Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1693

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 tal-20 ta' Settembru 2016 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK

    ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 25/03/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1693/oj

    21.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 255/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/1693

    tal-20 ta' Settembru 2016

    dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-19 ta' Ottubru 2001, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kien determinat li jiġġieled it-terroriżmu taħt kull forma madwar id-dinja u li kien ser ikompli l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-koalizzjoni tal-komunità internazzjonali biex jiġi miġġieled it-terroriżmu f'kull għamla u forma.

    (2)

    Fis-16 ta' Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) (“UNSCR 1390 (2002)”) li wessgħet il-miżuri imposti mir-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1267 (1999) (“UNSCR 1267 (1999)”) u 1333 (2000) (“UNSCR 1333 (2000)”) biex ikopru lil Usama bin Laden u membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, kif indikat mill-Kumitat stabbilit skont l-UNSCR 1267 (1999).

    (3)

    Il-UNSCR 1390 (2002) taġġusta l-ambitu tas-sanzjonijiet fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, il-projbizzjoni ta' viżi u l-embargo fuq il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi kif ukoll dwar parir tekniku, għajnuna jew taħriġ relatat ma' attivitajiet militari imposti mill-UNSCR 1267 (1999) u l-UNSCR 1333(2000).

    (4)

    Il-UNSCR 1390 (2002) ġiet adottata mill-KSNU abbażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li tippermetti li l-KSNU jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

    (5)

    Dawk il-miżuri, adottati mill-KSNU fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, ġew trasposti fil-liġi tal-Unjoni permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (1), adottata mill-Kunsill fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni, u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (2).

    (6)

    Fis-17 ta' Diċembru 2015, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2253 (2015) (“UNSCR 2253 (2015)”) li twessgħa l-ambitu tal-miżuri imposti mill-UNSCR 1390 (2002) għal individwi, gruppi, impriżi jew entitajiet assoċjati mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (“ISIL (Da'esh)”) u ttenni l-kundanna ċara tagħha tal-ISIL (Da'esh), Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati għal atti kriminali terroristiċi li għaddejjin u multipli mmirati biex jikkawżaw il-mewt ta' persuni ċivili innoċenti u vittmi oħra, id-distruzzjoni ta' proprjetà u jimminaw bil-kbir l-istabbiltà.

    (7)

    F'dak il-kuntest, il-UNSCR 2253 (2015) reġgħet saħqet li sanzjonijiet b'appoġġ għall-ġlieda kontra t-terroriżmu huma għodda importanti biex jinżammu u jiġu restawrati l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u fakkret li l-ISIL (Da'esh) huwa grupp li ħareġ minn Al-Qaida u li kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità li jappoġġaw lill-ISIL (Da'esh) huwa eliġibbli biex jiġi elenkat min-Nazzjonijiet Uniti (“NU”).

    (8)

    ISIL (Da'esh) u Al-Qaida huma theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, jaqgħu fi ħdan l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21(2)(c) tat-Trattat.

    (9)

    Minħabba t-theddida li jippreżentaw l-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, il-Kunsill għandu jkun jista' jimponi miżuri restrittivi mmirati fuq kwalunkwe individwu irrispettivament min-nazzjonalità jew iċ-ċittadinanza, jew fuq kwalunkwe entità responsabbli mill-azzjonijiet terroristiċi f'isem jew b'appoġġ tal-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, f'konformità mal-kriterji stipulati f'din id-Deċiżjoni.

    (10)

    L-għan ta' miżuri mmirati bħal dawn huwa li jiġu evitati azzjonijiet f'isem jew b'appoġġ għall-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida.

    (11)

    Jeħtieġ li jiġu previsti restrizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorji tal-Istati Membri u t-transitu minnhom minn ISIL (Da'esh) u Al-Qaida u minn persuni assoċjati magħhom, inklużi dawk li huma ċittadini ta' Stat Membru. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għas-salvagwardja tas-sigurtà interna, tali restrizzjonijiet ma għandhomx jipprevjenu lil ċittadini deżinjati ta' Stat Membru milli jittransitaw minn Stat Membru ieħor sabiex jirritornaw lejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom, u lanqas ma għandhom jipprevjenu lill-membri tal-familja ta' ċittadini deżinjat ta' Stat Membru milli jittransitaw minn Stat Membru ieħor għall-istess fini.

