Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1040

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1040 tal-24 ta' Ġunju 2016 li tagħti deroga mitluba mir-Repubblika Taljana fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2016) 3820)

    C/2016/3820

    ĠU L 169, 28.6.2016, p. 6–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1040/oj

    28.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 169/6


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1040

    tal-24 ta' Ġunju 2016

    li tagħti deroga mitluba mir-Repubblika Taljana fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (notifikata bid-dokument C(2016) 3820)

    (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u, b'mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

    Billi:

    (1)

    Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru beħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena jkun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi stabbilit b'mod li ma jippreġudikax il-kisba tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

    (2)

    Fit-3 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/721/UE (2), li tippermetti lill-Italja tawtorizza fir-reġjuni tal-Emilja-Romanja, il-Lombardija, il-Pjemonte u l-Veneto, skont ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni sa massimu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru kull sena minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer f'azjendi agrikoli b'mill-anqas 70 % tal-għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u bi staġun twil tat-tkabbir.

    (3)

    Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/721/UE kienet tikkonċerna madwar 300 azjenda agrikola u 13 000 ettaru ta' art u skadiet fil-31 ta' Diċembru 2015.

    (4)

    Fl-20 ta' Jannar 2016, l-Italja ressqet talba lill-Kummissjoni għal deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte.

    (5)

    Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Italja li tippermetti l-applikazzjoni fir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte sa massimu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru kull sena minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer f'azjendi agrikoli b'mill-anqas 70 % tal-għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u bi staġun twil tat-tkabbir. Huwa stmat li d-deroga potenzjalment tiġbor taħtha madwar 600 azjenda agrikola tal-ifrat u 60 azjenda agrikola tal-ħnieżer fir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte li jikkorrispondu rispettivament għal 15 % u 6 % tal-azjendi agrikoli kollha tal-ifrat u tal-ħnieżer fl-istess reġjuni, 4 % tal-Erja Agrikola Użata (EAU) u 14 % tal-bhejjem tal-ħalib kollha u 7,4 % tal-għadd totali ta' ħnieżer fl-istess reġjuni. L-azjendi li joperaw fil-qasam tal-kultivazzjoni tar-raba' jistgħu japplikaw ukoll għad-deroga.

    (6)

    Il-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE u tistabbilixxi l-programmi ta' azzjoni fil-Lombardija (Deċiżjoni nru X/5171 tas-16 ta' Mejju 2016) u l-Pjemonte (Deċiżjoni nru 19/2971 tad-29 ta' Frar 2016) ġiet adottata u tapplika flimkien ma' din id-Deċiżjoni għall-perjodu ta' bejn l-2016 u l-2019.

    (7)

    Iż-żoni vulnerabbli magħżula li japplikaw għalihom il-programmi ta' azzjoni jkopru madwar 80 % tal-AAU tal-Lombardija u 44 % tal-AAU tal-Pjemonte.

    (8)

    Id-dejta mressqa dwar il-kwalità tal-ilma turi li għall-ilma ta' taħt l-art fir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte 87 % mill-korpi tal-ilma ta' taħt l-art għandhom medja ta' konċentrazzjonijiet ta' nitrati taħt il-50 mg/l ta' nitrati u 55 % għandhom medja ta' konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l ta' nitrati. Għall-ilma tal-wiċċ, aktar minn 90 % tas-siti ta' monitoraġġ għandhom medja ta' konċentrazzjonijiet ta' nitrati taħt il-25 mg/l u fl-ebda punt ma hemm konċentrazzjonijiet ta' aktar minn 50 mg/l ta' nitrati.

    (9)

    Ir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte jgħoddu għal aktar minn 35 % tal-bhejjem fl-Italja: partikolarment, 38 % tal-ifrat tal-ħalib, 60 % tal-ħnieżer u 15 % tat-tjur. L-għadd tal-bhejjem juri xejra ta' tnaqqis fil-perjodu 2007-2013.

