Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0948

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 948/2014 tal- 4 ta' Settembru 2014 li jiftaħ il-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

    ĠU L 265, 5.9.2014, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2017: This act has been changed. Current consolidated version: 10/09/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/948/oj

    5.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 265/18


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 948/2014

    tal-4 ta' Settembru 2014

    li jiftaħ il-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (f), (l), (m) u (n), u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u partikolarment l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 17(g) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula l-għotja ta' għajnuna għall-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat.

    (2)

    Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi prodotti tal-ħalib. Żviluppi fil-prezzijiet u l-ħażniet ta' trab tal-ħalib xkumat jindikaw sitwazzjoni partikolarment diffiċli tas-suq li tista' tiġi eliminata jew imnaqqsa permezz tal-ħżin. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq, huwa f'loku li tingħata għajnuna għall-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiġi ffissat l-ammont tal-għajnuna bil-quddiem.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 (4) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' għajnuna għall-ħżin privat.

    (4)

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, se tingħata għajnuna ffissata bil-quddiem skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati stipulati fil-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament.

    (5)

    Skont l-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u biex ikun żgurat it-tqegħid ta' lottijiet omoġenji u maniġġabbli fil-ħżin, huwa f'loku li jiġu speċifikati r-rekwiżiti għal “lott tal-ħżin”.

    (6)

    Għal raġunijiet ta' effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u peress li l-informazzjoni meħtieġa dwar id-dettalji tal-ħżin hija diġà inkluża fl-applikazzjoni għall-għajnuna, huwa f'loku li jkun hemm eżenzjoni mir-rekwiżit li l-istess informazzjoni tiġi nnotifikata wara li l-kuntratt ikun konkluż, kif stipulat fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    (7)

    Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni u effiċjenza loġistika, l-Istati Membri għandhom jitħallew jeżentaw mir-rekwiżit li kull unità maħżuna tkun immarkata bin-numru tal-kuntratt meta n-numru tal-kuntratti jkun iddaħħal fir-reġistru tal-ħażniet.

    (8)

    Għal raġunijiet ta' effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-ħżin tat-trab tal-ħalib xkumat, il-kontrolli stipulati fl-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom jitwettqu tal-anqas fir-rigward ta' nofs il-kuntratti. Konsegwentament, għandha tkun stipulata deroga minn dak l-Artikolu.

    (9)

    Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013 l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħażna u/jew elementi oħra rilevanti tas-suq. Huwa f'loku li tiġi ffissata għajnuna għall-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti inkwistjoni u għall-ispejjeż ta' kuljum għall-ħżin u l-finanzjament.

    (10)

    Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u sabiex tkun tista' ssegwi mill-qrib l-użu tal-miżura huwa f'loku li tiġi speċifikata skadenza għat-tressiq tan-notifiki stipulati fl-Artikolu 35(1)(a) ta' dak ir-Regolament.

    (11)

    Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex tikkontribwixxi fl-istabilizzazzjoni tal-prezzijiet, il-miżura temporanja stipulata f'dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    (12)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dan ir-Regolament jistipula l-għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat kif imsemmi fl-Artikolu 17(g) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.

    2.   Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-unità tal-kejl imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 hija l-“lott tal-ħżin” li tikkorrispondi għall-kwantità tal-prodotti koperti b'dan ir-Regolament, li jiżnu tal-anqas tunnellata (1) u huma ta' kompożizzjoni u kwalità omoġenja, prodotti f'fabbrika waħda, maħżuna f'maħżen wieħed f'jum wieħed.

    Artikolu 3

    1.   Ma għandux japplika l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 22(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu ħsieb idaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru msemmi fil-punt V tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.

    3.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fit-tmiem tal-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, fir-rigward ta' mill-inqas nofs l-għadd ta' kuntratti, tivverifika permezz ta' kampjuni, il-piż u l-identifikazzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat maħżun.

    Artikolu 4

    1.   L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun:

    EUR 8,86 għal kull tunnellata ta' ħażna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin,

    EUR 0,16 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta' ħżin kuntrattwali.

    2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta' qabel il-ġurnata li jitneħħa mill-ħżin.

    3.   L-għajnuna tista' tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 90 u 210 jum.

    Artikolu 5

    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħażna privata jistgħu jitressqu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-aħħar data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014.

    Artikolu 6

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

    (a)

    sa kull nhar ta' Tlieta għall-ġimgħa preċedenti, il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti kif ukoll il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti, kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008;

    (b)

    mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar għax-xahar preċedenti, l-informazzjoni dwar l-istokkijiet meħtieġa skont l-Artikolu 35(1)(b) tar-Regolament Nru 826/2008.

    Artikolu 7

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12–19

    (3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3).


    Top