Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0713

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/713 tat-12 ta' Mejju 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja

    ĠU L 125, 13.5.2016, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/713/oj

    13.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/12


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/713

    tat-12 ta' Mejju 2016

    li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta' Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (1) li tistabbilixxi l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta.

    (2)

    Fil-21 ta' Novembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/827/PESK (2) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK u estendiet Atalanta sat-12 ta' Diċembru 2016.

    (3)

    L-Unjoni stabbilixxiet il-programm CRIMARIO biex issaħħaħ l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima fl-Oċean Indjan. Atalanta għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' CRIMARIO skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha.

    (4)

    Atalanta għandha titħalla tikkondividi mas-sħab rilevanti informazzjoni, minbarra data personali, dwar attivitajiet marittimi illegali jew mhux awtorizzati miġbura matul l-operazzjonijiet ta' rutina kontra l-piraterija.

    (5)

    Ir-Riżoluzzjoni 2244 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti estendiet il-mandat tal-Grupp ta' Monitoraġġ tas-Somalja u l-Eritrea (SEMG), b'mod partikolari fir-rigward tal-embargo fuq l-armi lis-Somalja u l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-faħam tal-kannol Somalu, u laqgħet l-isforzi tal-Forzi Marittimi Kkombinati (CMF) fl-impenn tagħhom biex ixekklu l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-faħam tal-kannol lejn u mis-Somalja, filwaqt li esprimiet tħassib li l-kummerċ tal-faħam tal-kannol jipprovdi finanzjament lill-Al-Shabaab.

    (6)

    L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, il-punt (l) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(l)

    tassisti permezz ta' appoġġ loġistiku, il-provvista ta' għarfien espert jew taħriġ fuq il-baħar, fuq talba tagħhom u skont il-mezzi u l-kapaċitajiet eżistenti, lil EUCAP Nestor, EUTM Somalia, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, id-Delegazzjoni tal-UE għas-Somalja fir-rigward tal-mandati tagħhom u ż-żona ta' operazzjoni ta' Atalanta u tikkontribwixxi fl-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti tal-UE, b'mod partikolari l-programm reġjonali ta' sigurtà Marittima (MASE) taħt l-għaxar FEŻ u CRIMARIO;”.

    (2)

    L-Artikolu 15(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Ir-RGħ huwa b'dan awtorizzat li jikkomunika lill-Forzi Marittimi ta' Koalizzjoni (“CMF”) immexxija mill-Istati Uniti, permezz tal-Kwartieri Ġenerali tagħhom, kif ukoll lil Stati terzi li mhux qed jieħdu sehem fis-CMF u lil organizzazzjonijiet internazzjonali, li jinsabu fiż-żona tal-operazzjoni militari tal-UE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-fini tal-operazzjoni militari tal-UE fil-livell ta' RESTREINT UE, fuq il-bażi ta' reċiproċità, fejn komunikazzjoni bħal din fil-post tal-operazzjoni hija meħtieġa għal raġunijiet operattivi, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill u soġġett għal arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet terzi msemmija hawn fuq.”.

    (3)

    Fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Atalanta hija b'dan awtorizzata li tikkondividi mal-SEMG u l-CMF informazzjoni, minbarra data personali, dwar attivitajiet illegali jew mhux awtorizzati, miġbura matul l-operazzjonijiet kontra l-piraterija.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/827/PESK tal-21 ta' Novembru 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 19).


    Top