EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0450

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/450 tas- 16 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tat-testijiet għall-Istati Membri li qed jintegraw ruħhom fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) jew li qegħdin jibdlu sostanzjalment is-sistemi nazzjonali direttament relatati tagħhom (notifikata bid-dokument C(2015) 1612)

ĠU L 74, 18.3.2015, p. 31–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/450/oj

18.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/31


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/450

tas-16 ta' Marzu 2015

li tistabbilixxi r-rekwiżiti tat-testijiet għall-Istati Membri li qed jintegraw ruħhom fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) jew li qegħdin jibdlu sostanzjalment is-sistemi nazzjonali direttament relatati tagħhom

(notifikata bid-dokument C(2015) 1612)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (1) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 20(3), il-punt (a) tal-Artikolu 22, l-Artikolu 36(4) u l-Artikolu 37(7) tiegħu, u

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (2) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 20(4), il-punt (a) tal-Artikolu 22, l-Artikolu 51(4) u l-Artikolu 52(7) tiegħu, u

Wara li kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Is-sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen kienet stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (3). Dik is-sistema kkostitwixxiet għodda essenzjali biex tiġi applikata d-dispożizzjoni tal-acquis ta' Schengen kif inhu integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen ġiet issostiwita fid-9 ta' April 2013 mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) meta r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI saru applikabbli. Bħall-predeċessur tagħha, is-SIS II hija kontroparti ewlenija fl-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni kif ukoll kontribuzzjoni kruċjali għaż-żamma ta' livell għoli ta' sigurtà ġewwa l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(3)

L-arkitettura teknika tas-SIS II hija komposta minn sistema ċentrali (Central SIS II), applikazzjonijiet nazzjonali u infrastruttura tal-komunikazzjoni bejn is-Central SIS II u l-applikazzjonijiet nazzjonali.

(4)

Kien u għadu neċessarju li jsiru testijiet sabiex jiġi valutat jekk is-SIS II toperax b'mod konformi mar-rikwiżiti tekniċi u funzjonali kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

(5)

Ir-rekwiżiti tal-ittestjar applikabbli għall-fażijiet ta' prova maġġuri tal-iżvilupp tekniku tas-SIS II ġew stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/ĠAI (5) kif ukoll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 (6) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI (7). Dawn l-istrumenti ddefinixxew ir-rekwiżiti bażiċi u l-organizzazzjoni tat-testijiet tas-Sistema ċentrali tas-SIS II, is-sistemi nazzjonali tas-SIS II, l-interazzjoni bejniethom kif ukoll it-testijiet relatati mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni. Peress li dawn l-istrumenti kienu jirrelataw mal-iżvilupp tekniku tas-SIS II, l-effett legali tagħhom spiċċa malli s-SIS II bdiet titħaddem fid-9 ta' April 2013. Ir-Regolament (KE) 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI skadew fit-8 ta' Mejju 2013 u ġew ukoll imħassra mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1273/2012 (8) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1272/2012 (9) rispettivament. It-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 189/2008 u tad-Deċiżjoni 2008/173/ĠAI ġie propost fl-2014 (10).

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 189/2008, id-Deċiżjoni 2008/173/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI għamlu t-testijiet tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni, it-testijiet nazzjonali tal-konformità, it-testijiet komprensivi, kif ukoll it-test tal-iskambju tal-informazzjoni supplimentari, obbligatorji għall-Istati Membri li mmigraw minn SIS 1+ lejn SIS II. Is-suċċess tat-testijiet fuq is-SIS II Ċentrali, tat-testijiet tal-konformità nazzjonali u t-testijiet relatati mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni kien prekondizzjoni biex jinbeda t-test komprensiv. Il-Kummissjoni kellha tiddikjara t-tlestija b'suċċess tat-test komprensiv bħala prekondizzjoni biex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

(7)

Fid-dawl tat-tkabbir tal-Unjoni u b'mod partikolari t-tkabbir tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, huwa neċessajru li jiġu definiti t-testijiet li juru kemm Stat Membru jkun teknikament lest biex jintegra ruħu fis-SIS II. Sabiex tiġi msaħħa ċ-ċertezza ġuridika huwa neċessarju li jiġu ddefiniti r-rikwiżiti tal-ittestjar. Dawn it-testijiet għandhom jipprovaw li Stat Membru huwa kapaċi li jagħmel skambju ta' informazzjoni supplementari, li s-sistema nazzjonali tiegħu hija kompletament konformi mas-SIS II Ċentrali, li huwa kapaċi li jdaħħal, jaġġorna, iħassar u jfittex id-dejta, li huwa kapaċi li jtella' ritratti u marki tas-swaba' fil-kwalità meħtieġa u li huwa kapaċi li jipproċessa d-dejta fuq identità użata ħażin.