    (12)

    Il-UNSCR 1373 (2001) tipprevedi li meta Stati Membri tan-NU jkunu identifikaw persuni jew entitajiet li huma impenjati f'azzjonijiet terroristiċi, għandhom jittieħdu miżuri xierqa.

    (13)

    Fl-istess waqt, il-miżuri li jimplimentaw il-UNSCRs 1267 (1999), 1390 (2002) u 2253 (2015) bħala liġi tal-Unjoni għandhom jiġu emendati biex jirriflettu d-dispożizzjonijiet ta' riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU.

    (14)

    F'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jinkludi l-isem ta' persuna jew entità fil-lista fl-Anness, huwa għandu jagħti raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għaliex jagħmel dan, u tali deċiżjoni għandha tittieħed fuq bażi fattwali solida biżżejjed.

    (15)

    Għal raġunijiet ta' ċarezza u ċertezza legali, il-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK kif emendata minn Deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jiġu kkonsolidati fi strument legali ġdid u jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Kunsill jimponi miżuri restrittivi fuq persuni u entitajiet.

    (16)

    Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK għandha għalhekk titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni.

    (17)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretta jew indiretta ta' armi jew ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u spare parts lil kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità deżinjata mill-KSNU skont il-UNSCRs 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015) kif aġġornati mill-Kumitat stabbilit skont il-UNSCR 1267 (1999) (“il-Kumitat”), jew deżinjata mill-Kunsill, jew lil dawk li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li jgħaddu minnhom jew bl-użu ta' bastimenti jew ta' inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom jiġu pprojbiti sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le.

    2.   Għandu jkun ipprojbit:

    (a)

    l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra, relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq, direttament jew indirettament lil kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità msemmija fil-paragrafu 1;

    (b)

    l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn direttament jew indirettament lil kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità msemmija fil-paragrafu 1;

    (c)

    il-parteċipazzjoni konsapevoli u intenzjonali f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, ta' persuni deżinjati u soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-KSNU f'konformità mal-UNSCRs 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015) jew mill-Kumitat identifikati bħala li:

    (a)

    jipparteċipaw fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta' atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem, jew b'appoġġ għal;

    (b)

    ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat ma';

    (c)

    jirreklutaw għal, jew b'mod ieħor jappoġġaw atti jew attivitajiet ta'

    Al-Qaida, ISIL (Da'esh), jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom; jew

    (d)

    huma kkontrollati direttament jew indirettament minn, jew b'xi mod jappoġġaw, kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità assoċjata ma' Al-Qaida jew ISIL (Da'esh), inklużi fuq il-Lista ta' Sanzjonijiet kontra l-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, ta' persuni:

    (a)

    assoċjati ma' ISIL (Da'esh) u Al-Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, inkluż billi:

    (i)

    jipparteċipaw fil-finanzjament tal-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, jew fil-finanzjament ta' atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ għalihom;

    (ii)

    jipparteċipaw fl-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta' atti jew attivitajiet jew ifornu jew jirċievu taħriġ terroristiku bħal struzzjonijiet relatati ma' armi, apparat esplożiv jew metodi jew teknoloġiji oħra bil-għan li jwettqu atti terroristiċi minn, flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ tal-ISIL (Da'esh) u Al Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (iii)

    jimpenjaw ruħhom f'kummerċ mal-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew ma' kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, b'mod partikolari taż-żejt, prodotti taż-żejt, raffineriji modulari u materjal relatat, kif ukoll kummerċ f'riżorsi naturali oħrajn u l-kummerċ ta' proprjetà kulturali;

    (iv)

    ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat lill-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew lil kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (b)

    jivvjaġġaw jew jippruvaw jivvjaġġaw barra mill-Unjoni għall-iskop li:

    (i)

    jikkommettu, jippjanaw, iħejju jew jipparteċipaw f'atti terroristiċi f'isem jew b'appoġġ għall-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew għal kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (ii)

    jipprovdu jew jirċievu taħriġ terroristiku f'isem jew b'appoġġ għall-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew għal kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom; jew

    (iii)

    jappoġġaw b'xi mod ieħor lill-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew lil kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li jinqata' minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (c)

    jippruvaw jivvjaġġaw ġewwa l-Unjoni għall-istess skop kif imsemmi fil-punt (b) jew li jipparteċipaw f'atti jew attivitajiet li jsiru flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (d)

    jirreklutaw, jew b'mod ieħor jappoġġaw atti jew attivitajiet tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, inkluż billi:

    (i)

    jipprovdu jew jiġbru, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, fondi sabiex jiġi ffinanzjat l-ivvjaġġar ta' individwi, għall-iskop imsemmi fil-punti (b) u (c); jorganizzaw il-vjaġġi ta' individwi għall-iskop imsemmi fil-punti (b) u (c), jew inkella jiffaċilitawhom għal dak l-iskop;

    (ii)

    jipperswadu lil persuna oħra tipparteċipa f'atti jew attivitajiet li jsiru flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (e)

    jinċitaw jew jipprovokaw pubblikament atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', fl-isem ta', jew f'appoġġ tal-ISIL (Da'esh), Al-Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, inkluż l-inkoraġġiment jew il-glorifikazzjoni ta' tali atti jew attivitajiet li b'hekk jikkaġunaw periklu li jistgħu jiġu mwettqa atti terroristiċi;

    (f)

    huma involuti jew kompliċi f'ordnijiet jew fit-twettiq ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ħtif, l-istupru, il-vjolenza sesswali, iż-żwieġ furzat u l-iskjavitù tal-persuni, barra mit-territorju tal-Unjoni, f'isem jew taħt l-isem tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom,

    kif elenkat fl-Anness.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jobbligaw lil Stat Membru jirrifjuta d-dħul taċ-ċittadini tiegħu stess fit-territorju tiegħu.

    4.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta d-dħul jew it-transitu huwa meħtieġ biex jitwettaq proċess ġudizzjarju, jew meta l-Kumitat jiddetermina li d-dħul jew it-transitu huwa ġustifikat.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 2 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat:

    (a)

    għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja urġenti;

    (b)

    għall-fini ta' proċess ġudizzjarju; jew

    (c)

    meta Stat Membru huwa marbut b'obbligu lejn organizzazzjoni internazzjonali.

    6.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 għandu jinnotifika b'dan lill-Kunsill bil-miktub. Fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5, l-eżenzjoni għandha titqies li ngħatat bil-kondizzjoni li ma ssir l-ebda oġġezzjoni bil-miktub minn membru wieħed jew iżjed tal-Kunsill, fi żmien jumejn ta' ħidma minn meta tiġi rċevuta n-notifika tal-eżenzjoni proposta. F'każ li membru wieħed jew iżjed tal-Kunsill jagħmlu oġġezzjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    7.   Fejn, skont il-paragrafu 5, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorju tiegħu, ta' persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.

    Artikolu 3

    1.   Il-fondi kollha, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi oħrajn, li huma l-proprjetà ta' jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuni, gruppi, impriżi u entitajiet deżinjati u soġġetti għal iffriżar tal-assi mill-KSNU skont l-UNSCRs 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015), jew mill-Kumitat, identifikati bħala li:

    (a)

    jipparteċipaw fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta' atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem, jew b'appoġġ għal;

    (b)

    ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat ma';

    (c)

    jirreklutaw għal, jew inkella li jappoġġaw atti jew attivitajiet ta',

    Al-Qaida, ISIL (Da'esh) jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom; jew

