EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0911

Regolament (UE) Nru 911/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 257, 28.8.2014, p. 115–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/911/oj

28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/115


REGOLAMENT (UE) Nru 911/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”) sabiex ikun żgurat livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sikurezza marittima u ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis mill-vapuri.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 724/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li emenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002, assenja lill-Aġenzija kompiti ġodda fl-oqsma tal-prevenzjoni u tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri, wara l-aċċidenti li seħħu f’ilmijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tat-tankers taż-żejt “Erika” u “Prestige”.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002, assenja lill-Aġenzija kompiti fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass u estenda s-servizzi tal-Aġenzija għall-Istati li japplikaw għall-adeżjoni mal-Unjoni u għall-pajjiżi sħab tal-Viċinat Ewropew.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2038/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stabbilixxa finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti li skada fil-31 ta’ Diċembru 2013.

(5)

Minħabba l-impatt ekoloġiku potenzjalment devastanti u l-ispejjeż ekonomiċi kbar ħafna tal-inċidenti ta’ tniġġis, kif ukoll il-possibbiltà ta’ impatt soċjoekonomiku ta’ dawn l-inċidenti fuq setturi oħrajn, bħat-turiżmu u s-sajd, l-Aġenzija għandu jkollha l-mezzi suffiċjenti biex tkun tista’ twettaq il-kompiti assenjati lilha fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. Dawk il-kompiti huma importanti fil-prevenzjoni ta’ iktar ħsara kemm ta’ natura monetarja kif ukoll dik mhux monetarja.

(6)

Għall-finijiet li jiġu implimentati l-kompiti ta’ prevenzjoni u ta’ reazzjoni għat-tniġġis mill-vapuri, fit-22 ta’ Ottubru 2004 l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta Pjan ta’ Azzjoni għal stat ta’ tħejjija u reazzjoni għat-tniġġis miż-żejt, li jiddetermina l-attivitajiet tal-Aġenzija b’reazzjoni għat-tniġġis miż-żejt u li huwa maħsub għallaqwa użu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Aġenzija. Fit-12 ta’ Ġunju 2007, il-Bord Amministrattiv adotta Pjan ta’ Azzjoni għal Stat ta’ Tħejjija u Reazzjoni għat-Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Ta’ Ħsara. Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, iż-żewġ Pjanijiet ta’ Azzjoni jiġu aġġornati kull sena permezz ta’ programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija.

(7)

Għandhom jitqiesu l-ftehimiet eżistenti dwar it-tniġġis aċċidentali, li jiffaċilitaw l-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam, kif ukoll il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti għall-ħarsien ta’ żoni marittimi Ewropej minn inċidenti ta’ tniġġis li jirrikjedu li l-partijiet jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex iħejju u jwieġbu għal inċident ta’ tniġġis biż-żejt.

(8)

L-azzjoni ta’ reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija, kif speċifikata fil-pjanijiet ta’ azzjoni, hija marbuta ma’ attivitajiet fl-oqsma tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ tniġġis tal-baħar ikkawżat minn sustanzi perikolużi u ta’ ħsara. Fuq kollox, dik l-azzjoni ta’ reazzjoni hija marbuta mal-għoti ta’ assistenza operazzjonali lill-Istati Membri milquta jew pajjiżi terzi li għandhom baċin tal-baħar reġjonali komuni mal-Unjoni (‘Stati affettwati’) permezz tal-għoti, fuq talba, ta’ bastimenti addizzjonali kontra t-tniġġis biex jiġi miġġieled it-tniġġis biż-żejt ikkawżat mill-bastimenti kif ukoll it-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. L-Aġenzija għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk iż-żoni identifikati bħala l-iktar vulnerabbli mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe żona oħra fil-bżonn.

(9)

L-attivitajiet tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġisgħandhom jikkonformaw mal-arranġamenti eżistenti ta’ kooperazzjoni billi jipprovdu għal assistenza reċiproka f’każ ta’ inċident ta’ tniġġis marittimu. L-Unjoni ngħaqdet ma’ organizzazzjonijiet reġjonali varji u qed tħejji għall-adeżjoni ma’ organizzazzjonijiet reġjonali oħra.