(8)

L-Istati Membri li beħsiebhom jimplementaw tibdila sostanzjali fis-sistemi nazzjonali SS II tagħhom (N.SIS II) jew fl-applikazzjoni SIRENE tagħhom kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI għandhom ukoll jiġu ttestjati kif definit mill-Awtorità Maniġerjali sabiex jipprovaw konformità sħiħa mas-SIS II Ċentrali jew juru l-abbiltà li jagħmlu skambju ta' informazzjoni supplementari. L-Aġenzija Ewropea għall-immaniġġjar operazzjonali ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ngħatat is-setgħa li tkun l-Awtorità Maniġerjali mir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI ikkombinata mar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(9)

Jekk wieħed jieħu kont tal-prinċipju li l-istess rekwiżiti tekniċi għandhom japplikaw għall-Istati Membri kollha, ikun xieraq li l-istess fażijiet ta' ttestjar jiġu applikati għall-Istati Membri li jkunu qed jippjanaw li jintegraw mas-SIS II li l-Istati Membri kellhom jeżegwixxu biex jagħmlu l-migrazzjoni mis-SIS 1+ lejn SIS II.

(10)

Huwa wkoll xieraq li jsir użu tal-esperjenza akkwistata waqt l-iżvilupp tas-SIS II u li jiżdiedu dawk it-testijet li ma kienu previsti fl-ebda strumenti legali imma li ġew miżjuda mill-Istati Membri li ħadu sehem fil-korpi ta' tħejjija tal-Kunsill, b'mod partikulari t-test dwar l-iskambju tal-formoli SIRENE.

(11)

It-testijiet għandhom jiġu organizzati, definiti u eżegwiti mill-Awtorità Maniġerjali bl-assistenza tal-Istati Membri.

(12)

Minħabba li r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, innotifikat permezz ta' ittra tal-15 ta' Ġunju 2007 it-traspożizzjoni ta' dan l-acquis fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka tipparteċipa fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI. Għalhekk hija marbuta li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(13)

Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f'din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari b'relazzjoni mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (12).

(14)

L-Irlanda qiegħda tieħu sehem f'din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari b'relazzjoni mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (13).

(15)

Rigward Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li huwa relatat miegħu b'xi mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003.

(16)

Rigward il-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li huwa relatat miegħu b'xi mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2012.

(17)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (14), li jagħmlu parti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (15).

(18)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (16), li taqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE (17).

(19)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (18), li jaqa' taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (19).

(20)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u bl-Artikolu 67 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)   Qabel ma jintegraw fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), l-Istati Membri jagħmlu t-testijiet u l-proċedura tal-ittestjar stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

(2)   L-Istati Membri li beħsiebhom jimplementaw tibdil sostanzjali fl-N.SIS II jew l-applikazzjoni SIRENE tagħhom jagħmlu rikjesta lill-Awtorità Maniġerjali biex jiġi ddeterminat liema testijiet fost dawk stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu, u jgħaddu mill-proċedura tal-ittestjar stipulata fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri konċernati ma jimplementawx dawk il-bidliet qabel ma t-testijiet ikunu saru b'suċċess.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lejn l-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(2)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(3)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS II) (ĠU L 57, 1.3.2008, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) (ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1273/2012 tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 359, 29.12.2012, p. 32).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1272/2012 tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 359, 29.12.2012, p. 21).

(10)  COM(2014) 713 final u COM(2014) 714 final.

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(13)  Id-Deciżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(14)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-s ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(16)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78).

