Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0890

2014/890/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta' Diċembru 2014 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt taċ-chia ( Salvia hispanica ) bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2014) 9209)

ĠU L 353, 10.12.2014, pp. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/890/oj

10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/15


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Diċembru 2014

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 9209)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2014/890/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Novembru 2012, il-kumpanija Functional Products Trading S.A. għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex iqiegħdu ż-żejt taċ-chia (Salvia hispanica) fis-suq bħala ingredjent ġdid tal-ikel għall-użu fiż-żjut veġetali u bħala suppliment tal-ikel.

(2)

Fit-8 ta' Lulju 2013, il-korp kompetenti tar-Renju Unit tal-valutazzjoni tal-ikel ħareġ l-ewwel rapport tiegħu tal-valutazzjoni. F'dak ir-rapport wasal għall-konklużjoni li ż-żejt taċ-chia (Salvia hispanica) jissodisfa l-kriterji ta' ikel ġdid kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fit-13 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni ressqet ir-rapport inizjali ta' valutazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Tul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, trid issir Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tqis l-oġġezzjonijiet li saru. L-ispjegazzjonijiet addizzjonali min-naħa tal-applikant taffew dan it-tħassib b'mod sodisfaċenti għall-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(5)

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. L-użu taż-żejt taċ-chia (Salvia hispanica) għandu jkun awtorizzat mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dik il-leġiżlazzjoni.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal- Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żejt taċ-chia (Salvia hispanica) kif speċifikat f'Anness I jista' jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont l-użi definiti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46/KE.

Artikolu 2

Id-denominazzjoni taż-żejt taċ-chia awtorizzata b'din id-Deċiżjoni biex tidher fuq it-tikketta tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ingredjent għandha tkun “Żejt taċ-chia (Salvia hispanica)”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Functional Products Trading S.A., Av. Luis Pasteur 5842 Of. 302 — Vitacura, Santiago, Chile.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS I

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAŻ-ŻEJT TAĊ-CHIA (SALVIA HISPANICA)

Deskrizzjoni:

Iż-żejt taċ-chia huwa prodott miċ-chia (Salvia hispanica L.) (99,9 % pur) permezz tat-tagħsir kiesaħ. Ma jintużaw l-ebda solventi u, ladarba jiġi magħsur, iż-żejt jinżmamm f'tankijiet ta' dekantazzjoni u jsirlu proċess ta' filtrazzjoni sabiex jitneħħew l-impuritajiet.

Test

Speċifikazzjoni

Aċidità espressa bħala aċidu olejku

Mhux iktar minn 2 %

Il-valur tal-perossidu

Mhux iktar minn 10 meq/kg

Impuritajiet insolubbli

Mhux iktar minn 0,05 %

Aċidu alfa-linoleniku

Mhux anqas minn 60 %

Aċidu linolejku

15–20 %


ANNESS II

UŻU AWTORIZZAT TAŻ-ŻEJT TAĊ-CHIA (SALVIA HISPANICA)

Kategorija tal-ikel

Livelli tal-użu

Xaħmijiet u żjut

Mhux iktar minn 10 %

Supplimenti tal-ikel

Mhux aktar minn 2 g kuljum


Top