    (10)

    Fil-perjodu 2003-2013, il-konsum tan-nitroġenu kimiku naqas b'madwar 27 %, u naqas ukoll l-użu tal-fertilizzanti bil-fosforu minerali; dan tal-aħħar tnaqqas b'57 %.

    (11)

    Il-mergħat, iż-żerriegħa tal-qamħirrum, il-qamħirrum għall-ħżin għall-għalf u ċ-ċereali tax-xitwa jokkupaw madwar 65 % tal-erja agrikola totali fil-Lombardija u l-Pjemonte.

    (12)

    Id-dokumenti ta' appoġġ ippreżentati fit-talba għad-deroga juru li l-ammont propost ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer huwa ġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi bħalma huma l-preċipitazzjoni netta għolja, l-istaġuni twal tat-tkabbir u r-rendimenti għolja ta' għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu.

    (13)

    Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba, tqis li l-ammont propost ta' 250 kg għal kull ettaru minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer mhux se jippreġudika l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti.

    (14)

    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi approċċ transfruntier u komprensiv għall-ħarsien tal-ilma organizzat madwar id-distretti tal-baċiri idrografiċi, bil-għan li l-korpi tal-ilmijiet Ewropej jiksbu status tajjeb sal-2015. It-tnaqqis tan-nutrijenti huwa parti integrali minn dak l-għan. L-għoti ta' deroga skont din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skont id-Direttiva 2000/60/KE u ma jeskludix li jista' jkun hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-obbligi li joħorġu minnha.

    (15)

    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u l-politiki jew l-attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent. Fejn applikabbli, l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva. Sabiex jonqos il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-dejta, l-Italja, meta tiġbor id-dejta neċessarja skont din id-Deċiżjoni għandja, fejn xieraq, tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta' Amministarazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (16)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Deroga

    Tingħata d-deroga mitluba mill-Italja, fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta' demel tal-irziezet minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali u suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 7 għall-azjendi agrikoli, fejn 70 % jew aktar tas-superfiċji tal-azjenda agrikola tkun ikkultivata b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “azjendi agrikoli” tfisser azjendi agrikoli kemm jekk irabbu l-bhejjem kif ukoll jekk ma jrabbux;

    (b)

    “roqgħa” tfisser għalqa individwali jew grupp ta' għelieqi, li huma omoġenji fir-rigward tal-kultivazzjoni, it-tip ta' ħamrija u l-prattiki ta' fertilizzazzjoni;

    (c)

    “bur” tfisser bur permanenti jew temporanju (temporanju jirreferi għal perjodu ta' anqas minn ħames snin);

    (d)

    “qamħirrum li jimmatura tard” tfisser qamħirrum tal-klassi FAO 600-700, miżrugħ bejn nofs Marzu u l-bidu ta' April, b'ċiklu ta' tkabbir ta' mill-anqas 145-150 jum;

    (e)

    “qamħirrum jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa” tfisser qamħirrum jew sorgu ta' maturazzjoni medjutardiva jew bikrija, skont il-klassifika internazzjonali tal-FAO, jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa, bħalma huma s-sikrana Taljana, ix-xgħir, it-triticale jew is-segala tax-xitwa;

    (f)

    “ċereali tax-xitwa segwiti bi ħxejjex tax-sajf” tfisser qamħ tax-xitwa, xgħir tax-xitwa jew triticale, segwiti bi ħxejjex tas-sajf, bħalma huma l-qamħirrum, is-sorgu, is-Setaria jew il-Panicum sp.;

    (g)

    “għelejjel b'domanda għolja ta” nitroġenu jew bi staġun ta' tkabbir twil' tfisser bur, qamħirrum li jimmatura tard, qamħirrum jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa u b'ċereali tax-xitwa segwiti bi ħxejjex tas-sajf;

    (h)

    “demel tal-ifrat” tfisser demel tal-irziezet li jipproduċu l-ifrat, inkluż waqt li jkunu jirgħu jew f'forma pproċessata;

    (i)

    “trattament tad-demel” tfisser l-ipproċessar tad-demel tal-ħnieżer f'żewġ partijiet, il-parti solida u l-oħra likwida, u li jsir biex titjieb l-applikazzjoni fl-art u jissaħħaħ l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosforu;

