This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D2274
Council Decision (CFSP) 2015/2274 of 7 December 2015 appointing the European Union Special Representative for the Sahel
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2274 tas-7 ta' Diċembru 2015 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2274 tas-7 ta' Diċembru 2015 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
ĠU L 322, 8.12.2015, p. 44–49
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2020
8.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 322/44 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2274
tas-7 ta' Diċembru 2015
li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-18 ta' Marzu 2013 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/133/PESK (1) li taħtar lis-Sur Michel Dominique REVEYRAND-DE MENTHON bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel. Il-mandat tar-RSUE skada fil-31 ta' Ottubru 2015. |
(2) |
Għandu jinħatar RSUE ġdid għas-Saħel għall-perijodu mill-1 ta' Novembru 2015 sat-28 ta' Frar 2017. |
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tar-RSUE fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tikkomprometti l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
1. Lis-Sur Ángel LOSADA FERNÁNDEZ hija/huwa b'dan maħtura/maħtur bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel sat-28 ta' Frar 2017. Il-mandat tar-RSUE jista' jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
2. Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, is-Saħel huwa definit bħala l-fokus primarju tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel (“l-Istrateġija”) u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali tagħha (“il-PAR”), jiġifieri l-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer. Għal kwistjonijiet b'implikazzjonijiet reġjonali aktar estensivi, ir-RSUE għandu jfittex kuntatti mal-pajjiżi tal-Baċir tal-Lag taċ-Ċad u ma' pajjiżi ġirien u entitajiet reġjonali jew internazzjonali oħra lil hinn mis-Saħel, u wkoll mal-Afrika tal-Punent u l-Golf tal-Guinea, kif adatt.
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
1. Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv tal-politika tal-Unjoni relattivament għas-Saħel bħala kontribuzzjoni attiva għall-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp dejjiema fir-reġjun. Ir-RSUE għandu addizzjonalment jimmira li jsaħħaħ il-kwalità, l-intensità u l-impatt tal-involviment komprensiv tal-Unjoni fis-Saħel.
2. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-isforzi kollha tal-Unjoni fir-reġjun, partikolarment fl-oqsma ta' politika, ta' sigurtà u ta' żvilupp, inkluża l-Istrateġija u l-PAR tagħha, u għall-koordinazzjoni tal-istrumenti rilevanti kollha għall-azzjonijiet tal-Unjoni.
3. Għandha tingħata prijorità lill-Mali u lill-istabbilizzazzjoni tiegħu fit-tul u lid-dimensjonijiet reġjonali tal-konflitt, f'koordinazzjoni mad-delegazzjoni tal-UE.
4. L-objettivi ta' politika tal-Unjoni għandhom jimmiraw sabiex, permezz tal-użu koordinat u effettiv tal-istrumenti kollha tagħha, jippromwovu r-ritorn tal-Mali u tal-poplu tiegħu lejn triq ta' paċi, rikonċiljazzjoni, sigurtà u żvilupp.
5. Għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun, bħall-Mauritania, il-Burkina Faso, in-Niġer u ċ-Ċad, inklużi l-elezzjonijiet li ġejjin fl-aħħar tliet pajjiżi.
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni relattivament għas-Saħel, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
jikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-PAR tagħha u għall-koordinazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-approċċ komprensiv tal-Unjoni fir-rigward tal-kriżi reġjonali, bl-għan li jsaħħaħ il-koerenza u l-effikaċja ġenerali tal-attivitajiet tal-Unjoni fis-Saħel, partikolarment fil-Mali; |
(b) |
ifittex kuntatti mal-partijiet konċernati rilevanti kollha li għandhom interessi fir-reġjun, il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari l-G5 tas-Saħel, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, inkluż mal-pajjiżi tal-Magreb u l-Baċir tal-Lag taċ-Ċad, bl-għan li jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għal apprezzament aħjar tar-rwol tal-Unjoni fis-Saħel; |
(c) |
jirrappreżenta u jippromwovi l-interess tal-Unjoni f'fora reġjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż il-parteċipazzjoni fil-Comité de Suivi tal-Ftehim ta' Paċi tal-Mali, u jiżgura l-viżibbiltà għall-appoġġ mill-Unjoni għall-immaniġġar tal-kriżi u l-prevenzjoni tal-konflitti, inklużi EUTM Mali, EUCAP Sahel Mali u EUCAP Sahel Niger; |
(d) |
iżomm kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti (NU), b'mod partikolari r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Mali, u l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Saħel, l-Unjoni Afrikana (UA), b'mod partikolari r-Rappreżentant Għoli tal-UA għall-Mali u għas-Saħel, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), il-G5 Saħel, il-Kummissjoni tal-Baċir tal-Lag taċ-Ċad u partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra inklużi Mibgħutin Speċjali oħrajn għas-Saħel, kif ukoll il-korpi rilevanti fiż-żona tal-Magreb; |
(e) |
isegwi mill-qrib id-dimensjoni reġjonali u transkonfinali tal-isfidi fis-Saħel, inklużi t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu tal-armi, it-traffikar ta' bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni, it-traffikar tad-drogi, il-flussi ta' refuġjati u migrazzjoni u flussi finanzjarji relatati; f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu; |
(f) |
isegwi mill-qrib il-konsegwenzi umanitarji, politiċi, ta' sigurtà u ta' żvilupp ta' flussi fuq skala kbira ta' refuġjati u migrazzjoni u flussi finanzjarji illeċiti relatati fir-reġjun; fuq talba, jidħol fi djalogu dwar il-migrazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti u jikkontribwixxi b'mod ġenerali għall-politika tal-Unjoni fuq il-migrazzjoni u r-refuġjati fir-rigward tar-reġjun, f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sabiex iżid il-kooperazzjoni inkluż dwar ir-ritorn u r-riammissjoni; jaħdem mal-pajjiżi tas-Saħel biex iwettqu l-azzjoni miftiehma waqt is-Summit ta' Valletta f'Novembru 2015; |
(g) |
