EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0638

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/638 tat-22 ta' April 2016 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/2308

ĠU L 108, 23.4.2016, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/638/oj

23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/28


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/638

tat-22 ta' April 2016

li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet iz-Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/418 (4) talab lin-notifikatur biex sat-30 ta' Ġunju 2015 jippreżenta informazzjoni ta' konferma dwar l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, inkluża l-informazzjoni dwar kull impurità rilevanti.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

(3)

In-notifikatur ma ppreżentax l-informazzjoni ta' konferma mitluba sal-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2015. Fl-10 ta' Settembru 2015, dan informa lill-Kummissjoni b'email li din l-informazzjoni mhux beħsiebu jippreżentaha.

(4)

Konsegwentement jixraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni taz-Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat.

(5)

Għaldaqstant l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iz-Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat.

(7)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iz-Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Irtirar tal-approvazzjoni

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat hija rtirata.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 258, Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat, hija mħassra.

Artikolu 3

Miżuri tranżitorji

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iz-Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat bħala sustanza attiva sat-13 ta' Novembru 2016.

Artikolu 4

Perjodu ta' grazzja

Kull perjodu ta' grazzja mogħti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mit-13 ta' Novembru 2017.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/418 tat-12 ta' Marzu 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 dwar il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Z-13-eżadeken-11-in-1-il aċetat (ĠU L 68, 13.3.2015, p. 36).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


Top