    (j)

    “demel ittrattat” tfisser il-parti likwida li tirriżulta mit-trattament tad-demel tal-ħnieżer, bi proporzjon minimu ta' nitroġenu mal-fostfat (N/P2O5) ta' 2,5;

    (k)

    “demel ittrattat mingħajr nitroġenu” tfisser demel ittrattat b'kontenut ta' nitroġenu ta' anqas minn 30 % meta mqabbel mal-kontenut ta' nitroġenu fid-demel tal-ħnieżer mhux ittrattat;

    (l)

    “ħamrijiet b'kontenut baxx ta' materja organika” tfisser ħamrijiet b'kontenut ta' karbonju organiku ta' anqas minn 2 % fit-30 ċentimetru ta' fuq tal-ħamrija;

    (m)

    “ħamrijiet mingħajr salinità jew b'salinità baxxa” tfisser dawk il-ħamrijiet b'konduttività elettrika f'estratt minn pejst saturat ta' ħamrija ECe < 4 mS/cm jew b'konduttività elettrika ta' EC 1:2 < 1 mS/cm f'estratt milwiem bi proporzjon ta' ħamrija mal-ilma ta' 1:2, jew żoni definiti li żgur mhumiex f'riskju ta' salinizzazzjoni, kif indikat fil-mappa tal-ħamrija definita fil-livell reġjonali;

    (n)

    “effiċjenza fl-użu tan-nitroġenu” tfisser il-perċentwali mit-total ta' nitroġenu applikat fil-forma ta' demel tal-irziezet li jkun disponibbli għall-għelejjel fis-sena ta' applikazzjoni.

    Artikolu 4

    Applikazzjoni u impenn annwali

    1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom ta' kull sena jressqu applikazzjoni għal deroga lill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta' Frar. Għas-sena 2016, l-applikazzjoni annwali għandha titressaq sat-30 ta' Ġunju 2016.

    2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1, il-bdiewa għandhom jintrabtu bil-miktub li se jwettqu l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

    Artikolu 5

    Trattament tad-demel

    1.   Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga għall-applikazzjoni ta' demel tal-ħnieżer ittrattat għandhom ta' kull sena jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    it-tip ta' trattament tad-demel;

    (b)

    il-kapacità u l-karatteristiċi ewlenin tal-impjant tat-trattament, inkluż l-effiċjenza tiegħu;

    (c)

    l-ammont ta' demel mibgħut għat-trattament;

    (d)

    l-ammont, il-kompożizzjoni, inkluż speċifikazzjoni tal-kontenut tan-nitroġenu u l-fosforu, u d-destinazzjoni tal-parti solida;

    (e)

    l-ammont, il-kompożizzjoni, inkluż speċifikazzjoni tal-kontenut tan-nitroġenu u l-fosforu, u d-destinazzjoni tad-demel ittrattat;

    (f)

    l-istima tat-telf f'gassijiet matul it-trattament.

    2.   Il-parti solida li tirriżulta mit-trattament tad-demel għandha tiġi stabbilizzata sabiex jitnaqqsu l-irwejjaħ u emissjonijiet oħrajn, jittejbu l-proprjetajiet agronomiċi u iġeniċi, tiġi ffaċilitata l-ġestjoni u tiżdied id-disponibbiltà tan-nitroġenu u tal-fosforu għall-għelejjel. Il-prodott li jirriżulta ma għandux jintuża f'azjendi agrikoli derogati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw miżuri biex iħeġġu l-użu tal-parti solida stabbilizzata f'ħamrijiet b'kontenut baxx ta' materja organika. Dawn il-ħamrijiet huma indikati f'mapep stabbiliti fil-livell reġjonali u li jkunu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-metodoloġiji għall-valutazjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull azjenda agrikola li tibbenefika minn deroga individwali.

    4.   L-ammonja u l-emissjonijiet l-oħra li ġejjin mit-trattament tad-demel għandhom jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet kompetenti f'postijiet rappreżentattivi għal kull teknika ta' trattament. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-monitoraġġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu inventarju tal-emissjonijiet.

