EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016C1224(01)

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017

ĠU C 484, 24.12.2016, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 484/7


Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017

(2016/C 484/02)

Ninsabu fi stadju kruċjali għall-Unjoni Ewropea. Dan huwa żmien ta’ ħafna sfidi globali, ekonomiċi, ambjentali u soċjetali. Għalhekk, iċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-Unjoni Ewropea tagħmel differenza konkreta billi tgħin tindirizza l-akbar fost dawn l-isfidi.

Il-kisba ta’ riżultati fejn huma l-aktar meħtieġa tirrikjedi li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jaħdmu flimkien mill-qrib, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess leġiżlattiv Ewropew. Huwa għalhekk li ħadna impenn, fil-paragrafu 7 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016, li jirrifletti l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li kull sena naqblu dwar għadd ta’ proposti li rridu nagħtuhom trattament prijoritarju fil-proċess leġiżlattiv.

Filwaqt li nkomplu naħdmu fuq il-proposti leġiżlattivi kollha, l-inizjattivi li ġejjin se jingħataw trattament prijoritarju fil-proċess leġiżlattiv biex ikun żgurat progress sostanzjali u, meta jkun possibbli, li dawn jitwettqu qabel tmiem l-2017:

1.

Nagħtu spinta ġdida lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment, b’mod partikolari: bl-irduppjar u t-tisħiħ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS 2.0), bil-modernizzazzjoni tal-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ, bit-titjib tal-ġestjoni tal-iskart f’ekonomija ċirkolari, bit-tlestija, bħala parti mill-isforzi ta’ approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, tal-Unjoni Bankarja b’mod li jinstab bilanċ bejn il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju, u bil-ħolqien ta’ swieq tat-titolizzazzjoni aktar sikuri u aktar trasparenti u prospetti għat-titoli mtejba biex titwettaq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

2.

Nindirizzaw id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, koordinazzjoni mtejba tas-sigurtà soċjali, l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà u l-ħolqien ta’ Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

3.

Nipproteġu aħjar is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, b’mod partikolari permezz ta’ protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tagħna bis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, il-Fruntieri Intelliġenti u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), permezz tat-tisħiħ tal-kontroll fuq l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, permezz ta’ strumenti aħjar biex it-terroriżmu jiġi kriminalizzat u biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS);

4.

Nirriformaw u niżviluppaw il-politika tagħna dwar il-migrazzjoni bi spirtu ta’ responsabbiltà u solidarjetà, b’mod partikolari permezz tar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (inkluż il-mekkaniżmu ta’ Dublin), il-pakkett dwar il-Migrazzjoni Legali u l-Pjan ta’ Investiment Estern biex ngħinu fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni bit-tisħiħ tal-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi sħab;

5.

Inwettqu l-impenn tagħna li nimplimentaw Suq Uniku Diġitali konness, b’mod partikolari permezz tar-riformi tal-UE b’rabta mat-telekomunikazzjonijiet u d-drittijiet tal-awtur, l-użu fl-Unjoni tal-banda ta’ 700 MHz, il-prevenzjoni tal-imblukkar ġeografiku inġustifikat, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u l-ikkompletar tal-ħidma biex nimmodernizzaw ir-regoli komuni tagħna dwar il-protezzjoni tad-data;

6.

Nilħqu l-objettiv tagħna ta’ Unjoni tal-Enerġija ambizzjuża u politika progressiva dwar it-tibdil fil-klima, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, is-segwitu għall-Ftehim ta’ Pariġi u l-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”.

Barra minn hekk, naqblu li jeħtieġ ukoll li jsir progress rigward il-kwistjonijiet importanti li ġejjin:

Il-ħidma biex inwettqu l-impenn tagħna favur il-valuri Ewropej komuni, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inkluż l-impenn konġunt tagħna biex niġġieldu d-diskriminazzjoni u l-ksenofobija;

Il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll l-iżgurar ta’ sistema ta’ tassazzjoni soda u ġusta;

Il-ħarsien tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, b’mod partikolari billi jiġu żgurati il-korrettezza, livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u d-drittijiet soċjali;

It-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa fil-protezzjoni u fid-difiża tal-interessi tagħna lil hinn mill-fruntiera tagħha, u fil-kontribut għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-paċi.

Intennu l-impenn tagħna favur il-promozzjoni tal-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Aħna, bħala Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea, se nissorveljaw regolarment l-implimentazzjoni f’waqtha u effiċjenti ta’ din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

Martin SCHULZ

President tal-Parlament Ewropew

Robert FICO

President tal-Kunsill

Jean-Claude JUNCKER

President tal-Kummissjoni Ewropea


Top