iżomm kuntatti politiċi ta' livell għoli fuq bażi regolari mal-pajjiżi fir-reġjun li huma milquta mit-terroriżmu u mill-kriminalità internazzjonali biex ikun żgurat approċċ koerenti u komprensiv u biex ikun żgurat ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-isforzi internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Dan jinkludi l-appoġġ attiv mill-Unjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet reġjonali fil-qasam tas-sigurtà, u biex ikun żgurat rispons adegwat lill-kawżi li huma l-għeruq tat-terroriżmu u tal-kriminalità internazzjonali fis-Saħel; |
(h) |
isegwi mill-qrib il-konsegwenzi ta' politika, sigurtà u żvilupp tal-kriżijiet umanitarji fir-reġjun; |
(i) |
fir-rigward tal-Mali, jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż, b'mod partikolari ritorn sħiħ għan-normalità kostituzzjonali fit-territorju kollu u djalogu nazzjonali inklużiv u kredibbli fil-qafas ġenerali tal-Ftehim ta' paċi tal-Mali. Dan jinkludi wkoll il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' istituzzjonijiet, ir-riforma fil-qasam tas-sigurtà u l-iżvilupp tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni dejjiema u l-ġlied kontra l-korruzzjoni u l-impunità fil-Mali; |
(j) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitt Armat, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u jippromwovi l-inklussività u l-ġeneru fil-proċess tal-bini tal-istat, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u riżoluzzjonijet sussegwenti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluża r-Riżoluzzjoni 2242 (2015). Il-kontribuzzjoni ser tinkludi l-monitoraġġ u r-rapportar dwar l-iżviluppi, kif ukoll il-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward u jżomm kuntatt regolari mal-awtoritajiet rilevanti f'Mali u fir-reġjun, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-difensuri u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun. |
(k) |
isegwi u jirrapporta dwar il-konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà (UNSCRs), b'mod partikolari mal-UNSCRs 2056 (2012), 2071 (2012), 2085 (2012), 2100 (2013) u 2227 (2015). |
2. Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:
(a) |
jagħti pariri u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f'fora reġjonali u internazzjonali, kif meħtieġ, sabiex jippromovi u jsaħħaħ proattivament l-approċċ komprensiv tal-Unjoni lejn il-kriżi fis-Saħel; |
(b) |
iżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet tal-Unjoni u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE bi gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu, b'mod partikolari mal-Koordinatur tas-Saħel.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Novembru 2015 sat-28 ta' Frar 2017 għandu jkun ta' EUR 1 770 000.
2. In-nefqa għandha tiġi ġestita konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp
1. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tar-RSUE. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika u ta' sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u l-Kummissjoni mill-ewwel infurmati dwar minn min hu magħmul il-grupp.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' persunal issekondat mar-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE. Esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4. Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kkolokat fid-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tar-RSUEu s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona tar-responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu li jaqa' taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tar-responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona tar-responsabbiltà; |
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tar-responsabbiltàjew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati li dik iż-żona mis-SEAE; |
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà jiġu implimentati u jipprovdi rapporti bil-miktub lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport tal-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
1. Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport skont il-ħtieġa lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari Għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
2. Ir-RSUE għandu jirrapporta dwar l-aħjar mod sabiex jintlaħqu l-inizjattivi tal-Unjoni, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi, u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti ta' żvilupp rilevanti tal-Unjoni, f'koordinazzjoni mad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.
Artikolu 12
Koordinazzjoni ma' atturi oħra tal-Unjoni
1. Fil-qafas tal-Istrateġija, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni politika u diplomatika tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiżgura konsistenza fl-użu tal-istrumenti kollha tal-Unjoni u fl-indirizz tal-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri, biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-Unjoni.
2. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tad-delegati tal-Unjoni u dawk tal-Kummissjoni, tas-SEAE u ta' servizzi rilevanti oħra tal-UE kif ukoll dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun b'aġġornamenti regolari ta' informazzjoni.
3. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Ir-RSUE, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kapijiet tal-Missjoni ta' EUCAP Sahel Niger u EUCAP Sahel Mali u lill-Kmandant tal-Missjoni ta' EUTM Mali. Ir-RSUE, il-Kmandant tal-Missjoni ta' EUTM Mali u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili ta' EUCAP Sahel Niger u EUCAP Sahel Mali għandhom jikkonsultaw lill xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 13
Analiżi
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu analizzati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport ta' progress lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni qabel l-aħħar ta' Ġunju 2016 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Novembru 2016.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2015.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
C. CAHEN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/133/PESK tat-18 ta' Marzu 2013 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (ĠU L 75, 19.3.2013, p. 29).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).