    Artikolu 6

    Applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

    1.   Suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 12, l-ammont ta' demel tal-ifrat, inkluż demel li jipproduċu l-bhejjem infushom, u ta' demel ittrattat applikat fuq l-art kull sena f'azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga ma għandux jaqbeż l-ammont ta' demel li jkun fih 250 kg nitroġenu għal kull ettaru.

    2.   Il-kontribut totali ta' nitroġenu ma għandux jaqbeż id-domanda prevista ta' nutrijenti għall-għalla inkwistjoni. Għandu jqis il-provvista mill-ħamrija u d-disponibbiltà ogħla ta' nitroġenu fid-demel minħabba t-trattament tad-demel. Ma għandux jaqbeż l-istandards massimi ta' applikazzjoni, kif stabbiliti fil-programmi ta' azzjoni applikabbli għall-azjenda agrikola fil-Lombardija (Deċiżjoni Nru X/5171 tas-16 ta' Mejju 2016) u l-Pjemonte (Deċiżjoni Nru 19/2971 tad-29 ta' Frar 2016).

    3.   Il-kontribut totali ta' fosforu użat ma għandux jaqbeż id-domanda prevista ta' nutrijenti għall-għalla inkwistjoni u għandu jqis il-provvista tal-fosforu fil-ħamrija. Fl-azjendi agrikoli derogati ma għandux jiġi applikat fosforu fil-fertilizzanti kimiċi.

    4.   Għandu jitħejja pjan ta' fertilizzazzjoni b'deskrizzjoni tan-newba tal-għelejjel tal-art agrikola u tal-applikazzjoni ppjanata ta' demel u fertilizzanti minerali għal kull azjenda agrikola sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar. Għas-sena 2016, dan għandu jitħejja sat-30 ta' Ġunju 2016.

    Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

    (a)

    l-għadd ta' bhejjem, deskrizzjoni ta' kif jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum u t-tip ta' ħżin disponibbli għad-demel;

    (b)

    kalkolu tan-nitroġenu u l-fosforu tad-demel prodotti fl-azjenda agrikola;

    (c)

    id-deskrizzjoni tat-trattament tad-demel u l-karatteristiċi tad-demel ittrattat (jekk rilevanti);

    (d)

    l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi ta' demel fornut barra l-azjenda agrikola jew fl-azjenda agrikola;

    (e)

    in-newba tal-għelejjel u s-superfiċji f'ettari ta' rqajja' b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir u rqajja' b'għelejjel oħra;

    (f)

    ir-rendimenti mistennija minn kull għalla kkultivata, skont in-nutriment u l-ilma disponibbli, kif ukoll il-kundizzjonijet lokali, bħall-klima, it-tip ta' ħamrija, eċċ.;

    (g)

    il-ħtiġijiet stmati ta' nitroġenu u fosforu tal-għelejjel għal kull roqgħa;

    (h)

    kalkolu tan-nitroġenu u fosforu fid-demel li għandu jiġi applikat f'kull roqgħa;

    (i)

    kalkolu tan-nitroġenu mill-fertilizzanti kimiċi li għandhom jiġu applikati f'kull roqgħa;

    (j)

    l-istima tal-ammont ta' ilma meħtieġ għall-irrigazzjoni u l-indikazzjoni preċiża tas-sors tal-ilma; l-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni tal-ilma jew il-kuntratt tal-użu tal-ilma mal-“konsorzju tal-ilma” rilevanti jew il-mappa li tindika li l-azjenda agrikola tinsab f'żoni fejn l-ilma ta' taħt l-art baxx imiss maż-żona tal-għeruq għandha tkun inkluża fil-pjan.

    Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli reali.

    5.   Kull azjenda agrikola għandha tħejji rendikonti tal-fertilizzazzjoni għal kull roqgħa. Dawn għandhom jinkludu l-ammonti applikati u d-data ta' applikazzjoni tad-demel u l-fertilizzanti kimiċi.