(10)

L-azzjoni tal-Aġenzija għandha tiġi kkoordinata mal-attivitajiet taħt il-ftehimiet bilaterali u reġjonali li għalihom l-Unjoni tkun Parti. Fil-każ ta’ inċident ta’ tniġġis marittimu, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Istat affettwat li taħt l-awtorità tiegħu jitmexxew l-operazzjonijiet ta’ tindif.

(11)

L-Aġenzija għandu jkollha rwol attiv fiż-żamma u iktar żvilupp tas-Servizz Ewropew ta’ Monitoraġġ taż-Żejt bis-Satellita (CleanSeaNet) għas-sorveljanza, l-individwazzjoni bikrija tat-tniġġis u l-identifikazzjoni tal-vapuri jew tal-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass responsabbli, pereżempju fil-każ ta’ rimi ta’ żejt minn vapuri u rilaxxi operazzjonali u tixrid aċċidentali minn pjattaformi lil hinn mix-xtut. Dak is-servizz għandu jtejjeb id-disponibbiltà tad-data u l-effikaċja u t-tempestività tar-reazzjoni għat-tniġġis.

(12)

Il-mezzi addizzjonali li għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija lill-Istati affettwati għandhom ikunu disponibbli permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(13)

L-informazzjoni relattiva għall-mekkaniżmi ta’ reazzjoni għat-tniġġis pubbliċi u privati u għall-kapaċitajiet ta’ reazzjonijiet assoċjati fir-reġjuni varji tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Istati Membri permezz tas-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni dwar l-Emerġenzi (CECIS) stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom (8), meta disponibbli għal dak il-għan.

(14)

Sabiex l-assistenza operazzjonali tal-Aġenzija ssir iktar effiċjenti fid-dawl tal-estenzjoni tal-mandat ta’ reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija għal pajjiżi terzi li għandhom baċin tal-baħar reġjonali komuni mal-Unjoni, l-Aġenzija għandha tagħmel kull sforz biex tħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi terzi jikkondividu informazzjoni u jikkooperaw fiż-żamma mill-Aġenzija ta’ lista ta’ mekkaniżmi ta’ reazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni assoċjati.

(15)

Sabiex titjieb l-effikaċja tal-attivitajiet ta’ reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija, l-Istati Membri għandhom jaqsmu mal-Aġenzija l-istudji xjentifiċi li jkunu wettqu dwar l-effetti tas-sustanzi kimiċi użati bħala aġenti dispersivi li jistgħu jkunu rilevanti għal dawk l-attivitajiet.

(16)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni tagħha, l-Aġenzija għandha tiġi pprovduta b’sistema vijabbli u kosteffiċjenti għall-finanzjament, b’mod partikolari, bl-għoti ta’ assistenza operazzjonali lill-Istati affettwati.

(17)

Għalhekk għandha tiġi pprovduta sigurtà finanzjarja għall-finanzjament tal-kompiti fdati lill-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis u ta’ azzjonijiet oħra assoċjati imsejjsa fuq impenn pluriennali. Id-daqs ta’ dak l-impenn pluriennali għandu jirrifletti l-espansjoni tal-ambitu tal-Aġenzija fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis, u wkoll il-ħtieġa li l-Aġenzija żżid l-effiċjenza fl-użu tal-fondi allokati lilha, f’kuntest ta’ limitazzjonijiet baġitarji. L-ammonti annwali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura baġitarja annwali. Hu ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-kapaċità tal-Aġenzija li twettaq dmirijietha fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass b’mod effikaċi u kosteffiċjenti.

(18)

L-ammonti li għandhom jiġu impenjati għall-finanzjament għar-reazzjoni kontra t-tniġġis għandhom ikopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont il-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (9) (‘il-qafas finanzjarju multiannwali’). Għalhekk għandu jiġi pprovdut pakkett finanzjarju li jkopri l-istess perjodu.

(19)

L-appoġġ tal-Aġenzija għall-Istati li japplikaw għall-adeżjoni mal-Unjoni u għall-pajjiżi sħab tal-Viċinat Ewropew għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ programmi eżistenti tal-Unjoni għal dawk l-Istati u pajjiżi u għalhekk ma għandux jagħmel parti mill-finanzjament pluriennali tal-Aġenzija.

