Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2206

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2206 tat-30 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 fir-rigward tat-tariffi pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

ĠU L 314, 1.12.2015, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2206/oj

1.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2206

tat-30 ta' Novembru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 fir-rigward tat-tariffi pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità (1) (“ir-Regolament Bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 (2) jipprevedi li l-President tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”) jista' jippermetti forom alternattivi ta' ħlas tat-tariffi u tas-sopraimposti, inklużi bil-kunsinna jew bl-għoti ta' ċekkijiet iċċertifikati. Madankollu, id-detenturi jqisuh piż kbir għalihom li jirrikjedu ċekkijiet iċċertifikati bħala ħlas. Barra minn hekk, irid jiġi żgurat li l-ħlasijiiet isiru b'mezz elettroniku.

(2)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jirrikjedi li persuna li tħallas it-tariffi jew is-sopraimposti trid tindika isimha u l-iskop ta' dan il-ħlas. F'każ li l-Uffiċċju jirċievi ħlas li għalih ma tkunx tista' tiġi stabbilita l-identità tal-persuna li għamlitu u lanqas ma tkun tista' ssir rifużjoni tal-ammont lil din il-persuna, jixraq li dawn il-flus jinżammu mill-Uffiċċju bħala dħul ieħor.

(3)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-livell tat-tariffa fuq l-applikazzjoni pagabbli lill-Uffiċċju għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal għotja ta' dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità. Sabiex isir eżami effettiv, effiċjenti u rapidu tal-applikazzjonijiet, importanti li titħeġġeġ il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet b'mezzi elettroniċi mill-formola fuq il-web. Għal din ir-raġuni, jixraq li titnaqqas it-tariffa mħallsa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni f'każ li applikazzjoni tiġi ppreżentata b'mezzi elettroniċi.

(4)

It-test fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 dwar il-ħatra u l-inkarigi ta' uffiċċji sekondarji u aġenziji nazzjonali jrid jiġi allinjat mar-Regolament Bażiku.

(5)

L-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jirregola r-rifużjoni tat-tariffi fuq l-applikazzjoni għall-applikazzjonijiet li mhumiex validi skont l-Artikolu 50 tar-Regolament Bażiku. Abbażi tal-esperjenza li għandu l-Uffiċċju dwar l-ispiża marbuta mal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-għotja ta' drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità li ma jkunux validi, jixraq li jitnaqqas l-ammont tat-tariffa fuq l-applikazzjoni li jżomm l-Uffiċċju.

(6)

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jikkonċerna t-tariffi għall-eżami tekniku ta' varjetà. F'każ ta' rapport ta' eżami dwar ir-riżultat ta' eżami tekniku li jkun diġà twettaq minn Uffiċċju ta' Eżami responsabbli qabel id-data ta' applikazzjoni għad-Dritt ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità msemmi fl-Artikolu 8(5), jixraq li jiġi speċifikat li t-tariffa għandha tiġi determinata mill-President tal-Uffiċċju wara konsultazzjoni mal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju.

(7)

L-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jipprevedi li l-President tal-Uffiċċju jistabbilixxi t-tariffi fir-rigward tal-Gazzetta Uffiċjali tal-Uffiċċju. Il-pubblikazzjoni perjodika tal-Gazzetta Uffiċjali tal-Uffiċċju li tiġi ppubblikata biss fil-verżjoni elettronika u ma għadhiex tiġi stampata tirrifletti l-kontenut tal-bażijiet tad-dejta tal-Uffiċċju. Din il-pubblikazzjoni ma teħtieġ l-ebda riżorsa partikolari oħra u għalhekk għandha titneħħa t-tariffa speċifika.

(8)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jikkonċerna s-sopraimposti. L-esperjenza wriet li l-ħidma addizzjonali tal-Uffiċċju, imsemmija fl-Artikolu 13(1) u (2)(b) dwar id-denominazzjonijiet tal-varjetà minħabba n-nuqqas ta' konformità inizjali tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti jew mal-emendi fil-każ ta' dritt konfliġġenti minn qabel, hija abitwali u ma teħtieġx aktar riżorsi. Għalhekk, kull sopraimposta għal dik il-ħidma addizzjonali mhix iġġustifikata.