    6.   L-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni tal-ilma jew il-kuntratt tal-użu tal-ilma mal-“konsorzju tal-ilma” rilevanti jew il-mappa li tindika li l-azjenda agrikola tinsab f'żoni fejn l-ilma ta' taħt l-art baxx imiss maż-żona tal-għeruq għandha tkun disponibbli fl-azjenda agrikola. Fejn applikabbli, l-ammont ta' ilma awtorizzat jew kuntrattat għandu jkun biżżejjed biex jintlaħqu rendimenti tal-għelejjel li jinkisbu f'kundizzjonijiet fejn ma jkunx hemm restrizzjonijiet fl-ilma.

    7.   Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli għal azjenda agrikola li tibbenefika minn deroga. L-analiżi u t-teħid ta' kampjuni għandhom jitwettqu qabel l-1 ta' Ġunju u tal-anqas darba kull erba' snin għall-fosforu u għan-nitroġenu għall kull erja omoġenja tal-azjenda agrikola, fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u tal-karatteristiċi tal-ħamrija. Tkun meħtieġa, tal-anqas, analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art agrikola.

    8.   Id-demel tal-irziezet applikat fl-azjendi agrikoli derogati għandu jkollu effiċjenza tal-użu ta' nitroġenu ta' mill-anqas 65 % għad-demel likwidu u ta' 50 % għad-demel solidu.

    9.   Id-demel tal-irziezet u l-fertilizzanti kimiċi applikati fl-azjendi agrikoli derogati ma jistgħux jintużaw wara l-1 ta' Novembru.

    10.   Mill-inqas żewġ terzi tal-ammont ta' nitroġenu mid-demel, eskluż in-nitroġenu minn demel tal-bhejjem li jirgħu, għandu jintuża qabel il-31 ta' Lulju ta' kull sena. Għal dan il-għan, l-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga għandu jkollhom kapaċità adekwata ta' ħżin tad-demel tal-irziezet, li tkun tista' tkopri tal-anqas il-perjodi li matulhom ma tkunx permessal-applikazzjoni tad-demel.

    11.   Id-demel likwidu, inkluż id-demel ittrattat u dak likwidu, għandu jiġi applikat permezz ta' tekniki ta' applikazzjoni b'emissjonijiet baxxi. Id-demel solidu għandu jiġi inkorporat fi żmien 24 siegħa.

    12.   Sabiex jiġu protetti l-ħamrijiet mir-riskju ta' salinizzazzjoni, id-demel ittrattat mingħajr nitroġenu għandu jkun permess biss fuq ħamrijiet mingħajr salinità jew b'salinità baxxa. Għal dak il-għan, il-bdiewa li jkollhom il-ħsieb li japplikaw demel ittrattat mingħajr nitroġenu, għandhom ikejlu l-konduttività elettrika fl-irqajja' li se jintużaw għall-applikazzjoni tal-anqas kull erba' snin u għandhom jinkludu r-riżultati fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu protokol li għandu jintuża mill-bdiewa biex ikejlul-konduttività elettrika. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mapep li juru ż-żoni f'riskju ta' salinizzazzjoni.

    Artikolu 7

    Ġestjoni tal-artijiet

    Il-bdiewa li beħsiebhom jibbenefikaw minn deroga għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    70 % jew aktar tas-superfiċji tal-azjenda agrikola għandha tkun ikkoltivata b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u staġun ta' tkabbir twil;

    (b)

    il-bwar temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa;

    (c)

    il-bwar temporanji u permanenti ma għandhomx jinkludu aktar minn 50 % ta' pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jipproċessaw in-nitroġenu atmosferiku;

    (d)

    il-qamħirrum li jimmatura tard għandu jinħasad, inklużi z-zkuk;

    (e)

    il-ħxejjex tax-xitwa, bħalma huma s-sikrana Taljana, ix-xgħir, it-triticale jew is-segala tax-xitwa għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn wara l-ħsad tal-qamħirrum jew sorgu u għandhom jinħasdu mhux qabel ġimagħtejn qabel ma jinżera' l-qamħirrum jew sorgu;