(18)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

“TESTIJIET TAS-SIS II

1.   OBJETTIVI

It-testijiet imsemmija hawnhekk qegħdin biex juru li s-sistema nazzjonali (N.SIS II), l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-interazzjonijiet bejn is-SIS II Ċentrali (C.SIS II) u l-N.SIS II jaħdmu skont ir-rikwiżiti tekniċi u funzjonali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Barra minn dan, it-testijiet SIS II qegħdin biex juru wkoll li l-N.SIS II, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-interazzjonijiet bejn is-C.SIS II u l-N.SIS II huma kapaċi jaħdmu skont ir-rekwiżiti nonfunzjonali, bħar-robustezza, disponibbiltà u l-prestazzjoni stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

2.   IL-PROĊESS, L-AMBITU DETTALJAT U L-ORGANIZZAZZJONI TAT-TESTIJIET TAS-SIS II

Is-sekwenza, l-objettiv, l-ambitu (skont l-implementazzjoni nazzjonali) u l-organizzazzjoni tat-testijiet huma kif ġej:

2.1.   It-testijiet tal-konnettività huma l-ewwel fażi ta' testijiet li tindirizza t-testjar tal-konnettività u r-reżiljenza tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni tas-SIS II.

2.2.   It-testijiet ta' konformità Nazzjonali huma t-tieni fażi tat-testijiet li tindirizza t-testjar tal-konformità tal-N.SIS II mal-ispeċifikazzjonijiet deskritti fil-verżjoni referenzjali tad-Dokument ta' Kontroll tal-Interfaċċja (ICD).

2.3.   It-testijiet fuq l-Interfaċċji Nazzjonali Lokali (LNI) u l-Interfaċċja Nazzjonali Lokali ta' Riżerva (BLNI) huma t-tielet fażi tat-testijiet, li tindirizza l-konnettività u r-reżiljenza tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni tas-SIS II, bl-għan li jiġu ttestjati l-funzjonament korrett u r-reżiljenza tal-N.SIS II sottostanti kemm l-LNI u l-BLNI, jekk Stat Membru jkollu BLNI.

2.4.   It-testijiet globali huma r-raba' fażi tat-testijiet li tindirizza l-funzjonament kif suppost tal-N.SIS II skont l-ispeċifikazzjoni ICD valida taħt kundizzjonijiet simili u bl-involviment ta' pajjiżi oħra mqabbdin mas-SIS II, kif meħtieġ waqt l-operat ta' kuljum. Dawn huma maqsuma f'żewġ fażijiet distinti:

2.4.1.   Testijiet tal-Istati Membri

Matul din il-fażi tat-testijiet, l-Istati Membri stabbiliti kollha li diġà huma mqabbdin mas-SIS II iridu juru l-kapaċità tagħhom li jikkunsmaw messaġġi mill-Istat Membru aderenti ġdid. It-traffiku tal-Istat Membru aderenti ġdid jista' jiġi ġġenerat bl-użu ta' simulaturi.

2.4.2.   Testijiet Komprensivi

Matul din il-fażi, is-sistema li tkun qed tiġi ttesjata (SUT) se tkun esposta għal traffiku (nominali, ta' stress u massimu) li wieħed jistenna waqt il-ħidma normali. L-Istati Membri (minbarra s-SUT) jiġu sostitwiti b'simulaturi. L-għan ta' din il-fażi huwa li jiġi żgurat li is-SUT jista' jikkunsma u jipproċessal-messaġġi kollha li jaslu u jwettaq operazzjonijiet normali, inkluż l-ittestjar tar-reżiljenza.

2.5.   It-testijiet ITSM huma l-ħames fażi tat-testijiet, li tindirizza l-organizzazzjoni tal-Ġestjoni tas-Servizzi tal-IT, inkluż il-proċeduri tal-operat u l-komunikazzjoni bħas-SIS II SPoC mail, eOPM u SM7.

2.6.   It-testijiet tal-konnettività tas-SIRENE huma s-sitt fażi tat-testijiet, li tindirizza l-konnettività u r-reżiljenza tal-infrastruttura tas-SIRENE Mail u se tiċċekkja l-funzjonament bażiku tal-mailboxes permezz ta' simulazzjonijet tat-traffiku bażiku.