(9)

L-Artikolu 13(2)(a) jipprevedi li l-Uffiċċju jista' jimponi sopraimposta mat-tariffa annwali jekk id-detentur jonqos milli jħallas it-tariffa annwali. F'dawn il-każijiet, l-Uffiċċju jista' jibda l-proċedura għall-kanċellazzjoni tal-protezzjoni. L-esperjenza wriet li l-Uffiċċju ma jimponi l-ebda sopraimposta jekk ma jsirx il-ħlas tat-tariffa annwali. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha titħassar.

(10)

L-Artikoli 93(3) u 94 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95 (3) ma ġewx sostitwiti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 (4). Għalhekk, il-paragrafi (3) u (4) tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 li jirreferu għal dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitħassru.

(11)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 għandu jiġi emendat skont dan.

(12)

Jixraq li l-emendi proposti jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016, biex ikunu allinjati mal-bidu tas-sena finanzjarja l-ġdida għall-baġit tal-Uffiċċju.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

il-kunsinna jew l-għotja ta' ċekkijiet li jitħallsu f'euro lill-Uffiċċju;”;

(ii)

il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

“(d)

ħlas b'mezzi elettroniċi, b'kard tal-ħlas jew b'debitu dirett.”.

(b)

Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Jekk wara li tintalab l-informazzjoni mill-bank ikkonċernat, l-identità tal-persuna li tagħmel il-ħlas ma tkunx tista' tiġi kkonfermata u ma tkunx tista' ssir rifużjoni tal-ammont lil xi persuna partikolari, l-ammont għandu jitqies bħala dħul ieħor fl-iskadenzi mniżżla fid-dispożizzjonijiet finanzjarji interni tal-Uffiċċju msemmi fl-Artikolu 112 tar-Regolament Bażiku u adottat mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju.”.

(c)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(i)

Il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   L-applikant għal Dritt ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità (‘l-applikant’) għandu jħallas tariffa ta' EUR 450 għall-ipproċessar ta' applikazzjoni ppreżentata b'mezzi elettoniċi mill-formola fuq il-web, li ssir mis-sistema ta' applikazzjoni onlajn tal-Uffiċċju.

L-applikant għandu jħallas tariffa ta' EUR 650 għall-ipproċessar ta' applikazzjoni ppreżentata b'mezzi oħra li ma jinkludux is-sistema ta' applikazzjoni onlajn tal-Uffiċċju.

2.   L-applikant għandu jieħu l-passi meħieġa għall-ħlasijiet tat-tariffa fuq l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, qabel jew fid-data li l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata direttament fl-Uffiċċju jew f'wieħed mill-Uffiċċji sekondarji stabbiliti jew fl-aġenziji nazzjonali responsabbli skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Bażiku.”.

(ii)

Il-paragrafu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“7.   Meta titħallas it-tariffa fuq l-applikazzjoni iżda l-applikazzjoni ma tkunx valida skont l-Artikolu 50 tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju għandu jżomm EUR 150 mit-tariffa fuq l-applikazzjoni u jagħti rifużjoni tal-bqija meta javża lill-applikant bin-nuqqasijiet li jkunu nstabu fl-applikazzjoni.”

(d)

Fl-Artikolu 8(5), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-ammont ta' dik it-tariffa għandu jkun determinat mill-President tal-Uffiċċju wara konsultazzjoni mal-Kunsill Amministrattiv u għandu jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Uffiċċju.”.

(e)

Fl-Artikolu 12(1), jitħassar il-punt (c).

(f)

Jitħassar l-Artikolu 13.

(g)

Fl-Artikolu 14, jitħassru l-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 tal-31 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU L 121, 1.6.1995, p. 31).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95 tal-31 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU L 121, 1.6.1995, p. 37).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas-17 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU L 251, 24.9.2009, p. 3).


Top