    (d)

    huma proprjetà ta' jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn, jew b'xi mod jappoġġaw, kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità assoċjata ma' ISIL (Da'esh) jew Al-Qaida, inklużi fuq il-Lista ta' Sanzjonijiet kontra l-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, jew minn parti terza li taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom,

    għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond, assi finanzjarju jew riżorsa ekonomika oħra ma għandha tkun disponibbli, direttament jew indirettament għal jew għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   Il-fondi kollha, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi oħrajn, li huma l-proprjetà ta' jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuni, gruppi, impriżi u entitajiet:

    (a)

    assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, inkluż billi:

    (i)

    jipparteċipaw fil-finanzjament tal-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, jew fil-finanzjament ta' atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ għalihom;

    (ii)

    jipparteċipaw fl-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta' atti jew attivitajiet jew ifornu jew jirċievu taħriġ terroristiku bħal struzzjonijiet relatati ma' armi, apparat esplożiv jew metodi jew teknoloġiji oħra bil-għan li jwettqu atti terroristiċi minn, flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ tal-ISIL (Da'esh) u Al Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (iii)

    jimpenjaw ruħhom f'kummerċ mal-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew minn kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, b'mod partikolari taż-żejt, prodotti taż-żejt, raffineriji modulari u materjal relatat, kif ukoll kummerċ f'riżorsi naturali oħrajn u l-kummerċ ta' proprjetà kulturali;

    (iv)

    ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat lill-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew lil kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (b)

    li jivvjaġġaw jew jippruvaw jivvjaġġaw barra mill-Unjoni għall-iskop li:

    (i)

    jikkommettu, jippjanaw, iħejju jew jipparteċipaw f'atti terroristiċi f'isem jew b'appoġġ għall-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (ii)

    jipprovdu jew jirċievu taħriġ terroristiku f'isem jew b'appoġġ għall-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom; jew

    (iii)

    jappoġġaw b'xi mod ieħor lill-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li jinqata' minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (c)

    li jippruvaw jivvjaġġaw ġewwa l-Unjoni għall-iskop imsemmi fil-punt (b) jew li jipparteċipaw f'atti jew attivitajiet li jsiru flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (d)

    li jirreklutaw, jew b'mod ieħor jappoġġaw atti jew attivitajiet tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, inkluż billi:

    (i)

    jipprovdu jew jiġbru, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, fondi sabiex jiġi ffinanzjat l-ivvjaġġar ta' individwi, għall-iskop imsemmi fil-punti (b) u (c); jorganizzaw il-vjaġġi ta' individwi għall-iskop imsemmi fil-punti (b) u (c), jew inkella jiffaċilitawhom għal dak l-iskop;

    (ii)

    jipperswadu lil persuna oħra tipparteċipa f'atti jew attivitajiet li jsiru flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem jew b'appoġġ tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

    (e)

    li jinċitaw jew jipprovokaw pubblikament atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', fl-isem ta', jew f'appoġġ tal-ISIL (Da'esh), Al-Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom, inkluż bl-inkoraġġiment jew il-glorifikazzjoni ta' tali atti jew attivitajiet li b'hekk jikkaġunaw periklu li jistgħu jiġu mwettqa atti terroristiċi;

    (f)

    li huma involuti jew kompliċi f'ordnijiet jew fit-twettiq ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ħtif, l-istupru, il-vjolenza sesswali, iż-żwieġ furzat u l-iskjavitù tal-persuni, barra mit-territorju tal-Unjoni, f'isem jew taħt l-isem tal-ISIL (Da'esh), Al Qaida jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom,

    kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

    4.   L-ebda fond, assi finanzjarju jew riżorsa ekonomika oħra ma għandha tkun disponibbli, direttament jew indirettament għal jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-paragrafu 3.

    5.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2, 3 u 4, jistgħu jsiru eżenzjonijiet għal fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi li huma:

    (a)

    meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz ta' assigurazzjoni u tariffi ta' servizzi ta' utilità pubblika;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta' spejjeż li jkunu konnessi mal-għoti ta' servizzi legali f'konformità mal-liġijiet nazzjonali; jew

    (c)

    maħsuba esklużivament għal ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizz, f'konformità mal-liġijiet nazzjonali, għaż-żamma jew manutenzjoni ta' rutina ta' fondi ffriżati, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn,

    Dawk l-eżenzjonijiet għandhom isiru biss wara n-notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat, fejn xieraq, dwar l-intenzjoni li jawtorizza l-aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħrajn u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien tliet ijiem ta' ħidma minn tali notifika.