2.7.   It-testijiet funzjonali tas-SIRENE huma s-seba' fażi tat-testijiet li se tindirizza l-funzjonament tas-soluzzjoni teknika nazzjonali tas-SIRENE kif ukoll l-iskambju tal-informazzjoni bejn is-SIRENE Bureaux permezz ta' formoli mibgħuta mill-infrastruttura tas-SIRENE Mail skont l-ispeċifikazzjonijiet previsti fil-Manwal SIRENE stipulati mid-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/219 (1), id-daħħil, il-modifikar, l-ifleggjar, u t-tħassir tat-twissijiet korrespondenti fis-SIS II u l-hmiż/tneħħija tal-informazzjoni addizzjonali rilevanti għat-twissijiet SIS II.

Tipi oħra ta' testijiet jistgħu jkunu previsti skont il-qafas legali tal-Istat Membru partikolari li għandu l-ħsieb li jintegri fis-SIS II.

2.8.   Koordinazzjoni tat-testijiet

l-Aġenzija Ewropea għall-immaniġġjar operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA), bħala l-Awtorità Maniġerjali, tikkoordina t-testijiet kollha, eu-LISA tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tat-testijiet, l-iskeda tat-testijiet, u l-eżitu finali tat-testijiet. Barra minn hekk, se tidentifika, tikklassifika u tiddeskrivi kwalunkwe problema li tinstab u tipproponi għażliet għal soluzzjonijiet.

l-Istati Membri se jassistu lill-eu-LISA fil-prestazzjoni kumplessiva tal-kompiti kollha relatati għall-eżekuzzjonijiet tat-testijiet.

2.9.   Id-dokumentazzjoni tat-testijiet

eu-LISA se tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tat-testijiet. Hija se tagħmel disponibbli lill-Istat Membru involuti l-abbozz u l-verżjoni finali tal-ispeċifikazzjonijiet tat-testijiet.

2.10.   It-twettiq tat-testijiet

eu-LISA se teżegwixxi t-testijiet flimkien mal-Istat Membru u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet tat-testijiet u skont l-iskeda miftiehma mal-esperti tal-Istat Membru, u tiddimostra li r-riżultati tat-test mistennija kif previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tat-test jiġu milħuqa. eu-LISA se tipprovdi l-ambjent tat-testijiet tas-C.SIS II għal skopijiet ta' ttestjar, inkluż it-testijiet funzjonali SIRENE, fejn it-testijiet funzjonali tas-SIRENE u l-modifikazzjonijiet tal-allerti korrespondenti jistgħu jiġu eżegwiti.

2.11.   Aċċettazzjoni tat-testijiet

Il-verdett dwar test ta' Stat Membru jista' jkun ‘għadda’, ‘għadda b'rimarka’, ‘inkonklużiv’, ‘m'għaddiex’ jew ‘Ma ġiex ittestjat’/‘Mhux applikabbli’.

(a)

‘Għadda’:

(i)

Ir-riżultati attwali huma kif mistennija fid-deskrizzjoni tar-‘Riżultat Mistenni’;

(ii)

Il-kondizzjonijiet kollha tat-test u l-Pjan tat-Test ġew rispettati;

(iii)

L-ebda kriterji inkonklużivi ma japplikaw.

(b)

‘Għadda b'rimarka’

Il-kundizzjonijiet imniżżlin fil-punt a) intlaħqu imma kundizzjonijet speċifiiċi u/jew raġunijiet sostanzjati sew ikkawżaw riżultat jew event mhux mistenni, u għalhekk it-test għadda b'rimarka.

(c)

‘Inkonklużiv’ avvenimenti mhux mistennija indipendenti SUT seħħew matul it-test.

(d)

‘M'għaddiex’: wieħed mill-kriterji biex jgħaddi mit-test ma ġiex sodisfatt.

(e)

‘Ma ġiex ittestjat’/‘Mhux applikabbli’

eu-LISA se tirrapporta dwar ir-riżultati tat-testijiet SIS II. Se tidentifika, tikklassifika u tiddeskrivi kwalunkwe problema li tinstab u tipproponi għażliet għal soluzzjonijiet. L-esperti tal-Istat Membru jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa sabiex il-Grupp tal-Koordinazzjoni tat-Testijiet (TCG) ikun jista' jagħmel xogħlu.

