EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1849

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1849 tat-13 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta' organiżmi ta' ħsara fir-rigward ta' ċertu ħxejjex tal-ikel li joriġinaw fil-Gana (notifikata bid-dokument C(2015) 6858)

ĠU L 268, 15.10.2015, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017: This act has been changed. Current consolidated version: 20/12/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1849/oj

15.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/33


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1849

tat-13 ta' Ottubru 2015

dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta' organiżmi ta' ħsara fir-rigward ta' ċertu ħxejjex tal-ikel li joriġinaw fil-Gana

(notifikata bid-dokument C(2015) 6858)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Kontrolli tas-saħħa tal-pjanti mwettqa mill-Istati Membri fuq kunsinni ta' ċerti pjanti u prodotti tal-pjanti li joriġinaw fil-Gana żvelaw li għadd kbir minn dawn il-pjanti u prodotti tal-pjanti ġew infestati b'organiżmi ta' ħsara, prinċipalment Tephritidae (mhux Ewropew), Thrips palmi Karny jew Bemisia tabaci (Genn.) Sa mill-2009, l-għadd ta' kunsinni mill-Gana interċettati li kien fihom organiżmi ta' ħsara fl-Unjoni wera xejra sinifikanti 'l fuq. Ħafna mill-interċettazzjonijiet jikkonċernaw il-pjanti għajr iż-żerriegħa, ta' Capsicum L., Lagenaria Ser., Luffa Mill., Momordica L. u Solanum L. għajr S. lycopersicum L. (minn hawn 'quddiem “il-komoditajiet speċifikati”).

(2)

Awditi mwettqa mill-Kummissjoni fil-Gana, fl-2012 u l-2015, żvelaw nuqqasijiet fis-sistema ta' ċertifikazzjoni fitosanitarja tal-esportazzjoni. Minkejja l-assigurazzjonijiet u l-azzjonijiet imħabbra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Gana, l-għadd ta' interċettazzjonijiet żdied aktar.

(3)

Fid-dawl tar-riżultati ta' dawk l-awditi u l-għadd ta' interċettazzjonijiet, ġie konkluż li s-salvagwardji fitosanitarji attwali tal-Gana huma insuffiċjenti biex jiżguraw li l-kunsinni ta' pjanti u prodotti tal-pjanti li joriġinaw fil-Gana ikunu ħielsa minn organiżmi ta' ħsara jew biex jindirizzaw ir-riskju ta' introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara fl-Unjoni permezz tal-importazzjoni ta' komoditajiet speċifikati.

(4)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi indirizzat ir-riskju li jirriżulta minn importazzjoni fl-Unjoni tal-komoditajiet speċifikati. Għalhekk, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-komoditajiet speċifikati għandha tiġi pprojbita.

(5)

Il-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2016 sabiex jiġi indirizzat ir-riskju kontinwu ta' introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara, filwaqt li jippermettu lill-Gana taġġorna s-sistema ta' ċertifikazzjoni tagħha.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta' pjanti għajr iż-żerriegħa, ta' Capsicum L., Lagenaria Ser., Luffa Mill., Momordica L. u Solanum L., għajr S. lycopersicum L. li jorġinaw fil-Gana għandha tiġi pprojbita.

Artikolu 2

L-Artikolu 1 japplika sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.


Top