    (f)

    il-ħxejjex tas-sajf, bħalma huma l-qamħirrum, is-sorgu, is-Setaria jew il-Panicum sp., għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn wara l-ħsad taċ-ċereali tax-xitwa u għandhom jinħasdu mhux qabel ġimagħtejn qabel ma jinżergħu ċ-ċereali tax-xitwa;

    (g)

    għalla b'domanda għolja ta' nitroġenu għandha tinżera' fi żmien ġimagħtejn wara l-ħrit tal-bwar u ma għandhomx jiġu applikati fertilizzanti fis-sena li fiha jsir il-ħrit tal-bwar permanenti.

    Artikolu 8

    Miżuri oħra

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-derogi li jingħataw għall-applikazzjoni ta' demel ittrattat ikunu kompatibbli mal-kapaċità tal-impjanti tat-trattament tad-demel.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull deroga mogħtija tkun kompatibbli mal-użu awtorizzat tal-ilma fl-azjenda agrikola li tibbenefika mid-deroga.

    Artikolu 9

    Miżuri għat-trasport tad-demel

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasport tad-demel tal-irziezet minn u lejn l-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga jiġi rreġistrat permezz ta' sistemi ta' pożizzjonament ġeografiku jew jiġi rreġistrat fid-dokumenti ta' akkumpanjament, li jispeċifikaw il-post tal-oriġini u d-destinazzjoni. Ir-reġistrazzjoni permezz ta' sistemi ta' pożizzjonament ġeografiku hija obbligatorja għal trasporti li jkopru distanzi itwal minn 30 km.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li waqt it-trasport ikun disponibbli dokument li jispeċifika l-ammont ta' demel trasportat u l-kontentut ta' nitroġenu u fosforu tiegħu.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-demel ittrattat u l-partijiet solidi li jirriżultaw mit-trattament tad-demel jiġu analizzati għall-kontenut tagħhom ta' nitroġenu u fosforu. L-analiżi għandha titwettaq minn laboratorji rikonoxxuti. Ir-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-bidwi li jkun se jirċievi d-demel. Għandu jkun disponibbli ċertifikat tal-analiżi waqt kull trasport.

    Artikolu 10

    Monitoraġġ

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull sena jitħejjew u jiġu aġġornati l-mapep li juru l-perċentwali tal-azjendi agrikoli, il-perċentwali ta' bhejjem, il-perċentwali ta' art agrikola koperta b'deroga individwali u mapep li juru l-użu tal-art lokali għal kull muniċipalità.

    2.   Għandha tinġabar u tiġi aġġornata kull sena dejta dwar in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fl-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn derogi.

    3.   Għandu jiġi stabbilit u miżmum netwerk ta' monitoraġġ għat-teħid ta' kampjuni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma taħt l-art baxx sabiex jiġi valutat l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma. Il-pjan dwar in-netwerk ta' monitoraġġ għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni. L-ammont inizjali ta' siti ta' monitoraġġ ma jistax jitnaqqas u l-lokalità tas-siti ma tistax tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta' din id-Deċiżjoni sakemm ma jkunx debitament iġġustifikat.

    4.   Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-ilma aktar bir-reqqa fiż-żoni agrikoli li jinsabu qrib il-korpi tal-ilma l-aktar vulnerabbli, li għandhom jiġu identifikati mill-awtoritajiet kompetenti.

    5.   Għandhom jiġu stabbiliti siti ta' monitoraġġ, sabiex tkun provduta dejta dwar il-konċentrazzjoni ta' nitroġenu u fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u t-telf korrispondenti ta' nitroġenu u fosforu li jgħaddi miż-żona tal-għeruq għal ġol-ilma ta' taħt l-art, kif ukoll it-telf ta' nitroġenu u fosforu minn tnixxija fuq u taħt wiċċ l-art, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta' deroga kif ukoll jekk le. Is-siti ta' monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta' ħamrija, il-prattiki ta' fertilizzazzjoni u l-għelejjel. Il-pjan dwar in-netwerk ta' monitoraġġ għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni. L-ammont inizjali ta' siti ta' monitoraġġ ma jistax jitnaqqas u l-lokalità tas-siti ma tistax tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta' din id-Deċiżjoni sakemm ma jkunx debitament iġġustifikat.