(20)

Sabiex ikun hemm allokazzjoni ideali tal-impenji u titqies kwalunkwe bidla li jkollha x’taqsam ma’ attivitajiet b’reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri, jeħtieġ li jiġi żgurat monitoraġġ kontinwu tal-bżonnijiet partikolari għal azzjoni sabiex ikun hemm lok għal addattament tal-impenji finanzjarji annwali.

(21)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija għandha tirrapporta dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-finanzjament pluriennali tal-Aġenzija fir-rapport annwali tagħha.

(22)

Huwa xieraq li tiġi żgurata l-kontinwità fl-għajnuna finanzjarja mogħtija permezz tal-azzjoni tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejd u tal-gass, u li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi allinjat ma’ dak tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (‘l-Aġenzija’) għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lilha fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass, skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

2.   L-attivitajiet tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis m’għandhomx jeżoneraw lill-Istati tax-xtut mir-responsabbilitajiet li jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa ta’ reazzjoni għat-tniġġis.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“żejt” tfisser żejt mhux maħdum fi kwalunkwe forma, inkluż żejt mhux raffinat, żejt kombustibbli, ħama, skart ta’ żejt u prodotti raffinati kif stabbilit mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-istat ta’ Tħejjija, Reazzjoni u Kooperazzjoni għat-Tniġġis miż-Żejt, 1990, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI);

(b)

“sustanzi perikolużi u ta’ ħsara” tfisser kwalunkwe sustanza minbarra ż-żejt li, jekk jiddaħħlu fl-ambjent tal-baħar, li x’aktarx joħolqu perikli għas-saħħa tal-bniedem, jagħmlu ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ħajja tal-baħar, jagħmlu ħsara lil faċilitajiet jew tinterferixxi ma’ użi leġittimi oħra tal-baħar, kif stabbilit mill-Protokoll dwar l-istat ta’ Tħejjija, Reazzjoni u Kooperazzjoni għal Inċidenti ta’ Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Ta’ Ħsara, 2000, tal-OMI;

(c)

“installazzjoni taż-żejt u l-gass” tfisser faċilità stazzjonarja fissa jew mobbli, jew kumbinazzjoni ta’ faċilitajiet, interkonnessi b’mod permanenti permezz ta’ pontijiet jew strutturi oħra, użati għall-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mix-xtut jew b’konnessjoni ma’ dawk l-operazzjonijiet; ‘installazzjoni taż-żejt u gass’ tinkludi unitajiet tat-tħaffir mobbli lil hinn mix-xtut biss jekk ikunu stazzjonati f’ilmijiet lil hinn mix-xtut għat-tħaffir, il-produzzjoni jew attivitajiet oħra assoċjati ma’ operazzjonijiet taż-żejt jew tal-gass lil hinn mix-xtut, kif ukoll infrastruttura u faċilitajiet użati biex iż-żejt u l-gass jinġiebu l-art jew lejn terminals fuq l-art.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi allokata lill-Aġenzija bl-għan li tiffinanzja l-azzjonijiet fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass kif imsemmija fil-pjan iddettaljat stabbilit skont il-punt (k) tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, b’mod partikolari dawk relatati ma’:

(a)

assistenza operazzjonali u appoġġ b’mezzi addizzjonali, bħal vapuri kontra t-tniġġis lesti biex jintużaw, xbiehat bis-satellita u tagħmir tas-satellita, ta’ azzjonijiet ta’ reazzjoni għat-tniġġis, fuq talba tal-Istati milquta, skont il-punt (d) tal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 fil-każ ta’ tniġġis tal-baħar aċċidentali jew intenzjonali kkawżat minn vapuri jew installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass;

(b)

kooperazzjoni u koordinazzjoni u l-forniment lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni ta’ assistenza teknika u xjentifika fil-qafas tal-attivitajiet rilevanti tal-Mekkaniżmu tal-Uunjoni tal-Protezzjoni Ċivili, tal-OMI u tal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti;

(c)

informazzjoni, b’mod partikolari l-ġbir, l-analiżi u t-tixrid tal-aqwa prattiki, tal-għarfien espert, tat-tekniki u l-innovazzjonijiet fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

Artikolu 4

Finanzjament tal-Unjoni

1.   Fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali, l-Aġenzija għandha tingħata l-approprjazzjonijiet meħtieġa biex taqdi dmirijietha fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass b’mod effettiv u kosteffiċjenti.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 3 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jkun ta’ EUR 160 500 000 espress fi prezzijiet attwali.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu ddeterminati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ggarantit il-finanzjament meħtieġ tal-assistenza operazzjonali lill-Istati Membri skont il-punt (a) tal-Artikolu 3.

