u rappurtar

1.   Qabel il-bidu tal-offerta inizjali jew sekondarja tat-titoli, il-persuna maħtura skont il-paragrafu 5 tiżgura divulgazzjoni pubblika adegwata tat-tagħrif li ġej:

(a)

il-fatt li din l-istabbilizzazzjoni mhux neċessarjament li sseħħ u li tista' tintemm f'kull mument;

(b)

il-fatt li t-tranżazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni għandhom l-għan li jsostnu l-prezz tas-suq tat-titoli matul il-perjodu ta' stabbilizzazzjoni;

(c)

il-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta' stabbilizzazzjoni, li matulu tista' sseħħ l-istabbilizzazzjoni;

(d)

l-identità tal-entità li tkun qiegħda twettaq l-istabbilizzazzjoni, sakemm din ma tkunx magħrufa fil-mument tad-divulgazzjoni, f'liema każ tkun suġġetta għal divulgazzjoni pubblika xierqa qabel ma tibda l-istabbilizzazzjoni;

(e)

l-eżistenza ta' kull faċilità ta' sovrallokazzjoni jew għażla “greenshoe” u l-għadd massimu ta' titoli koperti minn dik il-faċilità jew għażla, il-perjodu li matulu l-għażlai “greenshoe” tista' tiġi eżerċitata u kull kundizzjoni għall-użu tal-faċilità ta' sovrallokazzjoni jew eżerċizzju tal-għażla “greenshoe”; kif ukoll

(f)

il-post fejn l-istabbilizzazzjoni tista' ssir inkluż, fejn rilevanti, l-isem taċ-ċentru/ċentri tan-negozjar.

2.   Matul il-perjodu ta' stabbilizzazzjoni, il-persuni maħtura skont il-paragrafu 5 jaraw li jkun hemm divulgazzjoni pubblika adegwata tad-dettalji tat-tranżazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni kollha mhux iktar tard minn tmiem is-seba' sessjoni ta' kuljum tas-suq wara d-data tat-twettiq ta' dawn it-tranżazzjonijiet.

3.   Fi żmien ġimgħa minn tmiem il-perjodu ta' stabbilizzazzjoni, il-persuna maħtura skont il-paragrafu 5 tiżgura divulgazzjoni pubblika adegwata tat-tagħrif li ġej:

(a)

jekk tkunx saret l-istabbilizzazzjoni jew le;

(b)

id-data li fiha tkun bdiet l-istabbilizzazzjoni;

(c)

id-data li fiha tkun seħħet l-istabbilizzazzjoni l-aħħar darba;

(d)

il-firxa tal-prezzijiet li fihom tkun twettqet l-istabbilizzazzjoni, għal kull waħda mid-dati li matulhom ikunu twettqu t-tranżazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni.

(e)

iċ-ċentru/ċentri tan-negozjar li fihom ikunu twettqu t-tranżazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni, fejn applikabbli.

4.   Għall-finijiet ta' konformità mar-rekwiżit ta' notifika stabbilit fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-entitajiet li jwettqu stabbilizzazzjoni, kemm jekk jaġixxu f'isem l-emittent jew l-offerent, kemm jew le, jirreġistraw kull ordni jew tranżazzjoni ta' stabbilizzazzjoni f'titoli u strumenti assoċjati skont l-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 26(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-entitajiet li jwettqu l-istabbilizzazzjoni, kemm jekk jaġixxu f'isem l-emittent jew l-offerent, kemm jekk le, jinnotifikaw kull tranżazzjoni ta' stabbilizzazzjoni f'titoli u strumenti assoċjati li jkunu saru lil:

(a)

l-awtorità kompetenti ta' kull ċentru tan-negozjar li fiha t-titoli fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni jkunu ammessi għan-negozjar jew huma nnegozjati;

(b)

l-awtorità kompetenti ta' kull ċentru tan-negozjar fejn jitwettqu t-tranżazzjonijiet fi strumenti assoċjati għall-istabbilizzazzjoni tat-titoli,

5.   L-emittent, l-offerent u kull entità li twettaq l-istabbilizzazzjoni, kif ukoll il-persuni li jaġixxu f'isimhom, jaħtru wieħed minnhom biex jaġixxi bħala punt ċentrali responsabbli:

(a)

għar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni pubblika li ssir referenza għaliha fil-paragrafi 1, 2 u 3; kif ukoll

(b)

biex tittratta xi talba li ssir minn xi waħda mill-awtoritajiet kompetenti li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 4.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet tal-prezz

1.   Fil-każ ta' offerta ta' ishma jew ta' titoli oħra ekwivaenti ta' ishma, l-istabbilizzazzjoni tat-titoli fl-ebda ċirkostanza ma ssir bi prezz ogħla mill-prezz tal-offerta.

2.   Fil-każ ta' offerta ta' dejn titolizzat konvertibbli jew li jista' jiġi skambjat f'ishma jew f'titoli oħra ekwivalenti ta' ishma, l-istabbilizzazzjoni ta' dawn l-istrumenti ta' dejn fl-ebda ċirkustanza ma ssir bi prezz ogħla l-prezz tas-suq ta' dawk l-istrumenti fil-mument tad-divulgazzjoni pubblika tal-kundizzjonijiet finali tal-offerta l-ġdida.

Artikolu 8

Il-kundizzjonijiet għall-istabbilizzazzjoni anċillarja

L-istabbilizzazzjoni anċillari ssir f'konformita mal-Artikoli 6 u 7 u tkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-titoli għandhom jiġu sovrallokati biss matul il-perjodu tas-sottoskrizzjoni bil-prezz tal-offerta;

(b)

pożizzjoni li tirriżulta mill-eżerċizzju ta' faċilita ta' sovrallokazzjoni minn ditta tal-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu li ma tkunx koperta mill-għażla “greenshoe” ma taqbiżx il-5 % tal-offerta oriġinali;

(c)

l-għażla “greenshoe” tiġi eżerċitata mill-benefiċjarji ta' tali għażla biss meta t-titoli jkunu ġew sovrallokati;

(d)

l-għażla “greenshoe” ma tammontax għal iktar minn 15 % tal-offerta oriġinali;

(e)

il-perjodu li matulu l-għażla “greenshoe” tkun tista' tiġi eżerċitata jkun l-istess bħall-perjodu tal-istabbilizzazzjoni skont l-Artikolu 5;

(f)

l-eżerċizzju tal-għażla “greenshoe” jiġi divulgat lill-pubbliku fil-pront, flimkien mad-dettalji kollha approprjati, inklużi b'mod partkolari d-data tal-eżerċizzju tal-għażla u n-numru u n-natura tat-titoli involuti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum li jsegwi dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1055 tad-29 ta' Ġunju 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi tekniċi għall-iżvelar pubbliku xieraq ta' informazzjoni privileġġata u biex jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara paġna 47 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(6)  Id-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 74).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).


Top