    6.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2, 3 u 4, jistgħu jsiru wkoll eżenzjonijiet għal fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi li huma meħtieġa għal spejjeż straordinarji bil-kondizzjoni li tali determinazzjoni għandha tkun notifikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru lill-Kumitat fejn applikabbli, u tkun ġiet approvata mill-Kumitat.

    7.   Il-paragrafu 3 ma għandux iżomm lil persuna jew entità deżinjata milli tagħmel ħlas dovut taħt kuntratt li jkun sar qabel l-elenkar ta' tali persuna jew entità, bil-kondizzjoni li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-ħlas ma jiġix irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafi 1 u 3.

    8.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati bil-kondizzjoni li jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu soġġetti ta' deċiżjoni arbitrarja li ttieħdet qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 3 kien ġie elenkat fl-Anness, ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva meħuda fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel, fi, jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

    9.   Il-paragrafi 2 u 4 m'għandhomx japplikaw għaż-żieda ta' ħlasijiet f'kontijiet iffriżati ta' persuni u entitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, dment li kull pagament bħal dan jiġi ffriżat.

    Artikolu 4

    L-ebda pretensjoni, inklużi pretensjonijiet għal kumpens jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal tpaċija jew pretensjoni koperta minn garanzija, b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni li t-twettiq tagħha kien affettwat, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, minħabba miżuri deċiżi skont il-UNSCRs 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015), inklużi miżuri tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru f'konformità ma', kif rikjest minn jew bi kwalunkwe konnessjoni mal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-KSNU jew miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni, ma għandhom jingħataw lill-persuni jew l-entitajiet deżinjati min-NU jew elenkati fl-Anness jew kwalunkwe persuna jew entità li tressaq pretensjoni permezz ta' jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe tali persuna jew entità.

    Artikolu 5

    1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità, fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness u jadotta modifiki għalihom.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, lill-persuna fiżika jew ġuridika, grupp, impriżiau entità ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li tipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, grupp, impriża jew entità b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, grupp, impriża jew entità kkonċernata kif meħtieġ.

    4.   B'deroga mill-paragrafu 1, jekk Stat Membru jikkunsidra li kien hemm bidla sostanzjali ta' ċirkostanzi li jaffettwaw id-deżinjazzjoni ta' persuna jew entità elenkata, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mingħand dak l-Istat Membru, jista' jiddeċiedi li jneħħi l-isem ta' din il-persuna jew entità mil-lista fl-Anness.

    Artikolu 6

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rieżaminata, emendata jew imħassra kif xieraq, b'mod partikolari fid-dawl tad-deċiżjonijiet rilevanti mill-KSNU jew mill-Kumitat.

    2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(3) u (4) għandhom jiġu rieżaminati f'intervalli regolari u minn tal-inqas kull 12-il xahar.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet minn persuna jew entità deżinjata f'konformità mal-Artikolu 2(2) jew l-Artikolu 3(3) u (4), il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deżinjazzjoni fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u l-miżuri għandhom jieqfu japplikaw jekk il-Kunsill jiddetermina, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5, li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom ma għadhomx sodisfatti.

    4.   Jekk issir talba ulterjuri, ibbażata fuq evidenza sostanzjali ġdida, sabiex persuna jew entità titneħħa mill-Anness, il-Kunsill għandu jagħmel rieżami ulterjuri f'konformità mal-paragrafu 3.

    5.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(3) u (4) għandhom japplikaw sat-23 ta' Settembru 2017.

    Artikolu 7

    Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK hija mħassra u sostitwita b'din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. KORČOK


    (1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK tas-27 ta' Mejju 2002 dwar miżuri restrittivi kontra membri tal-organizzazzjonijiet ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom (ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9).


    ANNESS

    Lista ta' persuni, gruppi, impriżi u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 2 u 3


    Top