Artikolu 5

Monitoraġġ ta’ kapaċitajiet eżistenti

1.   Sabiex jiġu ddefiniti r-rekwiżiti għal, u tiżdied l-effiċjenza ta’, l-għoti ta’ assistenza operazzjonali mill-Aġenzija, pereżempju fil-forma ta’ bastimenti kontra t-tniġġis minbarra l-kapaċitajiet tal-Istati Membri, l-Aġenzija għandha żżomm lista tal-mekkaniżmi pubbliċi u, fejn disponibbli, dawk privati ta’ reazzjoni għat-tniġġis u kapaċitajiet ta’ reazzjoni assoċjati fir-reġjuni varji tal-Unjoni.

2.   L-Aġenzija għandha żżomm dik il-lista abbażi tal-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri. Fiż-żamma ta’ dik il-lista, l-Aġenzija għandu jkollha l-għan li tikseb informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ reazzjoni għat-tniġġis u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni assoċjati minn pajjiżi terzi li għandhom baċir tal-baħar reġjonali komuni mal-Unjoni.

3.   Il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija għandu jqis dik il-lista u informazzjoni xierqa oħra rilevanti għall-objettivi tar-reazzjoni għat-tniġġis stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, bħal dik li tinsab fil-valutazzjonijiet tar-riskju u l-istudji xjentifiċi dwar l-effetti tas-sustanzi kimiċi użati bħala aġenti dispersivi, qabel ma jiddeċiedi dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija ta’ reazzjoni għat-tniġġis fil-qafas tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk iż-żoni identifikati bħala l-iktar vulnerabbli, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe żona oħra fil-bżonn.

Artikolu 6

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli u ispezzjonijiet effettivi u, fejn jinstabu xi irregolaritajiet, bl-irkupru ta’ kwalunkwe ammont imħallas mhux kif dovut u billi jimponu penali effettivi, proporzjonali u dissważivi, skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (10) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11), u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

2.   Għall-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew baġits fejn il-ġestjoni tkun f’idejn l-Unjoni, minħabba partita ta’ nfiq mhux ġustifikat.

3.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom, kull waħda fl-isfera tal-kompetenza rispettiva tagħha, jiżguraw li jinkiseb l-aqwa valur meta mqabbel mal-ammont minfuq fil-finanzjament ta’ azzjonijiet tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu

1.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u quddiem il-Kunsill, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017. Dak ir-rapport, li għandu jiġi stabbilit mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, għandu jistipula r-riżultati tal-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 fir-rigward tal-impenji u n-nefqa li jkopru l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2016.

2.   F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni tal-kapaċità tal-Aġenzija biex taqdi dmirijietha b’mod effettiv u kosteffiċjenti. Għall-perjodu 2018-2020, abbażi tal-evalwazzjoni u l-eżami tal-ħtieġa li l-Aġenzija twettaq il-kompiti assenjati lilha, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tipproponi aġġustament xieraq, sa massimu ta’ 8 %, tal-pakkett finanzjarju pluriennali allokat lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 3. L-aġġustament possibbli għandu jibqa’ fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri baġitarji annwali jew għar-rieżami li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   Dak ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi, ekoloġiċi u finanzjarji, jekk disponibbli, tal-istat ta’ tħejjija għar-reazzjoni tal-Aġenzija fir-rigward tat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

4.   Barra minn hekk, abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummisjoni tista’, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari sabiex jitqies il-progress xjentifiku fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijet taż-żejt u tal-gass, inkluż fir-rigward tat-tniġġis ikkawżat minn sustanzi perikolużi u ta’ ħsara, kif ukoll it-tibdil rilevanti għall-istrumenti, li jistabbilixxu organizzazzjonijiet reġjonali, li l-attivitajiet tagħhom ikunu koperti mill-attivitajiet tal-Aġenzija fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis u li għalihom tkun aċċediet l-Unjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 108.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(3)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(4)  Regolament (KE) Nru 724/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30).

(6)  Regolament (KE) Nru 2038/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(12)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilltal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


Top