Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1910

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1910 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-ekwivalenza ta' rekwiżiti ta' rappurtar ta' ċerti pajjiżi terzi dwar il-pagamenti lill-gvernijiet għar-rekwiżiti ta' Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/6861

ĠU L 295, 29.10.2016, p. 82–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1910/oj

29.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/82


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1910

tat-28 ta' Ottubru 2016

dwar l-ekwivalenza ta' rekwiżiti ta' rappurtar ta' ċerti pajjiżi terzi dwar il-pagamenti lill-gvernijiet għar-rekwiżiti ta' Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi:

(1)

L-iskop ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza stabbilita fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/34/UE huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv u li jiġu evitati kwistjonijiet ta' rapportar doppju għal impriżi kbar u l-entitajiet ta' interess pubbliku kollha attivi fl-industrija estrattiva jew fil-qtugħ ta' foresti primarji li jħejju u jippubblikaw rapporti dwar il-pagamenti lill-gvernijiet imsemmija fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 2013/34/UE. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/109/KE, l-emittenti attivi fl-industrija estrattiva jew tal-qtugħ tas-siġar fil-foresti primarji għandhom iħejju wkoll, fuq bażi annwali, rapport dwar il-pagamenti magħmula lill-gvernijiet skont il-Kapitolu 10 ta' dik id-Direttiva.

(2)

L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/34/UE jeżenta impriżi attivi fl-industrija estrattiva u l-impriżi attivi fil-qtugħ tal-foresti primarji biex iħejju u jippubblikaw rapport dwar il-pagamenti lill-gvernijiet skont ir-rekwiżiti tal-Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE sa fejn il-pagamenti kkonċernati huma ppubblikati mill-impriżi minħabba obbligu legali skont ir-rekwiżiti ta' rappurtar ekwivalenti ta' pajjiż terz. Tali obbligu legali jista' jkun fuq impriża prinċipali de facto minħabba s-sussidjarji. F'dak il-każ, l-impriżi għandhom jirraportaw il-pagamenti tagħhom soġġetti għal rekwiżiti ta' rappurtar legali f'ċerti pajjiżi terzi skont dawk ir-rekwiżiti ta' rappurtar ta' pajjiżi terzi meqjusa bħala ekwivalenti. Għall-pagamenti l-oħra li jifdal, l-impriżi għandhom jirrappurtaw skont ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni. L-impriżi kkonċernati xorta jkollhom jissodisfaw l-obbligu li jippubblikaw ir-rapport kif stabbilit bil-liġijiet ta' kull Stat Membru f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (3), inkluż il-perjodu ta' żmien stabbiliti mill-Istati Membri għad-disponibbiltà għall-pubbliku ta' dokumenti.

(3)

L-ekwivalenza tar-rekwiżiti ta' rappurtar ta' pajjiżi terzi teħtieġ li tiġi vvalutata fir-rigward tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/34/UE. Il-kriterji jirreferu, b'mod partikolari, għal impriżi fil-mira, riċevituri ta' pagamenti fil-mira, pagamenti kkonċernati, attribuzzjoni tal-pagamenti kkonċernati, analiżi tal-pagamenti kkonċernati, fatturi ta' attivazzjoni għar-rappurtar fuq bażi kkonsolidata, mezz użat għar-rappurtar, il-frekwenza tar-rappurtar, u miżuri kontra l-evażjoni.

(4)

Il-Kanada adottat rekwiżiti ta' rappurtar dwar pagamenti lil gvernijiet (l-Att dwar il-Miżuri ta' Trasparenza fis-Settur Estrattiv tat-22 ta' Ġunju 2015 u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tar-Rapportar tiegħu). Wara li kkunsidra l-kriterji elenkati fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/34/UE, dawk ir-rekwiżiti tar-rappurtar jagħtu riżultati sostanzjali ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/109/KE. Dawn ir-rekwiżiti tar-rappurtar huma indirizzati lill-impriżi u lill-emittenti attivi biss fl-industrija estrattiva. Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-rekwiżiti ta' rappurtar tal-Kanada biex jirrappurtaw fuq il-pagamenti lill-gvernijiet magħmula minn impriżi u emittenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE li jirrigwardaw biss l-attivitajiet tagħhom fl-industrija estrattiva.

(5)

Ir-rieżami regolari tar-rekwiżiti ta' rapportar dwar il-pagamenti lill-gvernijiet applikabbli f'pajjiżi terzi soġġetti għal din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir tad-Deċiżjoni.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2013/34/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2013/34/UE u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/109/KE, ir-rekwiżiti ta' rappurtar ta' pajjiżi terzi elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni applikabbli għall-impriżi u għall-emittenti attivi fl-industrija estrattiva, kif imsemmi fl-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2013/34/UE, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti skont il-Kapitolu 10 tad-Direttiva 2013/34/UE dwar il-pagamenti lill-gvernijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(2)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(3)  Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).


ANNESS

LISTA TA' PAJJIŻI TERZI GĦALL-FINI TAL-ARTIKOLU 1 (IMPRIŻI U EMITTENTI ATTIVI FL-INDUSTRIJA ESTRATTIVA)

(1)

Il-Kanada


Top