Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0628

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/628 tat-22 ta' April 2015 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (“REACH”) fir-rigward taċ-ċomb u l-komposti tiegħu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 104, 23.4.2015, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/628/oj

    23.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 104/2


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/628

    tat-22 ta' April 2015

    li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (“REACH”) fir-rigward taċ-ċomb u l-komposti tiegħu

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-21 ta' Diċembru 2012, l-Isvezja ressqet dossier lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (id-dossier skont l-Anness XV), li kien juri li minħabba li t-tfal idaħħlu l-affarijiet f'ħalqhom, speċjalment dawk taħt is-36 xahar, dawn jistgħu jkunu esposti ripetutament għaċ-ċomb irrilaxxat minn oġġetti tal-konsum li jkun fihom iċ-ċomb jew il-komposti tiegħu. Iċ-ċomb u l-komposti tiegħu jinstabu fl-oġġetti tal-konsum bħala ċomb metalliku miżjud intenzjonalment, bħala impurità jew addittiv tal-ligi tal-metall (b'mod partikolari fir-ram isfar), bħala pigment, u bħala stabbilizzatur fil-polimeri (b'mod partikolari fil-klorur tal-polivinil).

    (2)

    Esponiment repetut għaċ-ċomb minħabba li l-oġġetti li fihom iċ-ċomb jew il-komposti tiegħu jiddaħħlu fil-ħalq jista' jwassal għal effetti severi u irreversibbli fuq l-imġiba u l-iżvilupp newroloġiku li t-tfal huma partikolarment sensittivi għalihom, peress li s-sistema nervuża ċentrali tagħhom tkun għadha qed tiżviluppa. Għalhekk, it-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu f'oġġetti li huma fornuti lill-pubbliku inġenerali, u li t-tfal jistgħu jpoġġu f'ħalqhom, għandhom ikunu pprojbiti jekk il-konċentrazzjoni ta' ċomb f'dak l-oġġett, jew f'parti minn dak l-oġġett (mogħtija bħala metall), taqbeż ċertu livell minimu.

    (3)

    Fl-10 ta' Diċembru 2013, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “RAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, li fiha kkonkluda li r-restrizzjoni hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati li joħolqu ċ-ċomb u l-komposti tiegħu meta jkunu preżenti f'oġġetti intenzjonati għall-użu mill-konsumaturi f'termini tal-effikaċja fit-tnaqqis ta' riskji bħal dawn, u li fiha ppropona ċerti modifiki tal-ambitu tar-restrizzjoni.

    (4)

    Fit-13 ta' Marzu 2014, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, li fiha kkonkluda li r-restrizzjoni proposta minn min ressaq id-dossier, kif modifikata mir-RAC u anke mis-SEAC, kienet l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, partikolarment f'termini tal-proporzjonalità. Din il-konklużjoni ntlaħqet wara li ġiet analizzata l-evidenza soċjoekonomika disponibbli u abbażi tal-aħjar stimi disponibbli għall-fatturi ta' inċertezza, filwaqt li tqies il-fatt li ma hemm l-ebda limitu għall-effetti taċ-ċomb fuq l-imġiba u-iżvilupp newroloġiku.

    (5)

    Il-Forum għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar tal-Aġenzija kien ikkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjonijiet u l-opinjoni tiegħu tqieset u wasslet għal modifika tad-deskrizzjoni tal-ambitu tar-restrizzjoni proposta u għall-eżenzjonijiet minnha.

    (6)

    Għandu jiġi konklużl-preżenza taċ-ċomb u l-komposti tiegħu f'oġġetti fornuti lill-pubbliku inġenerali f'ammonti li jaqbżu l-limiti tal-kontenut jew, alternattivament, il-limitu tar-rata ta' migrazzjoni speċifikati fl-opinjonijiet toħloq riskju inaċċettabbli għas-saħħa umana. Hemm bżonn li dawk ir-riskji jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni.

