This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R0802
Council Regulation (EU) 2015/802 of 19 May 2015 suspending the autonomous Common Customs Tariff duties on certain heavy oils and similar products
Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/802 tad-19 ta' Mejju 2015 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti żjut tqal u prodotti simili
Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/802 tad-19 ta' Mejju 2015 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti żjut tqal u prodotti simili
ĠU L 128, 23.5.2015, p. 2–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 128/2 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/802
tad-19 ta' Mejju 2015
li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti żjut tqal u prodotti simili
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Taħt l-intestatura 2710 tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni (“dazji doganali”) fuq ċerti żjut u prodotti simili li l-piż tal-kostitwenti mhux aromatiċi tagħhom jaqbeż dak tal-kostitwenti aromatiċi huma sospiżi, sakemm dawk iż-żjut u prodotti simili huma destinati li jgħaddu minn proċess speċifiku u huma soġġetti għall-proċedura tal-użu finali stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (2) (il-“proċedura tal-użu finali”). |
(2) |
Ċerti żjut u prodotti simili li l-piż tal-kostitwenti aromatiċi tagħhom jaqbeż dak tal-kostitwenti mhux aromatiċi (“żjut tqal u prodotti simili”) kienu, sat-3 ta' April 2013, ukoll ikklassifikati taħt l-intestatura 2710, u b'hekk kienu jgawdu minn trattament ta' eżenzjoni mid-dazju għal perjodu indefinit. |
(3) |
Madankollu, mill-4 ta' April 2013, dawk iż-żjut tqal u prodotti simili ġew ikklassifikati taħt l-intestatura 2707, mingħajr ebda trattament ta' eżenzjoni mid-dazju. |
(4) |
B'effett mill-1 ta' Lulju 2014, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1387/2013 (3) ta sospensjoni temporanja tad-dazji doganali awtonomi lil dawk iż-żjut tqal u prodotti simili. |
(5) |
Madankollu, peress li fl-Unjoni ma hemm l-ebda provvista ta' tali żjut tqal u prodotti simili, is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali awtonomi kellha tiġi applikata mingħajr l-interruzzjoni matul il-perijodu mill-4 ta' April 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014, sakemm dawk iż-żjut tqal u prodotti simili kienu destinati għall-użu bħala materja prima tar-raffinerija biex jgħaddu minn proċess speċifiku u kienu soġġetti għall-proċedura tal-użu finali. |
(6) |
Għaldaqstant, bil-għan li jiġi żgurat b'mod adegwat il-benefiċċju tas-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali awtonomi fir-rigward ta' dawk iż-żjut tqal u prodotti simili li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2707 99 99, is-sospensjoni temporanja għandha tapplika b'effett retroattiv mill-4 ta' April 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014. |
(7) |
Sabiex jingħata effett għal tali sospensjoni retroattiva tad-dazji doganali awtonomi, l-effett retroattiv tal-awtorizzazzjoni għal użu finali korrispondenti, kif stipulat fl-Artikolu 294(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, għandu wkoll jiġi estiż sal-4 ta' April 2013, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mill-4 ta' April 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014, id-dazji doganali awtonomi fuq żjut tqal u prodotti simili li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2707 99 99 destinati għall-użu bħala materja prima tar-raffinerija biex jgħaddu minn wieħed mill-proċessi speċifiċi deskritti fin-nota addizzjonali 5 għall-Kapitolu 27 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandhom jiġu sospiżi, sakemm ir-regoli dwar il-proċedura tal-użu finali stabbiliti fl-Artikoli minn 291 sa 300 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jiġu applikati.
Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, l-effett retroattiv ta' awtorizzazzjoni għal użu finali kif stipulat fl-Artikolu 294(3) tar- Regolament (KEE) Nru 2454/93 jista' jiġi estiż sal-4 ta' April 2013 sakemm il-kondizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 294(3) ta' dak ir-Regolament jiġu ssodisfati.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
E. RINKĒVIČS
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1387/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1344/2011 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 201).