Fejn id-dokumentazzjoni tat-testijiet taqsam it-testijiet f'fażijiet separati eu-LISA se tinforma lill-Istati Membri bir-riżultati ta' kull fażi qabel ma tibda l-fażi li jmiss.

L-aċċettazzjoni tat-testijiet tkun ibbażata fuq rapporti li jkun fihom analiżi dettaljata tar-riżultati tat-testijiet u l-konklużjonijiet dwar il-validazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-Istat Membru (N SIS II jew l-applikazzjoni SIRENE). Jekk l-Istat Membru li jkun qed jiġi ttestjat jew eu-LISA jikkunsidra li t-testijiet ma jistgħux jitlestew b'suċċess, dan għandu jiġi nnutat fir-rapport. L-eu-LISA tipprovdi opinjoni fuq it-tlestija b'suċċess tat-testijiet SIS II, u tieħu kont tal-fehmiet espressi mill-esperti tal-Istat Membru, u eu-LISA se tissottometti r-riżultat tat-test bl-opinjoni tagħha rigward il-formazzjonijiet relevanti tal-Kumitat SISVIS għall-approvazzjoni finali.

3.   DOKUMENT TA' KONTROLL TAL-INTERFAĊĊJA (ICD) U SPEĊIFIKAZZJONI TEKNIKA DETTALJATA (DTS) GĦALL-ITTESTJAR

L-N.SIS II f'kull pajjiż li qed jintegra fis-SIS II se jiġi ttestjat skont l-iktar speċifikazzjonijiet reċenti.

l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati (DTS) imħejjija minn eu-LISA jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u nonfunzjonali tas-C.SIS II.

L-ICD mħejji mill-eu-LISA se jiddefinixxi l-interfaċċja bejn is-C SIS II u l-N.SIS II. Dan fih l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interazzjonijiet bejn sistema u oħra f'termini ta' attributi ta' dejta u messaġġi trasmessi, protokolli użati kif ukoll it-twaqqit u s-sekwenza tal-avvenimenti.

L-ispeċifikazzjonijiet, kif previsti fl-ICD u d-DTS, se jkunu stabbli għal perjodu stabbilit u t-twaqqit tal-aġġornament taż-żewġ sistemi se jiġi stipulat fi pjan ta' rilaxx li se jiddefinixxi l-verżjoni ta' referenza għall-fażi partikolari tat-test. Il-problemi li jinstabu waqt il-kampanji tal-ittestjar jiġu rrappurtati, analizzati u solvuti skont proċeduri operazzjonali stabbiliti, u jittieħed kont tal-opinjoni tal-esperti tal-Istat Membru li jkun qed jiġi ttestjat

4.   IR-RAPPORT INTERIM U FINALI DWAR IR-RIŻULTATI TAL-FAŻIJIET TAT-TESTIJIET

eu-LISA tikteb, fuq bażi regolari, rapporti dwar l-istatus tat-testijiet. Ir-rapporti jsemmu liema fażi tat-testijiet tkun qed tiġi ttrattata attwalment u liema Stati Membri lestew, bdew jew għadhom ma bdew l-ebda fażi. Jekk tiġi nnotata kwalunkwe riperkussjoni għall-iskeda tat-testijiet, għandhom jiġu rreġistrati flimkien mal-kawża tagħhom.

Ma' tmiem kull fażi ta' ttestjar, eu-LISA se tħejji rapport fuq ir-riżultat, kwalunkwe problemi li jkunu nstabu u għażliet għal soluzzjonijiet. F'każijet fejn l-Istat Membru li qed jiġi ttestjat jew eu-LISA jikkunsidraw li t-testijiet ma jistgħux jintemmu b'suċċess għandhom jirreġistraw dan il-fatt, waqt li jagħtu r-raġunijet, f'nota separata.”


(1)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/219 tad-29 ta' Jannar 2015 li tissostitwixxi l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/115/UE dwar il-Manwal SIRENE u miżuri implimentattivi oħra għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 44, 18.2.2015, p. 75).


Top