    (7)

    Abbażi tal-livell derivat ta' effett minimu stabbilit għaċ-ċomb, minħabba li t-tfal idaħħlu l-affarijiet f'ħalqhom u abbażi ta' studji dwar il-migrazzjoni taċ-ċomb mill-partijiet metalliċi tal-ġojjellerija, għandu jiġi stabbilit limitu għall-kontenut taċ-ċomb li jkun japplika għall-partijiet metalliċi u mhux metalliċi tal-oġġetti kollha, sakemm ma jkunx jista' jintwera li r-rata tar-rilaxx taċ-ċomb ma taqbiżx ċertu livell minimu. Għall-oġġetti miksija, il-kisja għandha tkun biżżejjed biex tiżgura li din ir-rata ma tinqabiżx għal perjodu ta' mill-inqas sentejn ta' użu normali tal-oġġett.

    (8)

    Għandhom jingħataw eżenzjonijiet minn dan ir-Regolament għal ċerti oġġetti li għalihom huwa mistenni livell baxx ta' migrazzjoni, bħall-ħġieġ tal-kristall, l-enamel u l-ħaġar prezzjuż u semi-prezzjuż, jew livell aċċettabbli ta' migrazzjoni, dejjem jekk ma jinqabiżx ċertu limitu tal-kontenut, li jista' jkun il-każ għal-ligi tar-ram isfar, u għal oġġetti speċifiċi li d-daqs żgħir tagħhom ifisser li l-esponiment għaċ-ċomb hija minima, prinċiparjament il-ponot tal-istrumenti tal-kitba.

    (9)

    Iċ-ċwievet, is-serraturi, il-katnazzi u l-istrumenti tal-mużika jistgħu jiddaħħlu f'ħalq it-tfal u għalhekk jistgħu jkunu ta' risjku għat-tfal jekk ikun fihom iċ-ċomb. Madankollu, b'mod eċċezzjonali, dawk l-oġġetti għandhom jiġu eżentati minħabba li donnu hemm nuqqas ta' alternattivi xierqa għaċ-ċomb fil-manifattura ta' dawk l-oġġetti, u minħabba li jista' jkun hemm impatt soċjoekonomiku negattiv sinifikanti meta tiġi applikata r-restrizzjoni għalihom. Bl-istess mod, l-impatt tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni għall-oġġetti reliġjużi u għal ċerti batteriji ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ u għalhekk hu xieraq li dawn jiġu eżentati, b'mod eċċezzjonali, mill-ambitu tagħha sakemm tkun tista' ssir valutazzjoni ddettaljata tiegħu. Għalhekk, il-paragrafi l-ġodda f'din l-entrata u r-rekwiżiti dwar l-integrità tal-kisi għandhom jiġu riveduti wara perjodu xieraq wara d-data tal-applikazzjoni tagħhom.

    (10)

    L-oġġetti li diġà huma koperti minn leġizlazzjoni speċifika tal-Unjoni li tirregola l-kontenut jew il-migrazzjoni taċ-ċomb għandhom jiġu eżentati għal raġunijiet ta' konsistenza.

    (11)

    Il-linji gwida rigward l-oġġetti li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta' din ir-restrizzjoni u lil hinn minnu għandhom jiġi żviluppati sabiex jgħinu lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet tal-infurzar fl-implimentazzjoni tagħha.

    (12)

    L-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni biex jadattaw il-manifattura tagħhom għar-restrizzjoni stipulata minn dan ir-Regolament u biex jeħilsu mill-istokk li jkun għadu ma tqiegħedx fis-suq. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni m'għandhiex tapplika għall-oġġetti użati li jkunu tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba qabel tmiem dak il-perjodu tranżitorju, peress li dan iwassal għal diffikultajiet konsiderevoli ta' infurzar.

    (13)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

    (14)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' April 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.


    ANNESS

    Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-kolonna 2 tal-entrata 63 għandha tiġi emendata kif ġej:

    (1)

    il-paragrafu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:

     

    “6.

    Sad-9 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni għandha tevalwa mill-ġdid il-paragrafi 1 sa 5 ta' din l-entrata fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku l-ġdid, inkluż id-disponibbiltà tal-alternattivi u l-migrazzjoni taċ-ċomb mill-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u, jekk ikun xieraq, għandha timmodifika din l-entrata kif xieraq.”

    ;

    (2)

    għandhom jiżdiedu l-paragrafi 7 sa 10 li ġejjin:

     

    “7.

    Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw f'oġġetti fornuti lill-pubbliku inġenerali, jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb f'dawk l-oġġetti jew fil-partijiet aċċessibbli tagħhom (mogħtija bħala metall) tkun ta' 0,05 % skont il-piż jew iktar minn hekk, u jekk it-tfal ikunu jistgħu jqiegħdu dawk l-oġġetti jew il-partijiet aċċessibbli tagħhom f'ħalqhom f'kundizzjonijiet normali jew raġonevolment prevedibbli tal-użu.

    Dak il-limitu ma għandux japplika fejn ikun jista' jintwera li r-rata tar-rilaxx taċ-ċomb mit-tali oġġett jew minn kwalunkwe parti aċċessibbli tal-oġġett bħal din, kemm jekk tkun miksija u kemm jekk ma tkunx, ma tkunx taqbeż iż-0,05 μg/cm2 fis-siegħa (li hija ekwivalenti għal 0,05 μg/g/h), u, għall-oġġetti miksija, li l-kisja hija biżżejjed biex ikun żgurat li din ir-rata ta' rilaxx ma tinqabiżx għal perjodu ta' mill-inqas sentejn ta' kondizzjonijiet ta' użu normali jew raġonevolment previdibbli tal-oġġett.

    Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, qed jitqies li t-tfal jistgħu jqiegħdu f'ħalqhom oġġett jew parti aċċessibbli ta' oġġett jekk din tkun iżgħar minn 5 cm f'dimensjoni waħda jew jekk din ikollha parti li tinqala' jew parti ħierġa 'l barra ta' dan id-daqs.

    8.

    B'deroga, il-paragrafu 7 ma għandux japplika għal:

    a.

    l-oġġetti tal-ġojjellerija koperti mill-paragrafu 1.

    b.

    il-ħġieġ tal-kristall kif iddefinit fl-Anness I (il-kategoriji 1, 2, 3 u 4) tad-Direttiva 69/493/KEE;

    c.

    il-ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż mhux sintetiku jew rikostitwit (tal-kodiċi tan-NM 7103 , kif stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 2658/87), sakemm ma jkunx ġie ttrattat biċ-ċomb jew bil-komposti tiegħu jew b'taħlitiet li fihom dawn is-sustanzi;

    d.

    l-enamel, iddefinit bħala taħlitiet li jistgħu jsiru ħġieġ li jkunu ġejjin mill-fużjoni, mill-vitrifikazzjoni jew mis-sinterizzazzjoni ta' mineral maħlul f'temperatura ta' mill-anqas 500 °C;

    e.

    iċ-ċwievet u s-serraturi, inklużi l-katnazzi;

    f.

    l-istrumenti mużikali;

    g.

    l-oġġetti u l-partijiet ta' oġġetti li jkun fihom ligi tar-ram isfar, jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb fil-liga tar-ram isfar (mogħtija bħala metall) ma taqbiżx iż-0,5 % skont il-piż;

    h.

    il-ponot tal-istrumenti tal-kitba;

    i.

    l-oġġetti reliġjużi;

    j.

    il-batteriji portabbli tal-karbonju-żingu u l-batteriji ċellulari f'forma ta' buttuna;

    k.

    l-oġġetti li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta':

    (i)

    id-Direttiva 94/62/KE;

    (ii)

    ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004;

    (iii)

    id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

    (iv)

    id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**)

    9.

    Sal-1 ta' Lulju 2019, il-Kummissjoni għandha tevalwa mill-ġdid il-paragrafi 7 u 8(e), (f), (i) u (j) ta' din l-entrata fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku l-ġdid li jkun hemm, inkluż id-disponibbiltà tal-alternattivi u l-migrazzjoni taċ-ċomb mill-oġġetti msemmija fil-paragrafu 7, inkluż ir-rekwiżit dwar l-integrità tal-kisi, u, jekk ikun xieraq, għandha temenda din l-entrata kif xieraq.

    10.

    B'deroga, il-paragrafu 7 ma għandux japplika għall-oġġetti mqiegħda fis-suq għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Ġunju 2016.


    (*)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).

    (**)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).”


    Top