    Artikolu 11

    Kontrolli u verifika

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b'dan. F'dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

    2.   Għandu jkun stabbilit programm ta' spezzjonijiet tal-għelieqi bbażat fuq l-analiżi tar-riskju, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta' qabel u r-riżultati ta' kontrolli aleatorji ġenerali tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru mill-anqas 7 % tal-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta' din id-Deċiżjoni.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli fuq il-post fuq mill-inqas 2 % tal-operazzjonijiet tat-trasport tad-demel, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1. Il-kontrolli għandhom jinkludu, tal-anqas, valutazzjoni tad-dokumenti ta' akkumpanjament, il-verifika tal-oriġini u tad-destinazzjoni tad-demel u d-disponibbiltà tal-analiżi tad-demel trasportat.

    4.   Fejn il-verifika tindika nuqqas ta' konformità ma' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa ta' rimedju. Partikolarment bdiewa li ma jikkonformawx mal-Artikoli 5, 6 u 7 għandhom jiġu esklużi mid-deroga s-sena ta' wara.

    Artikolu 12

    Rappurtar

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom, sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena u sat-30 ta' Settembru għas-sena 2019, jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-deroga, abbażi ta' kontrolli fil-livell tal-azjenda agrikola, kif ukoll tal-kontrolli fuq it-trasport tad-demel u l-informazzjoni dwar l-azjendi agrikoli li ma jkunux konformi, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet amministrattivi u ta' fuq il-post;

    (b)

    informazzjoni dwar it-trattament tad-demel, inkluż aktar ipproċessar u użu tal-partijiet solidi, u dejta dettaljata dwar il-karatteristiċi tas-sistemi ta' trattament, l-effiċjenza tagħhom u l-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, kif ukoll id-destinazzjoni finali tal-partijiet solidi;

    (c)

    mapep li juru żoni b'kontenut baxx ta' materja organika, kif ukoll il-miżuri meħuda sabiex jitħeġġeġ l-użu tal-parti solida stabbilizzata f'ħamrijiet b'kontenut baxx ta' materja organika, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(2);

    (d)

    il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull azjenda agrikola li tibbenifika minn deroga individwali, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(3);

    (e)

    l-inventarju tal-ammonja u ta' emissjonijiet oħra mit-trattament tad-demel kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(4);

    (f)

    il-protokol stabbilit biex titkejjel il-konduttività elettrika u l-mapep li juru ż-żoni affettwati mis-salinizzazzjoni, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 6(12);

    (g)

    il-metodoloġiji għall-verifika tal-kompatibbiltà tad-derogi mogħtija mal-kapacità tal-impjanti tat-trattament tad-demel, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 8(1);

    (h)

    il-metodoloġiji għall-verifika tal-kompatibbiltà ta' kull deroga mogħtija mal-użu awtorizzat tal-ilma fl-azjenda agrikola li qed tibbenifika mid-deroga, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 8(2);

    (i)

    mapep li juru l-perċentwali tal-azjendi agrikoli, il-perċentwali tal-bhejjem, il-perċentwali tal-art agrikola koperta minn derogi individwali u mapep li juru l-użu tal-art lokali, kif ukoll dejta dwar in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fl-azjendi agrikoli derogati, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(1) u (2)

    (j)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, inkluż informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilmijiet ta' taħt l-art, tal-wiċċ u tal-kosta, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(3);

    (k)

    il-lista tal-korpi tal-ilma l-aktar vulnerabbli, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(4);

    (l)

    sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mis-siti tal-monitoraġġ kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(5);

    Artikolu 13

    Perjodu ta' applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.

    Artikolu 14

    Destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Karmenu VELLA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/721/UE tat-3 ta' Novembru 2011 li tagħti deroga mitluba mill-Italja fir-rigward tar-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 36).

    (3)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


    Top