This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1774
Commission Implementing Decision (EU) 2016/1774 of 4 October 2016 amending Decision 2010/381/EU on emergency measures applicable to consignments of aquaculture products imported from India and intended for human consumption (notified under document C(2016) 6280) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1774 tal-4 ta' Ottubru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/381/UE dwar miżuri ta' emerġenza li japplikaw għal kunsinni ta' prodotti tal-akkwakultura importati mill-Indja u maħsuba għall-konsum tal-bniedem (notifikata bid-dokument C(2016) 6280) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1774 tal-4 ta' Ottubru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/381/UE dwar miżuri ta' emerġenza li japplikaw għal kunsinni ta' prodotti tal-akkwakultura importati mill-Indja u maħsuba għall-konsum tal-bniedem (notifikata bid-dokument C(2016) 6280) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
C/2016/6280
ĠU L 271, 6.10.2016, pp. 7–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
6.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 271/7 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1774
tal-4 ta' Ottubru 2016
li temenda d-Deċiżjoni 2010/381/UE dwar miżuri ta' emerġenza li japplikaw għal kunsinni ta' prodotti tal-akkwakultura importati mill-Indja u maħsuba għall-konsum tal-bniedem
(notifikata bid-dokument C(2016) 6280)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li b'mod ġenerali jirregolaw l-ikel u l-għalf, u b'mod partikolari jirregolaw is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali. Dan jistipula l-miżuri ta' emerġenza meta jkun jidher ċar li xi ikel jew għalf impurtat minn pajjiż terz x'aktarx ikun jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali, jew għall-ambjent, u li l-miżuri li jieħdu l-Istati Membri ma jkunux biżżejjed biex jikkontrollaw sew dan ir-riskju. |
|
(2) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (2) tistipula li l-proċess tal-produzzjoni tal-annimali u tal-prodotti bażiċi ta' oriġini mill-annimali għandu jiġi ssorveljat għall-preżenza ta' ċerti residwi u sustanzi fl-annimali ħajjin, fl-eskrement tagħhom u fil-fluwidi u t-tessut ta' ġisimhom, fil-prodotti mill-annimali, fl-għalf u fl-ilma tax-xorb tagħhom. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/381/UE (3) tistipula li mill-inqas 10 % tal-konsenji tal-prodotti tal-akkwakultura mill-Indja maħsubin għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza ta' sustanzi attivi farmakoloġikament kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u b'mod partikolari għall-kloramfenikol, għat-tetraċiklina, għall-ossitetraċiklina u l-klortetraċiklina, u għall-metaboliti tan-nitrofurani. |
|
(4) |
Ir-riżultati tat-testijiet analitiċi li twettqu minn laboratorji tal-kontroll uffiċjali juru li, rigward il-preżenza ta' residwi tal-kloramfenikol, tat-tetraċiklina, tal-ossitetraċiklina, tal-klortetraċiklina u tal-metaboliti tan-nitrofurani, il-livell ta' konformità tal-prodotti tal-akkwakultura maħsuba għall-konsum mill-bniedem ġejjin mill-Indja mhuwiex sodisfaċenti. |
|
(5) |
Ir-riżultati ta' spezzjoni fl-Indja li twettqet mis-servizzi tal-ispezzjoni tal-Kummissjoni f'Marzu tal-2014 ikkonfermaw li l-garanziji Indjani dwar l-istatus tar-residwi fil-prodotti tal-akkwakultura jiddependu ħafna mill-programmi tal-ittestjar addizzjonali stabbiliti li jsiru qabel il-ġbir u qabel l-esportazzjoni tal-prodotti, u dawn sa ċertu punt itaffu d-defiċjenzi li ilhom jeżistu fil-kontrolli uffiċjali li jsiru fl-istabbilimenti tal-akkwakultura, u b'mod partikolari l-kontrolli uffiċjali xejn sodisfaċenti li jsiru fuq l-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji. Madankollu, il-firxa relattivament żgħira tas-sustanzi li jsiru t-testijiet għalihom f'dawk il-programmi addizzjonali, iddgħajjef l-affidabbiltà ta' dawk il-garanziji. Sa issa, ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-ispezzjoni dwar il-monitoraġġ uffiċjali tal-istabbilimenti tal-akkwakultura għadhom ma ġewx indirizzati b'mod sodisfaċenti. |
|
(6) |
Jixraq li l-miżuri tad-Deċiżjoni 2010/381/UE rigward il-prodotti kollha tal-akkwakultura maħsubin għall-konsum mill-bniedem li jiġu impurtati mill-Indja jiġu addattati. L-obbligu li l-ittestjar għandu jsir b'mod vinkolanti għandu jissaħħaħ, biex jiskoraġġixxi lill-produtturi Indjani milli jużaw is-sustanza rilevanti b'mod ħażin u biex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea. |
|
(7) |
Wara l-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (“Traces”) bi qbil mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (5), u bl-użu mtejjeb tal-modulu dwar l-importazzjoni fit-Traces, rigward l-informazzjoni dwar ir-riżultati tat-testijiet tal-laboratorji, l-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligi ta' rapportar trimestrali li hemm stipulatili hemm stipulati fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2010/381/UE. |
|
(8) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2010/381/UE għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2010/381/UE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej: “1. Bl-użu ta' pjanijiet xierqa għat-teħid tal-kampjuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-kampjuni uffiċjali minn tal-inqas 50 % tal-kunsinni ppreżentati għall-importazzjoni fil-postijiet tal-ispezzjoni fil-fruntieri tat-territorju tagħhom. Jekk kunsinna jkun fiha prodotti tal-akkwakultura li jkunu ġejjin minn aktar minn stabbiliment wieħed ta' oriġini, għandhom jittieħdu l-kampjuni għal kull wieħed mill-istabbilimenti.” |
|
(2) |
Fl-Artikolu 5, tħassar il-paragrafu 2. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ottubru 2016.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta' April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.)
(3) Id-Deċiżjoni 2010/381/UE tat-8 ta' Lulju 2010 dwar miżuri ta' emerġenza li japplikaw għal kunsinni ta' prodotti tal-akkwakultura importati mill-Indja u maħsuba għall-konsum tal-bniedem (ĠU L 174, 9.7.2010, p. 51).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta' limiti ta' residwi ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).